Mid-Djarju tas-Sinodu (4)

vescovi-sinodo.pngUMANITÀ FERUTA

Ma nistħix nistqarr li dalgħodu nksirt waqt li kont qed nisma’ isqof jirrakkonta esperjenza li għadda minnha meta kien kappillan. Qal li darba kien qed imexxi funeral u ntebaħ li fit-tebut il-mejjet kellu f’idejh il-kuruna tar-Rużarju u ittra. Il-kappillan ma kienx jafu ħafna. Kien jaf biss li għalkemm kien imur għall-Quddies, dan ir-raġel ma kienx jersaq jitqarben. Staqsa dwaru lill-familjari u sar jaf li dan ir-raġel ma kienx jersaq jitqarben għaliex snin ilu kien kiseb id-divorzju u reġa’ żżewweġ ċivilment. Xtaq ħafna jirranġa s-sitwazzjoni, tant li kien fittex parir mingħand saċerdot. Dan is-saċerdot irrefera għand saċerdot ieħor espert fil-liġi tal-Knisja. Għadda ż-żmien u baqa’ bla tweġiba. Sadattant, dan ir-raġel marad serjament u kien riesaq lejn it-tmiem. Jum wieħed jirċievi ittra mingħand dak l-espert fejn qallu li wara li studjaw sew il-każ tiegħu, deherlu li kellu d-dispożizzjoni li jersaq jitarben. Dak ir-raġel tant feraħ li dik l-ittra qatt ma ried jerħiha minn idejh. Miet jitqarben u l-ittra baqa’ jgħożżha! Waqt li l-isqof kien qed jirrakkonta din l-istorja fis-sala tas-Sinodu, kien hemm skiet taqtgħu b’sikkina. Bqajna ssummati. Imbagħad, biex jikser dik il-ħemda, dan l-isqof qal: “Forsi l-ittra żammha f’idejh biex jagħtiha lil San Pietru!”. Mhix storja tad-daħk, imma din il-battuta nisslet tbissima fuqna… anki l-Papa Franġisku tbissem. Bejni u bejn ruħi għidt li verament dak il-mejjet wassal l-ittra għand “Pietru”… għand il-Papa!

Isqof ieħor irrakkonta storja oħra interessanti. Qal li din is-sena fis-Slovakkja l-Knisja qed tfakkar l-450 anniversarju tad-devozzjoni tad-Duluri. Din id-devozzjoni bdiet għaliex kien hemm familja li kienet waslet biex titkisser minħabba li kien hemm il-ġlied intern bejn l-istess membri fi ħdanha. Kollox kien qed juri li kienu resqin biex jinfirdu. L-omm għamlet wegħda lid-Duluri li jekk tgħinhom jagħmlu rikonċiljazzjoni, tibnilha kappella ddedikata lilha. Dik il-familja qalgħet din il-grazzja u baqgħu flimkien. Illum ħafna koppji jżuru din il-kappella u jxiddu fuqhom il-“mant tad-Duluri” biex il-Madonna tgħinhom jirbħu d-differenzi ta’ bejniethom, jaħfru lil xulxin u jagħmlu paċi. Ma humiex ftit dawk il-familji tagħna li minħabba r-relazzjonijiet miksurin ta’ bejniethom ma jistgħux jaraw lil xulxin! Nitlob lid-Duluri tifrex il-mant tagħha fuq il-familji tagħna.

Esperjenza oħra smajtha mingħand isqof miċ-Ċina. Qal li kien hemm koppja miżżewġa li t-tnejn kienu tobba. Il-mara biss kienet Kattolika. Żewġha kien arrestat flimkien ma’ xi rġiel oħra minħabba raġunijiet politiċi u weħlu sentenza ta’ ħabs. Wara priġunerija ta’ għaxar snin, dawn inħelsu; imma ħadd minn dawk l-irġiel ma reġa’ sab lil martu, għax sadattant in-nisa kienu qatgħu qalbhom u għamlu familja oħra. Imma dak it-tabib sab lil martu tistennieh ġej lura d-dar. Għaddiet għaxar snin titlob u tittama li jerġgħu jingħaqdu. Meta ra dan, ir-raġel fehem li martu baqgħet fidila lejh għax kienet konvinta mit-tagħlim reliġjuż tagħha… u għalhekk ikkonverta għall-Kattoliċiżmu.

Isqof Franċiż irrakkontalna l-esperjenza tiegħu ma’ dawk li huma ddivorzjati u miżżewġa mill-ġdid. Qal li meta jkun iqarben u dawn jersqu lejh, hu jberikhom. Jemmen li dawn il-persuni jistgħu jkunu magħqudin mal-Ewkaristija aktar minn dawk li jitqarbnu. U meta dawn jitolbu biex iqararhom, billi ma jistax jagħtihom dan is-sagrament, qal li jinżel għarkupptejh magħhom u jitlob maħfra magħhom.

Għalija dawn huma rakkonti mogħnija b’ħafna umanità u jiġbru fihom għana profond li jfarraġ il-qalb. Konvint li dawn huma biss kampjun ċkejken ta’ tant stejjer li qed jinkitbu kuljum fil-familji miġruħin tagħna. Nemmen li permezz ta’ dan is-Sinodu l-Knisja trid tkompli tkun is-Samaritan li jsawwab il-balzmu fuq din l-umanità feruta.

9 ta’ Ottubru 2014

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Dan ir-rapport deher oriġinarjament bħala blogg fuq is-sit Newsbook (http://www.newsbook.com.mt/).