Id-Djoċesi ta’ Għawdex qed tippubblika Rapport tal-Kummissjoni għall-Integrazzjoni tal-Immigranti f’Għawdex bħala parti mill-viżjoni tal-Knisja lokali għall-pastorali mal-immigranti u r-rifuġjati residenti fil-gżira.
Id-dokument, imħejji minn Kummissjoni mmexxija minn Dun Manwel Cordina, ġie ppreżentat lill-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech f’Novembru 2013 u wara li kien diskuss fil-Kunsill Pastorali Djoċesan, kien approvat mill-Kunsill Presbiterali tad-Djoċesi ta’ Għawdex nhar is-Sibt li għadda. Fi kliem l-Isqof Grech, dan id-dokument importanti “huwa wieħed mill-ewwel passi sabiex jinfetaħ djalogu li jibni r-relazzjonijiet bejnna u bejn dawn ħutna”, u jwieġeb għas-sejħa tal-Papa Franġisku li l-Knisja tilħaq il-“periferiji” tas-soċjetà.
L-Isqof żied jisħaq li l-preżenza dejjem tikber ta’ immigranti u rifuġjati f’Għawdex, li bħalissa jammontaw għal madwar 400, tpoġġi quddiem il-Knisja l-ħtieġa li tifhem sew is-sitwazzjoni attwali, tindividwa u tindirizza tajjeb l-isfidi, sabiex il-proċess ta’ integrazzjoni jsir b’għaqal u jiswa biex il-laqgħa bejn il-kulturi differenti ma tkunx sempliċi tolleranza indifferenti imma djalogu fejn jiġu ppurifikati dawk l-elementi li jmorru kontra d-dinjità tal-persuna umana u d-drittijiet fundamentali tagħha.
Dan hu li jipprova jindirizza r-Rapport ta’ ħdax-il paġna li jġib l-isem “A Church that is Hospitable”: jitlaq minn analiżi tal-qagħda attwali tal-immigranti f’pajjiżna, biex imbagħad joffri strateġija effettiva għall-Knisja f’Għawdex quddiem din ir-realtà ‘ġdida’. Jippromovi l-valuri tal-empatija u l-ħniena, l-ospitalità u l-ħbiberija, u s-solidarjetà bħala l-bażi għal proposta ta’ integrazzjoni bejn il-komunità Nisranija lokali u l-immigranti li jfittxu kenn f’Għawdex.
Il-Kummissjoni Djoċesana għall-Integrazzjoni tal-Immigranti f’Għawdex twaqqfet f’Awwissu 2013 fuq talba tal-Isqof Grech innifsu biex tagħtih rakkomandazzjonijiet fuq din it-tema. Fir-Rapport imsemmi hi tirrikonoxxi d-diversi inizjattivi ta’ solidarjetà u karità evanġelika mal-immigranti li diġà jeżistu f’Għawdex, fost l-oħrajn fil-Caritas u f’parroċċa Għawdxija li stiednet il-membri tagħha ‘jadottaw’ familja jew persuna bi bżonnijiet partikulari. Imma ssostni wkoll li l-Knisja għandha potenzjal wisq akbar li ssir aġent primarju ta’ integrazzjoni billi tħeġġeġ l-organizzazzjonijiet u l-membri tagħha jieħdu aktar inizjattivi konkreti f’din il-missjoni umanitarja, fid-dawl ta’ pjan iktar organiku u kkordinat.
Fost l-inizjattivi ta’ servizz u sapport li jissemmew fir-Rapport, hemm it-twaqqif ta’ ċentru ta’ servizz għall-immigranti residenti f’Għawdex, korsijiet ta’ tagħlim għalihom u taħriġ lil tradutturi biex jiffaċilita l-komunikazzjoni, grupp konsultattiv li kontinwament jissapportja l-bżonnijiet tagħhom, u l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet anki interkulturali li jippromovu l-inklużjoni soċjali f’kollaborazzjoni bejn parroċċi, kunsilli u entitajiet oħra konċernati. Dan kollu, jissokta r-Rapport, irid isir fil-qafas tal-possibbiltajiet u r-riżorsi ta’ Djoċesi ċkejkna bħalma hi Għawdex.
Din l-inizjattiva hi f’linja mal-viżjoni li jipproponi l-Pjan Pastorali għad-Djoċesi ta’ Għawdex (2013-2016), li f’Nru 17 jgħid hekk: “Il-Knisja taħdem biex ikollna soċjetà aktar inklussiva, immarkata mhux biss mit-tolleranza imma fuq kollox mis-solidarjetà bejn il-persuni, bejn il-pajjiżi u bejn il-bnedmin… Il-Knisja trid tagħraf issemma’ leħinha biex tiddefendi d-drittijiet fundamentali ta’ kull persuna, fir-rispett tar-responsabbiltajiet politiċi u tal-liġijiet lokali u internazzjonali. ‘Anki jekk il-Kattoliċi jistgħu ma jaqblux fil-limiti tal-ġustizzja dwar liema hu l-aħjar mod kif tiġi rriformata s-sistema tal-immigrazzjoni, bħala poplu ta’ fidi rridu naqblu bejnietna li ngħixu l-kmandament Bibliku li “nilqgħu l-barrani” u niddefendu d-dinjità mogħtija minn Alla lil kull persuna’. Quddiem din l-isfida soċjali, kulturali u pastorali, il-Knisja f’Għawdex tħoss aktar minn qabel l-urġenza li tagħti sinjali konkreti, anki jekk żgħar, tal-attenzjoni pastorali tagħha lejn l-immigranti u r-refuġjati li jinsabu fil-gżira tagħna”.
Matul il-laqgħa tal-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej (CCEE) li saret f’Malta f’Diċembru li għadda, bit-tema Il-pastorali mal-immigranti u r-rifuġjati fl-Ewropa, l-Isqof Grech, li hu wkoll il-President tal-Konferenza Episkopali Maltija, għamel riferenza għar-Rapport u qasam mal-Knejjes Ewropej il-ħidma siewja li qed titwettaq fid-Djoċesi Għawdxija favur dawn il-persuni li qed jaslu fi xtutna.
Niżżel kopja tar-rapport bl-Ingliż: report_to_bishop_of_gozo_by_the_commission_re_irregular_immigrants.pdf
Niżżel kopja fil-qosor tar-rapport: summary_of_cir_report.pdf