Omelija fil-Vġili tas-Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni
Il-Ħadd 7 ta’ Diċembru 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
F’ħajjitna mhux kollox imurilna sew. Diversi drabi, meta xi ħaġa tmur żmerċ, nafu naħbtu naqtgħu qalbna. Hemm min jekk jieħu tisbita mal-art, mhux lakemm isib il-qawwa biex jerġa’ jqum fuq riġlejh. Imma rridu napprezzaw li fina hemm xi ħaġa li meta jiġrilna hekk, tgħidilna nerġgħu nagħtu rkaptu. Kemm jiġrili li nkun nikteb fuq biċċa karta, nieħu żball, inqatta’ l-karta u nibda waħda ġdida. Kif jiġri lili, jiġri lilek. Allaħares meta niżbaljaw, inqattgħu kollox u narmu l-karti kollha. Għandna nemmnu li f’kull ċirkustanza nistgħu nibdew niktbu paġna ġdida fl-istorja ta’ ħajjitna.
Il-Vanġelu tal-lum (Mk 1:1-8) jitkellem fuq il-bidu ġdid li kellu l-poplu tal-Lhudija u ta’ Ġerusalemm wara li laqa’ l-Bxara t-tajba ta’ Ġesù. Minkejja li kellu storja ta’ fallimenti, infedeltajiet, dnubiet, u iżjed, dan il-poplu ma qatax qalbu, imma meta permezz tal-Battista huwa ġie wiċċ imb’wiċċ mal-Kelma (Ġesù Kristu), sab il-qawwa biex jerġa’ jibda jikteb paġna ġdida fl-istorja tiegħu. Dak li seħħ mal-poplu Lhudi jista’ jseħħ magħna llum ukoll. Għalkemm fil-ħajja personali, familjari u soċjali tagħna hemm tant stejjer imqallbin u tant ħolm jisparixxi, irridu nagħmlu kuraġġ biex ħadd ma jfettillu jqatta’ l-karti u jibgħat kollox jixxejjer mar-riħ.
Għall-grazzja ta’ Alla, lilna waslitilna l-Kelma ta’ Alla li maż-żmien saret laħam. Min jilqa’ dan il-Vanġelu jsib qawwa biex jerġa’ jibda jikteb mill-ġdid l-istorja ta’ ħajtu. Ma hemm ebda sitwazzjoni, wiegħra kemm hija wiegħra, li ma tistax tirċievi l-Bxara t-tajba. Ninkwieta meta fil-Knisja għandna persuni li għadhom jaħsbu li fil-ħajja hemm ċerti qagħdiet li huma irriversibbli. Dawn huma konvinti li hemm sitwazzjonijiet li bħal donnhom huma maqtugħin mill-qawwa fejjieda ta’ Kristu. Raġunamenti bħal dawn juru li għadna ma ntbaħniex min hu Kristu. Min jaqta’ qalbu minnu nnifsu jew minn sitwazzjoni li jkun jinsab fiha hu, ifisser li jkun għadu ma jemminx biżżejjed li l-Vanġelu għandu l-qawwa li tgħin lill-bniedem jinawgura fażi ġdida f’ħajtu. Ma nitħawdux. Ma teżisti ebda sitwazzjoni fejn bniedem sinċier li jrid ipoġġi lilu nnifsu f’relazzjoni mal-Kelma (Kristu), ma jirċevix il-grazzja ta’ Alla biex jibda storja ġdida.
L-Immakulata Kunċizzjoni hija eżempju ta’ kif Alla kapaċi jibda jikteb paġna ġdida. Alla ppermetta li Marija ta’ Nazareth tgawdi minn qabel il-frott tal-fidwa li wettaq Ġesù u hekk tnisslet mingħajr tebgħa. Għaliex Marija kellha din il-laqgħa anterjuri mal-Kelma, tkeċċiet minnha kull nikta ta’ ħażen u hekk kien inawgurat bidu ġdid għall-umanità. Għalhekk il-Kunċizzjoni hija mudell għalina: nagħmlu l-qalb, għaliex jekk bħalha nagħmlu l-wisa’ f’qalbna għall-Kelma u nħalluha tistrieħ fuqna u tbejjet f’qalbna, l-imħabba ta’ Alla timbuttana biex, ikun kemm ikun hemm għeltijiet fil-paġna ta’ ħajjitna, inkunu nistgħu nibdew paġna ġdida.
Bħala ragħaj spiritwali nixtieq ħafna li flimkien nibdew niktbu paġna ġdida fl-istorja ta’ din il-Knisja lokali.
Kulħadd għajnejh f’wiċċu. Ilna naraw jiżvolġu fostna ċerti ħwejjeġ li jħassbu mhux biss lil min hu Nisrani imma wkoll lil min għandu għal qalbu lill-bniedem. Mhux ser insemmi l-feriti li għandhom il-familji; imma nirreferi għal ċerti kurrenti ta’ ħsieb li qegħdin iserrpu fostna u li jekk nagħmluhom tagħna, ikomplu jneżżgħu lill-bniedem mid-dinjità tiegħu.
F’dan il-kuntest nistaqsi fejn huwa r-rifless tal-Vanġelu f’din is-soċjetà li hija daqshekk reliġjuża u fl-istess waqt daqshekk lajċista. Meta għandna massa kbira li kull nhar ta’ Ħadd tmur il-knisja għall-Quddiesa, kif imbagħad qegħdin niktbu storja fuq linji mgħawġin? Jien konvint li bħala komunità ekkleżjali jrid ikollna l-kuraġġ u nagħtu bidu ġdid ta’ kif ngħixu s-sejħa Kristjana u ekkleżjali tagħna. Meta waslitlu l-Kelma permezz tal-profeta, il-poplu Lhudi telaq minn Ġerusalemm – ħareġ mit-Tempju, iċ-ċentru ta’ dik li kienet ir-reliġjon pura imma li maż-żmien tħassret u tbattlet minn kull kontenut spiritwali! Nibża’ li aħna għandna bżonn noħorġu minn ċerta reliġjożità biex nidħlu fir-reliġjon vera. Neħtieġu nitfgħu wara spallejna ħafna mir-ritwali vojta u ċelebrazzjonijiet li ftit li xejn qed ilaqqgħuna mal-misteru. Hemm bżonn inneħħu ċerti affarijiet li għandna fil-Knisja li jekk għandhom sens folkloristiku, żgur huma battala mis-sens reliġjuż. Huwa urġenti li ngħidu daqshekk għal ċerti reenactments fil-liturġija. Naf li qed ngħid affarijiet li ma humiex ħfief; konxju li kliem bħal dan jista’ joħloq reżistenza. Imma din hija s-siegħa jekk irridu ngħixu l-laqgħa tagħna ma’ Kristu b’mod awtentiku. Inħoss li bħala Knisja qegħdin ngħixu fi żmien delikat – żmien ta’ make or break. Nerfgħu din ir-responsabbiltà quddiem Alla u quddiem l-istorja.
Din il-laqgħa mal-Kelma għandha tgħinna nibdew niktbu paġna ġdida kemm fil-ħajja personali tagħna u kemm fil-ħajja soċjali. Ukoll jekk il-proposta u x-xhieda Nisranija tagħna ma tkunx skont il-mainstream tas-soċjetà, xorta nqanqlu interess u mistoqsija. Ma ninkwetax li qegħdin ngħixu f’soċjetà pluralistika; ninkwieta jekk aħna bħala poplu ta’ Alla ma jkollniex il-ħila li ndewqu l-benna ta’ Alla.
Min jinnamra mal-Kelma, ma jistax ma jiktibx paġna ġdida f’ħajtu. Altru li ma għandniex għalfejn naqtgħu qalbna. Imma nħeġġeġ biex din il-laqgħa ma’ Kristu ngħixuha b’mod personali. Hekk biss nistgħu nagħmlu mill-Knisja preżenza relevanti għas-soċjetà. Imbagħad lil min jistaqsina x’inhi r-raġuni wara l-għażliet li nagħmlu b’mod ħieles (u mingħajr l-appoġġ tal-liġijiet ċivili), inkunu nistgħu nweġbuh li l-għażla tagħna hija motivata biss minn Kristu. Sinċerament inħoss li minkejja l-istorja millenarja u sabiħa li għandha l-Knisja f’pajjiżna, ma humiex ftit dawk li għalkemm irċevew il-Magħmudija, għadhom prinċipjanti fil-ħajja Nisranija. Dan ma huwa tort ta’ ħadd, imma frott taċ-ċirkustanzi.
Il-Knisja tippreżentalna lil Marija bħala Omm il-Knisja u xbieha tagħha. Aħna rridu ngħożżu u nkattru d-devozzjoni tagħna lejHa u nitolbuha biex kif fi żminijiet ta’ prova hija ġabret madwarha lill-Appostli u għenithom jintervienu biex is-soċjetà tibda tikteb paġna ġdida mnebbħa minn Ġesù, hija tgħin lill-Knisja f’pajjiżna biex tagħmel l-aġġustamenti li għandha bżonn biex tkun preżenza mġedda fid-dinja tal-lum – preżenza assolutament differenti minn dik ta’ ftit snin ilu. Nemmen li jekk il-Knisja tagħmel dan l-aġġornament, kif għamlet fl-imgħoddi, tkun tista’ tkompli tagħti sehemha biex ikollna storja li tagħmel ġieħ lil kull bniedem.