ĦATRIET ĠODDA FID-DJOĊESI TA’ GĦAWDEX

L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, għadu kemm ta dawn il-mandati ġodda lil tliet saċerdoti:

curmi-michael.jpgDUN MICHAEL CURMI bħala kollaboratur parrokkjali fil-Parroċċa ta’ Santa Margerita, Ta’ Sannat.  Dun Michael twieled fid-9 ta’ Mejju 1982 u huwa mill-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Marija, ix-Xagħra.  Kien ordnat saċerdot fit-30 ta’ Ġunju 2007.  Wara, kompla bl-istudji fil-Formazzjoni tas-Seminaristi fl-Università Pontifiċja Gregorjana f’Ruma, fejn fl-istess żmien kien jaqdi fil-pastorali fil-Parroċċa tan-Natività f’Ruma stess.  Fl-2009 ġie maħtur Viċi-Rettur tas-Seminarju ta’ Għawdex.  Huwa wkoll għalliem fl-Iskola Sekondarja tal-Konservatorju tal-Isqof, il-Belt Victoria.

debono-noel.jpgDUN NOEL DEBONO bħala kollaboratur parrokkjali fil-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp, il-Qala.  Huwa twieled fil-11 ta’ Frar 1985 u huwa mill-Parroċċa ta’ San Pietru u San Pawl, in-Nadur.  Wara li rċieva l-ordinazzjoni saċerdotali fit-13 ta’ Ġunju 2010, Dun Noel mar Ruma fejn għamel kors fl-Università Pontifiċja Gregorjana mnejn kiseb liċenzjat fit-Teoloġija Biblika.  F’dawn l-aħħar erba’ snin huwa kien kollaboratur parrokkjali fil-Parroċċa tan-Natività, Ruma.

sultana-dominic.jpgDUN DOMINIC SULTANA bħala kollaboratur parrokkjali fil-Parroċċa tal-Viżitazzjoni, l-Għarb.  Huwa ser ikun jgħin ukoll lir-Rettur tas-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu.  Dun Dominic twieled fid-19 ta’ Frar 1980 u huwa mill-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Marija, ix-Xagħra.  Fl-24 ta’ Ġunju 2005 kien ordnat saċerdot.  Huwa kiseb dottorat fit-Teoloġija Spiritwali mill-Istitut tal-Ispiritwalità Teresianum f’Ruma.  Matul dawn is-snin, huwa kellu diversi esperjenzi pastorali fl-Italja, l-Irlanda u Għawdex.