Mons. Isqof Grech jikteb dwar l-Avvent

avvent.jpgIL-KEBBIES TAL-FANALI
Kitba ta’ Mario Grech, Isqof t’Għawdex

Wieħed mill-isbaħ mumenti tal-Viżta Pastorali li qiegħed nagħmel huma ż-żjajjar fil-familji. Hemmhekk qed niltaqa’ mar-realtà umana. Nintebaħ li mhux kulma jleqq huwa deheb, għax għalkemm minn barra d-djar tagħna huma sbieħ, f’xi wħud minnhom hemm drammi u esperjenzi li jafu jtaqqlu l-qalb.

Għandi f’moħħi dik l-anzjana li qed tgħix waħidha. It-toqol tas-solitudni tagħha huwa mżewweġ ma’ biża’ li jibda dieħel f’darha ma’ nżul ix-xemx peress li żmien ilu xi għefiered daħlu girfulha l-ftit maħżun li kellha.

Qed niftakar f’dik il-familja fejn hemm persuna b’diżabbiltà li tiddependi għal kollox mill-oħrajn. Mingħajr ebda ħjiel ta’ dubju l-ġenituri jgħixu għal dan il-wild. Ix-xena tal-missier jakkarezza b’dawk l-idejn golfi tiegħu tibqagħli impressa. Għalkemm il-ġenituri huma totalment dedikati u jagħmlu l-ilma jiżfen, huma wkoll jinħakmu mill-ansjetà u t-tħassib dwar il-futur ta’ din il-persuna għażiża għalihom.

Fejn hemm persuna marida, il-familja kollha tkun mgħaffġa fil-morsa tal-mard. Hija sitwazzjoni wiegħra meta tkun taf li x-xjenza medika tkun qatgħet qalbha minn xi ħadd li huwa demmek u laħmek. Nistħajjel li tkun tara d-dell tal-mewt wara kull kantuniera.

F’familja oħra osservajt li waqt li ż-żewġt ulied li għadhom żgħar kienu medhijin jilagħbu, il-missier kellu ħarsa miksura għax ftit xhur ilu martu għamlet il-bagalja u telqet. It-tfal għadhom ma ntebħux bil-gravità tas-sitwazzjoni; imma l-missier jaf li ma għandux il-ħila li waħdu jagħti trobbija. Huwa konxju wkoll kemm ser ikun diffiċli għalih jgħix waħdu.

F’parroċċa minnhom, dħalt għand koppja li ma kinux miżżewġin għax it-tnejn kellhom fuq spallejhom storja ta’ falliment fiż-żwieġ. Ħasbu li minħabba l-qagħda tagħhom ma kontx ser nidħol għandhom! Illum dik il-mara mietet. Sabni s-sieħeb tagħha u stqarrli li ż-żjara li kont għamiltilhom taffitilhom ħafna mill-piż.

Dawn huma biss ftit mid-daqqiet tal-pinzell li jimlew il-kwadru tal-ħajja tagħna li hija taħlita ta’ dwal u dellijiet. Dawk li ma jċedux għat-tentazzjoni li jingħalqu f’torri tal-avorju jew fis-sagristiji, imma jagħżlu li jimxu fit-triq, hekk kif jibdew imiddu l-passi malajr jintebħu li madwarna hemm veduta li ssaħħar imma hemm ukoll xeni ta’ tbatija tremenda – fostna u magħna hemm ħeġġa biex ngħożżu u nkattru t-tajjeb li għandna, imma hemm ukoll il-gwaj li kapaċi jniżżel lill-bniedem għarkupptejh. F’ċirkustanzi simili, naħseb li bħali ħafna oħrajn jagħmlu l-stess mistoqsija li jistaqsi l-Koħelet: “Xi qligħ għandu l-bniedem mit-taħbit tiegħu kollu?” (1:2).

F’dan il-kuntest soċjali ma rridux naqtgħu qalbna. Kif jikteb il-ħassieb Franċiż Emmanuel Mounier, “il-qtigħ il-qalb u l-biża’ mill-ġejjieni fihom infushom huma diġà għamliet ta’ mard… Li wieħed jaċċetta jew jirrifjuta t-tama, ikun ifisser li qed jaċċetta jew jirrifjuta li jkun bniedem”. Għalhekk dak kollu li jqawwilna t-tama rridu noħorġuh fid-dieher, anki jekk nafu li xi drabi dak li nistgħu nserrħu fuqu jagħtina tamiet limitati. Madwarna hemm ħafna tajjeb, speċjalment fiż-żgħażagħ, u meta nintebħu bih, jaf ikun riżorsa ta’ enerġija pożittiva. Ma għandna naħlu ebda sulfarin li nistgħu nqabbduh biex inkeċċu d-dlam.

Lil dawk li għandhom il-ftila tat-tama tagħhom qiegħda tnin jew forsi wkoll mitfija, infakkarhom li llum il-komunità Kattolika qed tagħti bidu għaż-żmien tal-Avvent – żmien li jista’ jqabbad fina t-tama. Ma nistagħġibx li mhux kulħadd jaf li l-Avvent huwa skola fejn il-bniedem jiġi stimulat biex ikattar it-tama tiegħu. Mhux qed nirreferi għat-tama rħisa li nixtru mill-vetrini tal-ħwienet jew minn stabbilimenti kummerċjali; imma l-Avvent ilaqqagħna ma’ Ġesù Kristu u għalhekk jgħinna niġu wiċċ imb’wiċċ mat-tama li għandu Alla, li mhux biss qatt ma jaqta’ qalbu mill-bniedem (anki jekk il-bniedem jaf jaqta’ jiesu minnu), imma għandu l-kuraġġ li dejjem isib modi ġodda kif jikkomunika magħna l-bnedmin. Alla jibqa’ jittama li meta jħabbtilna fuq il-bieb, aħna niftħulu biex jidħol joqgħod magħna u jkun l-Għimmanu-El, “Alla magħna”. Alla jħabbat fuq kull “bieb”. Mhux ser jaqbeż ebda bieb. Ma hemm ebda sitwazzjoni umana li Alla sejjer jiskarta.

Nistaqsu lil min huwa mġarrab biex ikollna idea ta’ xi ssarraf il-preżenza tiegħu magħna. Hija preżenza li ddewwaqna l-imħabba, il-ħlewwa, it-tjubija ta’ Alla; fuq kollox hija preżenza li meta nħossuna waħidna, toffrilna kenn u kumpanija. Hija preżenza li lil min ikun tilef kull tama, tgħinu jerġa’ jibda jsib sens f’ħajtu.

Meta fl-ewwel Milied Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja, nistħajlu li bagħat fostna l-kebbies tal-fanali, biex ninqeda bit-titlu ta’ poeżija sabiħa ta’ Anton Buttigieg, il-poeta tan-natura. Nistħajjel li aħna l-bnedmin, mingħajr eċċezzjoni, għandna qalb li mhux lakemm tkun sodisfatta għal kollox, għax dejjem jonqosna xi ħaġa. Dan l-“inkwiet” jew nuqqas ta’ serħan il-moħħ joktor meta jagħfsu fuqna problemi ta’ saħħa dgħajfa, relazzjonijiet imxellfa, piżijiet finanzjarji, falliment morali u spiritwali, u iktar. F’waqtiet iebsin bħal dawn, il-poeta Għawdxi Anton Buttigieg ma jitlifx it-tama, tant li jikteb li “kull filgħaxija, kif mal-għabex tnin u tmut saħħet il-jum, jiġi Majsi bis-sellum u jixgħel taħt it-tieqa fanal ċkejken li tal-lejl itaffi d-diqa”.

Ma nafx min kien Majsi; imma żgur li jixbah lil Kristu li meta d-dalma dallmet qalb il-bniedem, qabad is-sellum u niżel mis-sema u xegħel taħt it-tieqa ta’ kull wieħed minna fanal ċkejken li tal-lejl itaffi d-diqa. Għandi xewqa kbira li matul dan l-Avvent, int li qed taqra, tiltaqa’ ma’ Majsi, il-kebbies tal-fanali… u li inti bħal Kristu wkoll tkebbes it-tama fl-oħrajn.