Kristu Re f’Għawdex jittratta t-tema tal-vokazzjonijiet. Ikantaw l-Ekklesia Sisters.

“Il-familji huma l-ewwel seminarju”.  Hekk qal Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fil-Manifestazzjoni Djoċesana ta’ Kristu Re li nżammet aktar kmieni wara nofs in-nhar (il-Ħadd 23 ta’ Novembru 2014) quddiem is-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù fil-Belt Victoria.  Hu spjega li din is-sena ntgħażel is-Seminarju għal din iċ-ċelebrazzjoni billi t-tema magħżula, fl-okkażjoni wkoll tal-mija u ħamsin anniversarju mit-twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex, kienet dik tal-vokazzjonijiet.

l-isqof-grech.jpg

L-Isqof sejjaħ is-Seminarju, miftuħ sentejn biss wara li twaqqfet id-Djoċesi fl-1864, bħala l-qalb tad-djoċesi, tal-poplu kollu ta’ Alla f’Għawdex.  “Minn din id-dar”, qal l-Isqof, “ħarġu ’l fuq minn sitt mitt saċerdot.  U għalhekk ġejna hawn biex napprezzaw dan id-don ta’ Knisja żagħżugħa mija u ħamsin sena u nkomplu nitolbu lil Kristu, Sultan u Ragħaj, biex ikompli jsejjaħ aktar qlub ġenerużi”.  Hu indirizza b’mod speċjali l-adolexxenti u ż-żgħażagħ tagħna li, għalkemm fil-parti l-kbira tagħhom huma mrawma tajjeb fil-fidi, bħar-raġel għani tal-Vanġelu għandhom ħafna mistoqsijiet serji u profondi f’qalbhom li jistennew risposta.

It-tweġiba li tista’ tissodisfa dan in-nuqqas ta’ serħan, kompla l-Isqof, qiegħda fil-ħarsa ta’ mħabba ta’ Ġesù li naqraw dwarha fl-istess Vanġelu.  U ż-żgħażagħ tagħna jistgħu jaslu biex iwieġbu għal sejħa saċerdotali, reliġjuża jew ta’ ħajja kkonsagrata, jekk fil-ġenituri u l-familji tagħhom isibu din il-ħarsa ħelwa.  Għalhekk il-familji huma mixtla ta’ vokazzjonijiet.  “Għeżież żgħażagħ, il-Knisja jinteressaha minnkom u tistmakom”.  Il-proposta ta’ Ġesù hi li ż-żgħażagħ jiftħu qalbhom għall-foqra u jsiru strumenti ta’ komunjoni, għax dan jibni l-vokazzjoni.  L-Isqof irringrazzja b’mod speċjali lill-animaturi vokazzjonali u pastorali fil-parroċċi li jgħinu lill-adolexxenti fit-tiftix tas-sejħa tagħhom.  Hu semma kif baqa’ milqut minn kummenti ta’ membri żgħar tal-Grupp tal-Vokazzjonijiet fix-Xagħra, fejn qed jagħmel il-Viżta Pastorali bħalissa, li semmewlu numru sabiħ ta’ saċerdoti li jammiraw, fosthom għadd sabiħ ta’ anzjani.

Iċ-ċelebrazzjoni bdiet b’korteo bl-istatwa tar-Ragħaj it-Tajjeb minn Pjazza Santu Wistin, li fih ħadu sehem abbatini minn Għawdex kollu.  “Min jaf meta tkunu qrib ta’ l-altar, x’jixtieq jgħidilkom Ġesù!”.

ekklesia-sisters.jpg

Sorpriża sabiħa għal dawk preżenti kienet l-intervent ta’ esperjenza vokazzjonali minn soru Ursolina u żewġ innijiet mill-istess sorijiet, li kantaw ukoll id-diska Love and let go li interpetaw fil-Eurovision Song Contest.  L-Isqof irringrazzjahom tax-xhieda li taw fuq il-palk tal-kultura ta’ pajjiżna.