Il-Ġbir b’risq il-karità fil-Parroċċi ta’ Għawdex

parrocci-ghawdex-gbir-ghall-karita-2013.jpgMatul l-2013 il-Knisja f’Għawdex ġabret fuq 120 elf ewro għall-karità
Ippubblikati ċ-ċifri uffiċjali tal-ġbir fi ħmistax-il parroċċa

Matul is-sena 2013, il-Knisja f’Għawdex ġabret iktar minn €128,362 għall-karità.  Dan jirriżulta minn tagħrif li ġie ppubblikat fuq il-Bullettin tad-Djoċesi maħruġ il-Ħadd li għadda, 8 ta’ Ġunju 2014.  Il-Kurja ta’ Għawdex qalet li din iċ-ċifra tirrifletti biss il-ġbir li sar fil-ħmistax-il parroċċa ta’ Għawdex, u mhux fil-knejjes l-oħra, inkluż dawk tar-reliġjużi.  Dan jissarraf f’medja ta’ €8,557 kull parroċċa.

Il-ġbir prinċipali mar b’riżq id-Dar tal-Providenza f’Malta, kif ukoll għall-Fondazzjoni Arka li f’isem id-Djoċesi ta’ Għawdex tamministra dar ta’ residenza għall-persuni b’diżabbiltà.  Ġabriet oħra annwali f’kull parroċċa f’Għawdex li jmorru għal skopijiet karitatevoli huma dawk ta’ Jum il-Karità, li fid-Djoċesi jiġi ċċelebrat ma’ Kristu Re; tal-Ġurnata Missjunarja f’Ottubru; ta’ Ħamis ix-Xirka għas-saċerdoti; ta’ l-Obolo ta’ San Pietru; u l-Ġabra għas-Seminarju Djoċesan matul l-Eżerċizzi tar-Randan.

Ta’ min isemmi wkoll li minn dan il-ġbir igawdu entitajiet oħra bħal kongregazzjonijiet reliġjużi li spiss jiddipendu mill-providenza tal-poplu ta’ Alla, kif ukoll kampanji ta’ ġenerożità bħal Puttinu Cares u l-Maratona Oħloq Tbissima.  Ma jonqsux ukoll ġabriet spontanji u oħrajn ipprogrammati b’riżq id-diversi missjunarji Għawdxin li kull tant żmien iżuru l-komunitajiet parrokkjali tagħna, mnejn isibu appoġġ kbir morali u finanzjarju.

Anki l-iċken kategorija tal-komunità, it-tfal, minn kmieni jiġu mrawma f’dan l-ispirtu ta’ karità li hu pulmun importanti li bih tieħu nifs il-Knisja.  Fir-Randan li għadda, f’ħafna parroċċi Għawdxin inżammet kampanja ta’ ġbir ta’ kaxxi b’ikel u materjal ieħor li mar għall-missjoni tas-Soċjetà ta’ San Pawl fil-Perù.

F’Settembru li għadda, il-Parroċċa ta’ Marija Bambina fix-Xagħra rabtet is-sens ta’ karità mid-dimensjoni festiva meta f’ġabra li saret fil-jiem tal-festa tal-Vitorja kisret kull rekord f’ġabra b’riżq il-missjoni ta’ l-Isqof Franġiskan Joe Bonello fil-Ħonduras.

Il-Knisja Kattolika fil-gżira ċkejkna ta’ Għawdex tieħu ħafna inizjattivi ta’ karità fis-skiet, speċjalment permezz ta’ l-Uffiċċju tal-Caritas li qed iwettaq ħidma ta’ karità evanġelika mal-“foqra” ta’ żmienna.  Dan l-aħħar tħabbar ukoll programm ta’ azzjoni ma’ l-immigranti u r-rifuġjati residenti f’Għawdex.  Fuq bażi parrokkjali, ħafna huma dawk il-Kappillani li minn wara l-kwinti jgħinu finanzjarjament lil familji fil-komunitajiet tagħhom li qed jgħixu f’kundizzjonijiet soċjali miżeri.