FAMILJI QADDISA
F’waqt minnhom xħin konna għaddejjin bl-interventi fl-awla tas-Sinodu, issummajt u waqqaft widnejja biex nisma’ sew, għaliex kien qed jitkellem il-Prefett tal-Kongregazzjoni tal-Qaddisin u f’ħin bla waqt semma lil Malta tagħna. Fl-intervent tiegħu dan kien qed jgħid kemm hemm koppji li għandhom il-kawża għall-kanonizzazzjoni. Kien hawnhekk li semmiena b’isimna – kienet riferenza għall-koppja Henry u Ineż Casolani li għexu l-ħajja miżżewġa ta’ kuljum b’mod straordinarjament tajjeb. Fid-dettall ta’ ħajjithom ipprovaw jagħmlu kollox sew bi mħabba kbira lejn Alla u l-proxxmu. Ineż mietet fl-1992 u Henry fl-1999. F’dan il-każ għad m’hemmx proċess, imma saret talba lill-Kongregazzjoni biex meta jkun il-waqt, jibda l-istħarriġ.
Jien ma naqbilx mal-Kardinal Amato li f’ġensna koppja waħda biss hija kandidata għall-qdusija; għall-kuntrarju, jien konvint li f’pajjiżna kellna u għandna għadd kbir ta’ ġenituri li huma “kanonizzabbli”, fis-sens li jistgħu jiġu ddikjarati qaddisin. Jekk f’kull razza hemm paljazza, irridu ngħidu wkoll li f’kull arblu tar-razza hemm irġiel u nisa li huma kolossi uman u spiritwali – miżżewġin li fil-veru sens tal-kelma tbażwru biex illum aħna dak li aħna. Huma nsew lilhom infushom, biex jarawna nixxettlu u nikbru. Fil-memorja tagħna jibqgħu ikona ta’ persuni li, għax ħabbew tassew, poġġew ħajjithom għall-qadi ta’ xulxin u tal-familja. Ħafna drabi ma kellhomx għaxja ta’ lejla, imma kellhom fiduċja għamja f’Alla. Il-fidi f’Alla kienet is-saħħa tagħhom. Id-dwejra tal-familja kienet in-“niċċa” fejn għammru dawn il-qaddisin!
Matul dawn il-jiem tas-Sinodu, diversi isqfijiet saħqu fuq il-bżonn li għandna nagħrfu napprezzaw il-ħafna tajjeb li hemm f’ħafna familji. Kif jgħidu, fil-foresta aktar tagħmel ħoss siġra li taqa’ milli dawk il-ħafna siġar li qegħdin jinbtu u jikbru. Hekk ukoll fil-mappa tal-familji tagħna, ħafna drabi għajnejna jieqfu fuq dak li huwa negattiv u nittraskuraw l-abbundanza ta’ tjubija li hemm fl-esperjenzi ta’ ħafna familji. Ftit jgħaddilna minn moħħna li għandna ġenituri li baqgħu jaħdmu biex iħallsu d-dejn li għamlu biex jaraw lil uliedhom jistudjaw. Naf b’familji li għamlu mid-dar tagħhom “sptar” ċkejken għax għażlu li jikkuraw huma stess lil marid; oħrajn raw id-dar tinbidel f’“nursery” għax aċċettaw li jżommu lil ulied uliedhom biex dawn jistgħu joħorġu jaħdmu; oħrajn saħansitra għamlu tibdil strutturali fid-dar biex setgħu jżommu magħhom lill-missier jew l-omm anzjani. Fuq kollox huwa komuni li ħafna mid-djar tagħna saru “skola” u “knisja ċkejkna” biex irawmu lill-familja fil-valuri umani u spiritwali. Dawn id-djar ġew ittrasformati f’gym mhux tant tal-eżerċizzji fiżiċi, daqskemm f’ambjenti fejn il-bniedem jitħarreġ fil-virtù. Hemm imbagħad dawk id-djar li nbidlu f’ċentru tal-karità, bħal fil-każ ta’ dawk li addottaw tfal bla familja biex joffrulhom familja. Ikollna nammettu li f’pajjiżna aħna miżgħuda b’esperjenzi bħal dawn.
Ma naqsux isqfijiet li appellaw biex il-Knisja tapprezza wkoll it-tajjeb li hemm f’dawk l-esperjenzi ta’ ħajja familjari “irregolari” – qed ninkludi lil dawk li għażlu li jgħixu flimkien mingħajr ma jiżżewġu, dawk li raw l-ewwel żwieġ jitmermer u mbagħad daħlu f’relazzjoni oħra, dawk li qegħdin f’unjoni ċivili, dawk li għandhom it-tfal barra miż-żwieġ, u l-bqija. Anki f’dawn ir-realtajiet jaf ikun hemm “ġojjelli” moħbija, bħala huma l-imħabba, il-ġenerożità, sens ta’ ġustizzja, il-fedeltà, il-bżulija, il-ħajja tat-talb, il-karità, u oħrajn. Għalkemm dawn qagħdiet li huma f’kuntrast mal-proposta evanġelika, ma jfissirx li fihom Alla ma jiżrax żerriegħa tajba li tagħmel il-frott. Fihom ukoll jista’ jkun hemm xrar mill-qdusija ta’ Alla.
Is-Sinodu qed jgħinna biex nitfgħu dawl fuq dawn ir-realtajiet umani kollha. Kif kien jgħidilna l-Qaddej ta’ Alla Mikiel Attard, “to the pure eye everything is pure”. Bl-għajnejn tal-fidi aħna ma nitfgħux ħarsitna fuq l-ikrah biss, imma rridu napprezzaw it-tajjeb u ngħinu biex dan it-tajjeb joktor. Missierna Pawlu nnifsu jgħallimna li “aħna nafu li Alla, ma’ dawk li jħobbuh, ma’ dawk li huma msejħin skond il-providenza tiegħu, f’kollox jaħdem id f’id għall-ġid tagħhom” (Rum 8:28).
10 ta’ Ottubru 2014
+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex
Dan ir-rapport deher oriġinarjament bħala blogg fuq is-sit Newsbook (http://www.newsbook.com.mt/).