Id-Djoċesi tagħti attenzjoni speċjali lill-Ħajja Kkonsagrata
Dalgħodu, fil-Knisja Katidrali ta’ Għawdex, Mons. Isqof Mario Grech mexxa l-quddiesa tat-Tberik taż-Żjut. Ma’ Mons. Isqof ikkonċelebraw għadd kbir ta’ saċerdoti, li ġeddew il-wegħdiet saċerdotali tagħhom.
F’din il-quddiesa, flimkien mas-saċerdoti li din is-sena qed ifakkru l-25, 50 u 60 anniversarju mill-ordinazzjoni saċerdotali tagħhom, ingħatat importanza partikulari lill-Persuni Kkonsagrati, reliġjużi u lajċi, biex titfakkar is-Sena ddedikata lill-Ħajja Kkonsagrata.
Fl-omelija tiegħu, Mons. Isqof tkellem dwar il-Liturġija fil-ħajja tal-komunità Nisranija u qal li fejn il-liturġija tiġi apprezzata u mgħixa b’intensità, hemmhekk toktor il-ħajja tal-komunità.
Waqt it-tberik taż-Żejt tal-Griżma, Mons. Isqof stieden lil grupp ta’ studenti preżenti fil-Katidral, li din is-sena se jirċievu s-Sagrament tal-Konfermazzjoni, biex jersqu lejn il-presbiterju u jsegwu mill-qrib ir-rit liturġiku.