Id-Djoċesi ta’ Għawdex tfakkar 150 sena mit-twaqqif tagħha

Sintesi tal-Omelija fil-Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr
fil-150 Anniversarju mit-Twaqqif tad-Djoċesi ta’ Għawdex
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, Għawdex
It-Tlieta 16 ta’ Settembru 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

KNISJA LI TISMA’

pontifial-150-sena-djocesi-ta-ghawdex-16sett2014-4.jpg

Bi mħabba singulari Alla ħabb din il-gżira meta mija u ħamsin (150) sena ilu, permezz tal-Papa Piju IX, waqqaf din id-Djoċesi.  Dakinhar Alla waqqaf it-tinda tiegħu fuq din il-gżira fejn il-bniedem seta’ jiltaqa’ miegħu, kemm mal-Kelma midmuma fil-Kotba Mqaddsa u kemm mal-Kelma li fil-milja taż-żmien saret bniedem – Ġesù Kristu.

Matul dawn il-mija u ħamsin sena, id-Djoċesi tat ħafna lil Għawdex – fil-kamp edukattiv, soċjali, kulturali u filantropiku.  Imma dan kollu huwa sekondarju meta mqabbel mas-sejħa u l-missjoni prinċipali tal-Knisja: li xxandar il-Vanġelu, li tlaqqa’ lill-bniedem ma’ Kristu, li twieġeb għall-aspirazzjonijiet spiritwali u umani tal-bniedem.  Hawn mhux qed ngħid l-ovvju, għax b’umiltà rridu nammettu li mhux dejjem ħadna ħsieb niffukaw fuq dak li huwa l-qalba tal-missjoni tal-Knisja!

Matul dawn il-mija u ħamsin sena kienet il-Kelma ta’ Alla li serviet ta’ bastun biex ħafna setgħu jimxu t-triq tal-ħajja.  Matul dawn is-snin il-Kelma ta’ Alla ssawbet bħal balzmu fuq il-ġerħat ta’ ħafna.  Kienet il-Kelma ta’ Alla li tat il-qawwa lil għadd kbir ta’ familji biex ma jaqtgħux qalbhom mill-ħajja u jibqgħu magħqudin.  Kienet din il-Kelma li saħħret mijiet ta’ żgħażagħ għas-saċerdozju u l-ħajja reliġjuża – biżżejjed insemmi li kienu żewġ Għawdxin ulied din il-Knisja li waqqfu żewġ istituti ta’ ħajja reliġjuża: is-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesù u s-Sorijiet Dumnikani.  Kien il-Vanġelu li qanqal f’diversi ispirazzjonijiet ta’ tant proġetti soċjali u kulturali.  Misjuqa minn din il-Kelma, xi wħud waqqfu monumenti kbar tal-karità bħalma kienu d-djar tat-tfal u l-Arka.  Dawn kienu r-rikkezzi tal-Knisja f’Għawdex tul dawn il-mija u ħamsin sena!  Quddiem dan kollu, inħoss li għandi nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn il-predeċessuri tiegħi u lejn dawk kollha li kienu membri ta’ din il-Knisja, li għaddewlna dan il-patrimonju spiritwali hekk kbir.

pontifial-150-sena-djocesi-ta-ghawdex-16sett2014-13.jpg

Imma jekk irridu l-passat ikun garanzija għall-futur, jekk irridu nibnu l-ħitan imġarrfa tal-belt u ta’ “Ġerusalemm” tal-lum, jekk irridu nagħtu togħma lil dak li tilef it-togħma, irridu naħdmu biex ikollna Knisja li tisma’.  Għandna bżonn li nagħmlu mill-Knisja santwarju tal-Kelma fejn ilkoll nistgħu niltaqgħu biex nisimgħuha.  Forsi fl-imgħoddi, anki fil-passat riċenti, konna aktar attivisti (doers) milli kontemplattivi.  Ma neskludix li ġieli tant sirna familjari mal-Kelma ta’ Alla li faċli nieħdu kunfidenza magħha.

Hemm il-probabbiltà li bħala Knisja widnejna ngħalqu u sirna torox għall-Kelma ta’ Alla.  Xi drabi ċ-ċertezza li aħna nafu kollox ma tqanqalniex biex niftħu widnejna biex nisimgħu.  Fil-Knisja nara diversi sinjali li jistgħu jindikaw li aħna torox: meta ma nibqgħux nikkomunikaw ma’ ta’ madwarna; meta nirtiraw mill-pjazza u ninqatgħu mill-oħrajn; meta nibżgħu niddjalogaw jew inkunu selettivi ma’ min niddjalogaw; meta ma nsibu xejn pożittiv x’ngħidu fuq sitwazzjonijiet ġodda; meta nibdew nikkundannaw u nagħmlu l-ġudizzji fuq l-oħrajn.  Fuq kollox aħna Knisja truxa meta ma nibqgħux Knisja profetika.

Ix-xewqa tiegħi hija li jkollna Knisja li tagħti aktar prijorità lill-Kelma salvifika ta’ Alla.  Għalhekk nara li rridu ninvestu aktar fil-katekeżi, partikularment tal-kbar.  Jiddispjaċini li hemm diversi li jistgħu jmiddu għonqhom għal din il-ħidma imma jippreferu jibqgħu b’idejhom marbuta.  Irridu naħdmu biex l-Ewkaristija, speċjalment dik tal-Ħadd, tkun verament ċelebrazzjoni li tirrakkonta l-istorja tal-imħabba ta’ Alla għalina.  Fuq kollox, ilkoll għandna bżonn nitolbu aktar u aħjar.  Dan kollu jgħodd għal kulħadd: għalija Isqof, għas-saċerdoti, għar-reliġjużi u għal-lajċi.  Imma din ix-xorta ta’ ħidma pastorali tfisser li rridu nagħmlu konverżjoni pastorali – nara l-ħtieġa urġenti li bħala Knisja nadottaw il-pastorali tagħna biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.  Jekk nittraskuraw it-talb u l-Ewkaristija, il-ħajja spiritwali tagħna tnin.  Ċerti żbalji fil-ħajja tagħna jixhdu li għandna ħajja spiritwali fqira.  Jekk ma nistinkawx biex inkunu Knisja spiritwali, inkunu nagħtu raġun lil min jgħid li l-Knisja hija istituzzjoni ta’ poter jew li għandha xi aġenda politika!  L-aġenda tal-Knisja hija waħda: dik diġà mfassla mill-Vanġelu!

pontifial-150-sena-djocesi-ta-ghawdex-16sett2014-11.jpg

Il-Knisja trid tkun ukoll Knisja li tisma’ l-karba tal-bniedem.  Suppost it-tama u l-hena, in-niket u t-tħassib tal-bniedem, partikularment tal-fqir, huma t-tama u l-hena, in-niket u t-tħassib tad-dixxipli ta’ Kristu (ara Gaudium et Spes, 1).  Dan ifisser li l-Knisja trid tkun qrib il-bniedem bil-problema, li huwa fi kriżi, li hu fid-dnub.  Jekk inżommu ’l bogħod mill-bniedem, nirriskjaw li l-predikazzjoni tagħna ma tkunx relevanti.  Ma hemm ebda realtà umana, mgħarrqa kemm tkun mgħarrqa, li ma tistax tiddawwal mill-Kelma tal-Vanġelu.  Li aħna nkunu diffidenti minn dak kollu li huwa tad-dinja, mhux atteġġjament Nisrani.  Anzi, hemm ħafna x’nitgħallmu mid-dinja.

Il-Knisja wkoll jeħtiġilha tisma’ lil Kristu jgħid fuqha l-ordni li ta lir-raġel trux: “Effeta!”.  Fi kliem Sant’Ambroġ hawnhekk għandna l-misteru tal-ftuħ.  Il-Knisja li tisma’ l-Kelma u lill-bniedem ma tistax tibqa’ bil-bibien tagħha magħluqa, imma tħossha mbuttata biex toħroġ fit-toroq u tfittex lil dawk li jinsabu fil-periferija eżistenzjali, soċjali u spiritwali.  Knisja “miftuħa” hija Knisja missjunarja, u kemm nixtieq li din id-dimensjoni ma tiġix nieqsa mill-Knisja tagħna!  Fuq kollox, mheżża mill-Kelma, il-Knisja trid tagħmel il-karità – anzi, il-karità hija t-triq ipprivileġġjata biex it-tħabbira tal-Kelma tkun kredibbli.

Għalhekk it-talba li nagħmel għal din il-Knisja f’din l-okkażjoni hija t-talba li Salamun jagħmel lil Alla: “Agħtina qalb li tisma’”, għax jekk inkunu Knisja li tisma’ lil Alla u lill-bnedmin, naslu biex ngħinu lil ħafna biex iduqu l-imħabba singulari ta’ Alla.

Ritratti: John Cordina