Dun Mikiel Attard - Saċerdot tan-nies

Omelija fil-Ftuħ tal-Proċess Djoċesan
fil-Kawża tal-Beatifikazzjoni u Kanonizzazzjoni
tal-Qaddej ta’ Alla Mikiel Attard
Santwarju Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb, Għawdex
Is-Sibt 2 ta’ Awwissu 2014
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

SAĊERDOT TAN-NIES

quddiesa-tal-ftuh-tal-process-djocesan-kawza-beatifikazzjoni-dun-mikiel-attard-1.jpg

Il-vanġelu li tħabbrilna (Mt 14:13-21) ma jistax iħallina indifferenti meta naraw lil Kristu jċarrat beraħ il-qalb ħanina ta’ Alla.  F’dan ir-rakkont nara lill-Mulej Ġesù jkellimna dwar il-ġewwieni mqanqal mill-ħniena ta’ Alla l-Missier lejn il-bniedem illi riesaq il-lejl fuqu – allura lejk u lejja, li ħafna drabi naraw id-dlam jirbaħ fuq id-dawl.

Ġesù jurina li l-vixxri ta’ Alla jitqanqlu meta jara lili u lilek bil-ġuħ, bħalma kienet dik il-folla li jsemmi San Mattew.  Dun Mikiel kien jgħid li l-bniedem mhux biss għandu l-ġuħ tal-istonku, imma għandu l-ġuħ tal-moħħ, tar-ruħ u tal-kuxjenza; imma mbagħad kien iżid: “Alla waħdu kapaċi jtaffi dan il-ġuħ”.

Fil-Vanġelu, Ġesù jgħidilna li Alla jitħassarna meta jarana milquta mill-mard.  Jekk hawn xi ħadd fostna li mhux marid, iqum bilwieqfa, u jien noqgħod bilqiegħda!  Qed ngħid għal kull xorta ta’ mard li kapaċi jaqtgħalna n-nifs fil-ħajja. Alla ta’ Ġesù Kristu jitħassarna u jfejjaqna.

Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jkellimna dwar dak Alla li hu solidali magħna l-bnedmin.  Mhux Alla li qiegħed ’il bogħod, imma li jimxi magħna u huwa qrib tagħna.  Jien ngħidlu “Alla tan-nies”!  Għax hu solidali magħna, Alla jifhimna, kif Kristu fehem lil dik il-folla.  Min-naħa l-oħra, propju għax kienu maqtugħin min-nies, l-Appostli ma fehmuhomx tant li qalulu biex  jibgħathom jixtru x’jieklu.  Imma Alla, li hu ħabib tal-bniedem, jifhem lilek u lili.

Alla tagħna, kif ikellimna l-Vanġelu, ma jitbegħidx minna, u m’hemm ħadd fostna li għandu jħossu mbiegħed minnu.  Alla tagħna jwaqqa’ l-ħitan, ikisser il-barrieri, iqassar id-distanzi biex int u jien inkunu qrib tiegħu u hu jkun qrib tagħna.

Alla tagħna li jitkellem fuqu Ġesù fil-Vanġelu huwa Alla li jinkuraġġixxi, “qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfihx”.  Meta l-Apposlti qalulu li kellhom biss ħames ħobżiet u żewġ ħutiet u ma kinux jafu x’jaqbdu jagħmlu bihom quddiem din il-folla immensa, Ġesù ma jaqtgħalhomx qalbhom, imma jagħmlilhom il-qalb: intom ħaddmu dak il-ftit li għandkom, u tagħmlu l-mirakli.

Il-ġest li jagħmel Ġesù meta bierek il-ħobż u tah lid-dixxipli biex inewluh lin-nies, ifisser li l-ħobż mhux “propjetà” tad-dixxipli imma huwa “don” li huma rċivewh biex iqassmuh lil kulħadd, ukoll lil dawk li ma kellhom ebda dritt jew mertu biex jirċevuh.  Jekk xejn, dawk li ħarġu jdejhom biex jilqgħu l-ħobż imbierek kienu l-morda u l-foqra!

quddiesa-tal-ftuh-tal-process-djocesan-kawza-beatifikazzjoni-dun-mikiel-attard-5.jpgDan hu Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu!  Għalhekk fil-bidu għidt li llum qrajna paġna mill-Vanġelu li ma tistax tħallina indifferenti.

Il-Vanġelu jgħid li kien hemm ħamest elef raġel, u ma qagħadx jgħodd in-nisa u t-tfal.  Kienet regola fis-Sinagoga li l-laqgħa tal-kult ma tibdiex jekk ma jkunx hemm għaxart irġiel.  Allura l-Lhud kienu jifhmu li xħin jgħoddu l-irġiel ifisser illi tista’ tibda l-assemblea, il-kult fis-Sinagoga.  Għalhekk meta Mattew jinnota li kien hemm ħamest elef, qed jgħidilna li hawnhekk Ġesù kien qed ilaqqa’ ġemgħa ġdida – sinagoga ġdida, – fis-sens li bit-tqassim tal-ħobż hu kien qed jagħti bidu għal realtà liturġika ġdida magħmula mill-poplu l-ġdid miksub minnu – il-Knisja.  F’dan il-kult mhux il-bniedem li jdur lejn Alla, imma huwa Alla li jinżel ħdejn il-bniedem.

Min ħa jieħu ħsieb dan il-poplu miġmugħ minn Kristu?  Il-Mulej Ġesù għoġbu jagħżel uħud minna u jafdalna l-ministeru tas-saċerdozju biex aħna nlaqqgħu l-miġemgħa u nkunu nistgħu nagħmlu dak kollu li għamel Ġesù fl-episodju tal-Vanġelu llum.

Huwa veru li hemm xi wħud minna s-saċerdoti illi jiżolqu fin-niexef, u forsi iktar nisimgħu b’dawn milli bl-oħrajn.  Imma jien niftakar li l-Isqof Nikol Ġ. Cauchi darba qalli li fost il-kleru tagħna f’Għawdex hawn ħafna li huma kanonizzabbli.  Imma sfortunatament dwar dawn ma nitkellmux!  Imma llum nixtieq li nitkellmu fuq wieħed minn dawn is-saċerdoti li huma kandidati għall-qdusija: Dun Mikiel Attard.

Meta llejla qegħdin nagħtu bidu għall-Proċess tal-Beatifikazzjoni u Kanonizzazzjoni ta’ Dun Mikiel, qed ngħidu li l-Knisja lokali temmen li f’dan il-qassis kien hemm ħajja spiritwali straordinarja fl-ordinarjetà tagħha.  Mingħajr ebda dubju Dun Mikiel kien saċerdot f’għaqda sħiħa ma’ Kristu.  Inħossni nista’ nqiegħed fuq fomm dan is-saċerdot kliem Missierna Pawlu: “Min sa jifridna mill-imħabba ta’ Kristu?  It-taħbit, id-dwejjaq, il-persekuzzjoni, il-ġuħ, l-għera, it-tiġrib, ix-xabla?  Imma f’dan kollu aħna aktar minn rebbieħa bis-saħħa ta’ dak li ħabbna” (Rum 8:35).  Min kien jaf lil Dun Mikiel, jaf x’qed ngħid.  Jien nafu, għax kien hu li segwiena kemm fis-snin tal-formazzjoni fis-Seminarju bħala direttur spiritwali u kemm fis-snin tas-saċerdozju.  Ma kien hemm xejn illi jifirdu mill-imħabba ta’ Kristu.  La meta ma kienx mifhum anki mis-superjuri tiegħu u lanqas meta kien magħkus bil-mard, speċjalment fl-aħħar snin ta’ ħajtu

Imma jien illejla nixtieq nipproponilkom lil dan il-Qaddej ta’ Alla fid-dawl tal-Vanġelu li smajna.  Huwa saċerdot li ċarrat għalina l-qalb ta’ Alla u dewwaqna t-tjubija u l-ħniena ta’ Alla.  Min kien imur għandu għad-direzzjoni spiritwali, min semgħu jitkellem, min ħadem miegħu f’Għawdex u fil-missjoni, jikkonferma dak li qed ngħid.  Kien saċerdot li f’ħinu u barra minn ħinu kien jitkellem dwar il-ġewwieni ta’ Alla mqanqal mill-ħniena.  Nazzarda ngħid li xi drabi forsi kien jiskandalizzana, tant kemm kien jitkellem b’qawwa dwar l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla.

Altru li kien saċerdot solidali mal-bnedmin!  Jien niddeskrivih bħala saċerdot tan-nies.  Tmur xħin tmur għandu, kont issibu.  Mank li aħna s-saċerdoti llum għandna ftit mid-disponibbiltà li kellu Dun Mikiel!  Kellu ħafna minn dawk li nsejħilhom “Nikodemi”, li bħal Nikodemu li kien imur billejl għand Ġesù, kienu jħabbtu l-bieb ta’ Dun Mikiel anki fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu.  L-interess tiegħu fit-temi soċjali jixhed li qalbu kienet tħabbat mal-qalb tal-bniedem iż-żgħir.  Għax kellu għal qalbu x-xogħol, darba ħa l-inizjattiva li jkun editur ta’ ktieb dwar id-dinja tax-xogħol.  Biex jixhed li kien qrib il-fqir, meta kellu bżonn ikun rikoverat l-isptar għażel li flok imur fi sptar privat, imur fl-isptar pubbliku.

Ma’ min kien spiritwalment ċkejken jew dgħajjef, Dun Mikiel kien jaf iħaddem il-prinċipju tal-gradwalità.  Qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfihx, imma kien jinkuraġġixxi biex wieħed jafda aktar fil-qawwa tal-grazzja ta’ Alla li taf tagħmel is-sorpriżi tagħha anki ’l barra minn dak li huwa konvenzjonali.

Dan hu s-saċerdot li llum aħna ser nibdew dan il-Proċess tal-Beatifikazzjoni u Kanonizzazzjoni tiegħu, bit-tama li Alla l-Imbierek jgħinna niskopru t-tħażżiż tal-Ispirtu fih, ħalli jkun mudell għall-bniedem tal-lum, partikularment għalina s-saċerdoti, li l-mira tagħna lkoll hija li nkunu qaddisin.  Imma nixtiequ wkoll konferma uffiċjali mill-Knisja li llum dan is-saċerdot qiegħed qrib Alla u jista’ jinterċedi għalina, ħalli jipprovdilna l-ħobż li, fi kliemu, huwa meħtieġ mhux biss għall-istonku, imma wkoll għall-moħħ, għar-ruħ, u għall-kuxjenza.

Inpoġġi dan il-proġett taħt il-mant tal-Madonna Ta’ Pinu.  Il-Vanġelu tal-lum jitkellem fuq il-qalb materna ta’ Alla.  Illum nista’ ngħid li Dun Mikiel mhux biss kellu qalb ta’ missier, imma wkoll qalb ta’ omm.  Nemmen li hija l-Verġni Mbierka Ta’ Pinu, li tagħha kien devot ħafna u pprova jagħmel minn kollox biex ixerred l-imħabba lejha, li għenitu jsawwar il-qalb materna tiegħu.

Ritratti: Shaun Sultana