Omelija tal-Isqof Grech fil-Quddiesa tat-Tberik taż-Żjut

GĦAJNEJNA MSAMMRA FUQ ĠESU

Omelija ta’ Mons. Isqof Mario Grech
Quddiesa taż-Żjut
Knisja Katidrali, il-Ħamis 17 ta’ April 2014

Mhuwiex sinjal sabiħ meta persuna tħares fil-baħħ. Il-ħars fil-vojt jista’ jfisser ħafna affarijiet: li dik il-persuna hija konfuża jew li m’għandhiex punt li fuqu tiffoka fil-ħajja tagħha, u allura tkun nieqsa mid-direzzjoni. Ħarsa vojta tesprimi moħħ u qalb imtaqqla u vojta. Mhux il-persuna biss jista’ jkollha ħarsa vojta, imma anke bħala kollettività jista’ ikollna ħarsa fil-baħħ.

Għadna kif smajna t-tħabbira tal-Vanġelu li jgħidilna illi fis-sinagoga ta’ Nazaret in-nies ma kellhomx ħarsithom mitlufa, imma għajnejhom kienu msammra fuq Ġesù Kristu. Inħoss li hemm bżonn – kemm individwalment, kemm bħala soċjetà, kif ukoll bħala presbiterju – li ħarsitna ma tkunx fil-baħħ, inqas u inqas li l-għajnejn tagħna jistrieħu fuq ħwejjeġ illi huma ta’ ħsara għall-vokazzjoni tagħna. Għajnejna jridu jkunu msammrin fuq Ġesù Kristu.

Meta nserrħu l-ħarsa tagħna fuq Ġesù Kristu dritt nindunaw illi qabel ma aħna nkunu tfajna ħarsitna fuqu, huwa Ġesù nnifsu illi jfittixna b’għajnejh u jipprova jagħtina din l-assikurazzjoni li tagħti ħarsa mimlija mħabba. Hawn jiġini f’moħħi dak iż-żagħżugħ għani li Ġesù sammar għajnejh fuqu. Dalgħodu nixtieq li lkoll kemm aħna, speċjalment aħna l-presbiteri, naċċertaw lilna nfusna li Ġesù, aħna min aħna, bit-tajjeb u l-ħażin tagħna, għandu l-ħarsa tiegħu msammra fuqna.

Dan ifakkarni wkoll f’passaġġ ieħor fejn Pietru jiċħad lil Kristu waqt li kien fil-bitħa tal-qassis il-kbir Anna. Dak il-ħin stess il-ħarsa ta’ Ġesù tiltaqa’ mal-ħarsa ta’ Pietru (Mt 22,61). Ilkoll nafu x’kienet il-konsegwenza ta’ dik il-ħarsa! Minkejja ċ-ċaħda, id-dnub u l-infedeltà tiegħu, bil-qawwa ta’ dik il-ħarsa Pietru jikkonverti u jibki għax ma setax aktar isammar għajnejh fuq Ġesù. Din hi wkoll l-esperjenza tiegħi u tagħkom. Altru illi l-ħarsa tagħna m’għandhiex tkun fil-vojt!

X’wassal biex fis-sinagoga ta’ Nazaret Ġesù ħataf il-ħarsa tan-nies u sammru għajnejhom fuqu? Nistgħu nsibu bosta raġunijiet. L-ewwel nett, għax raw f’Ġesù bniedem attent għall-Kelma tal-Missier. Fih raw ukoll l-abilità illi dik il-Kelma jagħtiha interpretazzjoni għal dak iż-żmien. Raw l-awtorità li Hu kellu li jagħti tifsira innovattiva tal-Kelma ta’ Alla li kiteb Isaija tant snin qabel. Meta Ġesù qal: «Din il-kitba seħħet illum», wera li ma kienx biss qed jinterpreta l-Kelma, imma kien jgħixha. Għeżież saċerdoti, jekk irridu niġbdu l-attenzjoni tan-nies, jeħtieġ li nħallu ħafna ħwejjeġ li nagħmlu biex mingħalina nattiraw il-ħarsa tas-soċjetà, u nimitaw lil Kristu f’dan l-aspett. Nisimgħu l-Kelma imma imbagħad mhux nirrepetuha bħal pappagall. Lilna Alla tana d-dehen, il-grazzja u r-responsabbiltà li ħierġa mill-ministeru, biex dik il-Kelma ninterpretawha b’mod innovattiv u – fuq kollox – ngħixuha b’ħajja ministerjali koerenti.

Aspett ieħor illi n-nies tas-sinagoga raw f’Ġesù hu t-tisħib tiegħu mal-foqra, mal-maħqurin u mal-imjassrin. In-nies raw fih dik il-persuna li tagħmel tagħha l-weġgħat u s-sofferenza tal-bniedem. Jekk inridu nkunu presbiterju li naħtfu l-attenzjoni tal-bniedem tal-lum li qed ifittex fejn iserraħ ħarstu, għandna nimxu fuq il-mudell li qed joffrilna Ġesù: l-imħabba u l-azzjoni tagħna trid tkun favur il-fqir, is-sofferenti u l-marid. Mhux dejjem aħna nkunu disponibbli biex nagħmlu dawn l-għażliet preferenzjali fil-ħidma pastorali tagħna!

In-nies tas-sinagoga ġibdu ħarsithom fuq Ġesù għax fih lemħu saċerdozju ġdid. Huma diġà kellhom esperjenza tas-saċerdoti tat-Tempju, imma bil-ħajja tiegħu, il-Mulej Ġesù ta kontenut ġdid lis-saċerdozju tal-Patt il-Ġdid. Dan jiddistingwi ruħu mis-saċerdozju ta’ qabel għaliex Ġesù ma joffrix oġġetti, ma joffrix annimali, ma jinteressahx mill-binja materjali tat-Tempju, imma Hu joffri lilu nnifsu – saċerdot u vittma – u Hu nnifsu sar tempju spiritwali. Kif jgħid San Pawl fl-ittra tiegħu lir-Rumani, il-kult spiritwali tagħna jikkonsisti billi «noffru ġisimna b’sagrifiċċju qaddis li jogħġob lil Alla» (Rum. 12,11). Dak li jiddistingwi s-saċerdozju tagħna hu li nagħmlu l-offerta tagħna nfusna. Din l-offerta għamilniha dakinhar tal-Ordinazzjoni Saċerdotali tagħna u llum sejrin inġeddu l-wegħdiet saċerdotali: il-wegħda taċ-ċelibat – li jien qalbi ma naqsamha ma’ ħadd ħlief ma’ Alla u mal-Poplu tiegħu –, u l-wegħda tal-ubbidjenza. F’dan jikkonsisti s-sagrifiċċju spiritwali tagħna nfusna. Jekk aħna – jiena magħkom – ma nippreżentawx dan is-saċerdozju ġdid ta’ Kristu, li iktar milli hu attiviżmu huwa ħajja mogħtija, aħna ma nistgħux nisirqu l-ħarsa tal-poplu ta’ żmienna.

F’Ġesù, dawk preżenti fis-sinagoga raw interpretazzjoni innovattiva ta’ min kien il-Messija. Meta jikkwota minn Isaija, hu jħalli barra dak il-passaġġ li jitkellem mill-Messija li ser iġib il-vendetta ta’ Alla fuq dawk li ma jaqblux miegħu; minflok, Ġesù jħabbar sena ta’ grazzja u jippreżenta qawwa ġdida ta’ Alla: il-vendetta tal-imħabba u tal-mogħdrija. Filwaqt li kienu jistennew li Ġesù joħroġ jikkundanna lill-midneb, fih insibu l-Messija li qasba mġenġla ma jkissirhiex u musbieħ inemnem ma jitfihx. Stennew wieħed li kien ser japplika b’mod letterali l-Liġi u jgħabbi lill-bnedmin bil-piż tagħha. Imma Ġesù jippreżenta l-liġi l-ġdida tal-imħabba. Inħoss li hawn min fi żmienna jistenna mis-saċerdozju tagħna l-atteġġjament pastorali tal-kundanni għax għadu ma fehemx is-saċerdozju l-ġdid li ġab Kristu, li l-kobor tiegħu jinstab meta huwa jaqdi lill-bniedem fil-verità imma bl-imħabba. Għaldaqstant, ma nistagħġibx li jkun hemm ċirkustanzi meta l-Poplu ta’ Alla jistenna mis-saċerdozju ministerjali atteġġjamenti illi llum jeħtieġ li nissupperawhom. M’għadhiex l-epoka li nikkundannaw, imma fuq l-eżempju ta’ Kristu rridu naraw kif nitfgħu l-balzmu fuq il-ġerħat tal-umanità u niftħu jdejna biex inħaddnu lil kulħadd. Kien dan l-atteġġjament ta’ Kristu li qanqal il-kurżità tal-ġemgħa li kien hemm fis-sinagoga, u huwa dan l-atteġġjament saċerdotali li jista’ jqanqal il-kurżità tal-bniedem tal-lum.

Dawn huma l-ftit ħsibijiet li xtaqt naqsam magħkom f’din l-għodwa li fiha qegħdin niċċelebraw il-festa tas-saċerdozju Kattoliku. Filwaqt li nfakkarkom li għandna l-ħarsa ta’ Kristu tistrieħ fuqna, neżortakom, ħuti fis-saċerdozju u Poplu ta’ Alla, ħalli bħan-nies tas-sinagoga aħna wkoll insammru l-ħarsa tagħna fuq Ġesù. Il-ħarsa tagħna tissarraf f’adorazzjoni silenzjuża ta’ dan Alla li sar bniedem fostna. F’din l-adorazzjoni nikbru fl-għarfien u fl-esperjenza ta’ dan il-ministeru tal-imħabba. Rikkardu ta’ San Vitor jgħid illi amor oculus est: l-imħabba hija l-għajn li biha aħna naraw lid-dinja. Amare videre est: jekk inti tħobb, inti qiegħed tara: jekk aħna nridu nserrħu ħarsitna fuq Ġesù Kristu, dan nagħmluh billi nippruvaw nikbru fl-imħabba u l-għaqda tagħna miegħu. Fi kliem Saint Exupery, huwa bil-qalb li wieħed jista’ jara sewwa. Hekk wara li nkunu għarafnieh, nagħmlu dik l-esperjenza tal-Appostlu Tumas: «Mulej tiegħi, Alla tiegħi!»

Poplu ta’ Alla, nirrakkomandalkom biex titolbu għalina l-presbiteri, ħalli wara li nkunu ħallejna l-ħarsa ta’ Kristu tistrieħ fuqna, u wara li aħna nkunu sammarna għajnejna fuqu, bil-qalb tagħna nikbru fix-xebh mal-Mulej u nkunu fostkom bħala dawk li nipparteċipaw mis-saċerdozju ministerjali ta’ Kristu. B’hekk anki intom tgawdu minn dan is-servizz: meta aħna qegħdin fostkom, nixtiqukom tħarsu lejna u taraw lil Kristu. Mhijiex xi ħaġa ħafifa, imma meta nħarsu lejn is-saċerdot bl-għajnejn tal-fidi aħna naraw lil Kristu għaddej mit-toroq tagħna.

Naf li hawn prezenti l-abbatini u xi adolexxenti li din is-sena ser jirċievu l-Griżma tal-Isqof. Għeżież adolexxenti, ħallu l-ħarsa ta’ Ġesù tistrieħ fuqkom. Anki llum Ġesù għaddej minn fostna, u kif għamel maż-żagħżugħ għani, jaf iserraħ ħarstu fuqkom u jista’ ikun li qiegħed isejħilkom biex timxu warajh. Tagħmlux bħal dak iż-żagħżugħ tal-Vanġelu illi dawwar wiċċu u ma ħalliex lill-Mulej Ġesù jitgħaxxaq bil-ġmiel tiegħu. Jalla ssibu fil-familja, fil-Knisja u fis-soċjetà ambjent li jgħinkom tirriflettu dwar is-sejħat sbieħ li l-Mulej qiegħed jagħmlilkom.