Titħabbar il-mewt tal-Kan. Karm Cini

dun-karm-cini.jpgB’niket inħabbru l-mewt tal-Kanonku Dun Karm Cini, miż-Żebbuġ, Għawdex, li miet ilbieraħ, il-Ġimgħa 1 ta’ Awwissu 2014 fl-isptar Mater Dei. Dun Karm twieled fid-19 ta’ Mejju 1938, u kien ordnat saċerdot fil-11 ta’ Mejju 1968.

Minbarra l-ħidma attwali tiegħu fil-parroċċa ta’ raħal twelidu, fejn kien jagħti servizz pastorali fil-Leġjun ta’ Marija u fis-Soċjetà Filarmonika Santa Marija taż-Żebbuġ bħala Direttur Spiritwali, Dun Karm kien ukoll Kanonku tal-Kolleġġjata tal-Għarb. Hu offra wkoll servizz kostanti lis-Sorijiet Agostinjani f’Għajnsielem. Fil-passat Dun Karm serva bħala Viċi-Parroku l-Mellieħa, Ħal Kirkop u Għajnsielem, kien Assistent Direttur fid-Dar ta’ San Ġużepp, ta servizz fis-Santwarju Ta’ Pinu, ħadem fl-Uffiċċju Missjunarju u kien konferenzier fil-Missjoni l-Kbira.

Programm tal-Funeral

It-Tnejn 4 ta’ Awwissu 2014 - Parroċċa Żebbuġ, Għawdex

3.00p.m.     Tluq mill-Kamra Mortwarja tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex
3.15p.m.    Wasla tal-fdalijiet tal-Kan. D.Karm Cini fil-Kappella tal-Każin tal-Banda Santa Marija fejn ikun espost għall-pubbliku
4.00p.m.    Korteo għall-Knisja akkumpanjat mill-Banda Santa Marija
4.45p.m.      Velja ta’ Talb (Għasar) fil-Knisja Parrokkjali immexxija mill-Kapitlu tal-Kolleġġjata tal-Bażilika tal-Għarb
5.00p.m.    Quddiesa Funebri mmexxija minn Mons Isqof Mario Grech
6.30p.m.    Difna fiċ-Ċimiterju tal-Parroċċa.

Noffru t-talb tagħna b’suffraġju ta’ Dun Karm biex il-Missier tas-Sema jiftaħlu beraħ il-bibien tas-Saltna.

RIP