Talb għall-paċi u l-Insara ppresegwitati fil-Velja tal-Għid tal-Assunta f’Għawdex
Għal sena oħra, is-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu f’Għawdex sa jorganizza l-Velja Djoċesana tal-Għid ta’ l-Assunta, lejlet is-solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Marija, nhar il-Ħamis li ġej, 14 ta’ Awwissu 2014.
Il-Velja, li tinżamm fuq iz-zuntier spazjuż ta’ quddiem dan is-santwarju Marjan, tibda b’ċelebrazzjoni ta’ kant u salmi fit-8.00pm, u tkompli bil-Quddiesa tal-Vġili mmexxija mill-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex.
Wara l-Quddiesa, fl-10.15pm, jiftaħ lejl ta’ Adorazzjoni Ewkaristika fis-Santwarju. F’nofsillejl ikun hemm Quddiesa oħra.
Iċ-ċelebrazzjoni tixxandar diretta fuq Radju Marija 102.3 FM, li sa jorganizza wkoll trasport għal dawk il-pellegrini li jixtiequ jaqsmu minn Malta (t. 21453105). Jiġi organizzat ukoll trasport mill-parroċċi Għawdxin.
Il-Velja din is-sena qed issir b’talb speċjali għall-paċi fid-dinja u għall-Insara ħutna ppresegwitati f’reġjuni bħas-Sirja, l-Iraq u l-Art Imqaddsa.