MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU
FRANĠISKU
GĦAR-RANDAN 2014
Ftaqar hu biex bil-faqar tiegħu nistagħnu aħna (ara 2 Kor 8:9)
Għeżież ħuti,
Fl-okkażjoni tar-Randan, qed noffrilkom xi riflessjonijiet, biex jistgħu jservu ta’ għajnuna fil-mixja personali u komunitarja ta’ konverżjoni. Nieħu spunt mill-espressjoni ta’ San Pawl: “Intom tafu l-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, li għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom, sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu” (2 Kor 8:9). L-Appostlu jdur fuq l-Insara ta’ Korintu biex jagħmlilhom il-qalb ħa jkunu ġenerużi fl-għajnuna tagħhom lill-fidili ta’ Ġerusalemm li kienu jinsabu fil-bżonn. Xi jridu jgħidulna, lilna l-Insara tal-lum, dawn il-kelmiet ta’ San Pawl? X’qed tgħidilna llum lilna l-istedina għall-faqar, għal ħajja fqira fis-sens evanġeliku?
Il-grazzja ta’ Kristu
Qabel xejn jgħidulna liema hu l-istil ta’ Alla. Alla ma jinqediex bil-mezzi tal-qawwa u tal-għana tad-dinja biex juri ruħu, imma b’dawk tad-dgħufija u tal-faqar: “Għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom…”. Kristu, l-Iben etern ta’ Alla, ħaġa waħda mal-Missier fil-qawwa u l-glorja, ftaqar; niżel fostna, ġie qrib ta’ kull wieħed u waħda minna; tneżża’, “tbattal”, biex f’kollox ikun bħalna (ara Fil 2:7; Lhud 4:15). X’misteru kbir hi l-inkarnazzjoni ta’ Alla! Imma r-raġuni wara dan kollu hi l-imħabba divina, imħabba li hi grazzja, ġenerożità, xewqa li tkun qrib tagħna, u ma tehda qatt tingħata u tissagrifika ruħha għall-ħlejjaq li hi tħobb. Il-karità, l-imħabba tfisser li f’kollox taqsam fix-xorti ta’ min tħobb. L-imħabba tagħmilna simili għal xulxin, toħloq ugwaljanza, iġġarraf il-ħitan u d-distanzi. U dan li għamel Alla magħna. Ġesù, fil-fatt, “ħadem b’idejn ta’ bniedem, ħaseb b’moħħ ta’ bniedem, aġixxa b’rieda ta’ bniedem, ħabb b’qalb ta’ bniedem. Imwieled mill-Verġni Marija, sar tassew wieħed minna, jixbahna f’kollox barra mid-dnub” (Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et spes, 22).
L-iskop għaliex Ġesù sar fqir m’hux il-faqar fih innifsu, imma – jgħid San Pawl – “…biex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu”. Dan mhux logħob bil-kliem, xi espressjoni li tiġbed l-għajn! Imma hi sintesi tal-loġika ta’ Alla, il-loġika tal-imħabba, il-loġika tal-Inkarnazzjoni u tas-Salib. Alla ma qabadx u xeħet fuqna s-salvazzjoni mill-għoli, bħall-karità ta’ min jagħti miż-żejjed tiegħu bi pjetiżmu filantropiku. Mhijiex din l-imħabba ta’ Kristu! Meta Ġesù jinżel fl-ilmijiet tal-Ġordan u jitgħammed minn Ġwanni l-Battista, dan ma jagħmlux għax għandu bżonn tal-penitenza, tal-konverżjoni; jagħmlu biex jidħol qalb in-nies, li għandha bżonn tal-maħfra, fostna l-midinbin, biex jerfa’ fuqu t-toqol ta’ dnubietna. Din hi t-triq li għażel biex ifarraġna, jifdina, jeħlisna mill-miżerja tagħna. Jolqotna dak li jgħid l-Appostlu li aħna ġejna meħlusa mhux permezz tal-għana ta’ Kristu, imma permezz tal-faqar tiegħu. Madankollu, San Pawl jaf sewwa “l-għana li ebda moħħ ma jista’ jifhmu” (Efes 3:8) ta’ Kristu, “werriet ta’ kollox” (Lhud 1:2).
Mela x’inhu dan il-faqar li bih Ġesù jeħlisna u jagħmilna għonja? Hu sewwa sew il-mod tiegħu ta’ kif iħobbna, ta’ kif isir proxxmu tagħna bħas-Samaritan it-Tajjeb li jersaq lejn dak ir-raġel li ħallew għal mejjet fuq il-ġenb tat-triq (ara Lq 10:25ss). Dak li jagħtina l-veru ħelsien, il-vera salvazzjoni u l-veru ferħ hu l-imħabba tiegħu kollha ħniena u ħlewwa, dejjem lesta li taqasam mal-oħrajn. Il-faqar ta’ Kristu li bih nistagħnew hu li sar ġisem, li ħa fuqu d-dgħufijiet tagħna, id-dnubiet tagħna, u hekk uriena l-ħniena bla tarf ta’ Alla. Il-faqar ta’ Kristu hu l-akbar għana: Ġesù hu għani fil-fiduċja bla qies tiegħu f’Alla l-Missier, għax jafda fiH il-ħin kollu, u jfittex dejjem u biss ir-rieda tiegħu u l-glorja tiegħu. Hu għani bħalma hu tfajjel li jħossu maħbub u jħobb lill-ġenituri tiegħu u lanqas għal waqt wieħed biss ma jiġih dubju minn imħabbithom u tjubithom għalih. L-għana ta’ Ġesù qiegħed fil-fatt li hu l-Iben, ir-relazzjoni unika tiegħu mal-Missier hi l-prerogattiva sovrana ta’ dan il-Messija fqir. Meta Ġesù jistedinna biex nieħdu fuqna l-“madmad ħelu” tiegħu, hu qed jistedinna nistagħnew b’dan il-“faqar għani” u “għana fqir”, biex naqsmu miegħU l-Ispirtu filjali u fratern tiegħu, biex insiru wlied fl-Iben, aħwa fil-Kbir fost ħafna aħwa (ara Rum 8:29).
Intqal li l-uniku veru swied il-qalb hu li ma nkunux qaddisin (L. Bloy); nistgħu ngħidu wkoll li hemm biss miżerja waħda vera: li ma ngħixux ta’ wlied Alla u ta’ aħwa ta’ Kristu.
Ix-xhieda tagħna
Nistgħu naħsbu li din it-“triq” tal-faqar kienet dik ta’ Ġesù, filwaqt li aħna, li ġejna warajH, kapaċi nsalvaw id-dinja b’mezzi umani adegwati. Mhuwiex hekk. F’kull epoka u f’kull post, Alla jissokta jsalva lill-bnedmin u d-dinja permezz tal-faqar ta’ Kristu, li jsir fqir fis-Sagramenti, fil-Kelma u fil-Knisja tiegħu, li hi poplu tal-foqra. L-għana ta’ Alla ma jistax jgħaddi minn ġo l-għana tagħna, imma dejjem u biss minn ġol-faqar tagħna, personali u komunitarju, animat mill-Ispirtu ta’ Kristu.
Fuq il-passi tal-Imgħallem tagħna, aħna l-Insara msejħin biex inħarsu lejn il-miżerji ta’ ħutna, biex immissuhom, biex inħossuna responsabbli għalihom u nħabirku b’mod konkret biex intaffuhomlhom. Il-miżerja ma tmurx mal-faqar; il-miżerja hi l-faqar mingħajr fiduċja, mingħajr solidarjetà, mingħajr tama. Nistgħu nagħżlu bejn tliet tipi ta’ miżerja: il-miżerja materjali, il-miżerja morali u l-miżerja spiritwali. Il-miżerja materjali hi dik li normalment insejħulha faqar u tmiss lil dawk kollha li qed jgħixu f’kundizzjoni li ma tixraqx lill-persuna umana: imċaħħda mid-drittijiet fundamentali u mill-ġid l-iżjed meħtieġ, jiġifieri l-ikel, l-ilma, il-kundizzjonijiet ta’ ndafa, ix-xogħol, il-possibbiltà ta’ żvilupp u tkabbir kulturali. Quddiem din il-miżerja l-Knisja toffri s-servizz tagħha, id-diakonia tagħha, biex toħroġ tiltaqa’ mal-ħtiġijiet u tfejjaq dawn il-ġrieħi li qed jisfiguraw il-wiċċ tal-umanità. Fil-foqra u fl-imwarrbin aħna nilmħu wiċċ Kristu; meta nħobbu u ngħinu lill-foqra, inkunu nħobbu u naqdu lil Kristu. L-impenn tagħna norjentawh ukoll biex nagħmlu mod li jieqfu fid-dinja l-vjolazzjonijiet tad-dinjità umana, id-diskriminazzjonijiet u l-abbużi tal-poter, li, f’tant każi, huma l-għeruq tal-miżerja. Meta l-poter, il-lussu u l-flus isiru idoli, inkunu qegħdin inpoġġuhom qabel il-ħtieġa li l-ġid jitqassam indaqs bejn kulħadd. Għalhekk, hu meħtieġ li l-kuxjenzi jikkonvertu lejn il-ġustizzja, l-ugwaljanza, is-sempliċità u l-qsim.
Mhux inqas ta’ tħassib hi l-miżerja morali, jiġifieri meta nsiru lsiera tal-vizzju u tad-dnub. Kemm familji huma mifnija għax xi ħadd mill-membri – spiss żagħżugħ – waqa’ fil-vizzju tax-xorb, tad-droga, tal-logħob, tal-pornografija! Kemm persuni tilfu s-sens ta’ ħajjithom, tonqoshom viżjoni għall-futur u huma bla tama! U kemm persuni spiċċaw bil-fors f’din il-miżerja minħabba kundizzjonijiet soċjali inġusti, minħabba n-nuqqas ta’ rispett lejn id-drittijiet għall-edukazzjoni u għas-saħħa. F’dawn il-każijiet il-miżerja morali nistgħu saħanistra nsejħulha l-bidu ta’ suwiċidju. Din l-għamla ta’ miżerja, li hi anki kawża tar-rovina ekonomika, dejjem hi marbuta mal-miżerja spiritwali, li tmissna meta nitbiegħdu minn Alla u nirrifjutaw imħabbtu. Jekk naħsbu li m’għandniex bżonn ta’ Alla, li fi Kristu jżommilna jdejna, għax jidhrilna li nistgħu ngħaddu waħidna, inkunu qed nimxu fit-triq tal-falliment. Alla hu l-uniku li jista’ tabilħaqq isalva u jeħles.
Il-Vanġelu hu d-duwa vera kontra l-miżerja spiritwali: in-Nisrani hu msejjaħ jieħu miegħu f’kull ambjent it-tħabbira ħelliesa li tassew teżisti l-maħfra mill-ħażen imwettaq, li Alla hu akbar mid-dnub tagħna u jħobbna b’xejn, dejjem, u li aħna ġejna maħluqin għall-komunjoni u għall-ħajja ta’ dejjem. Il-Mulej jistedinna nkunu ħabbâra hienja ta’ dan il-messaġġ ta’ ħniena u ta’ tama! Kemm hi ħaġa sabiħa li nduqu dan il-ferħ li nxerrdu din il-bxara tajba, li naqsmu ma’ l-oħrajn it-teżor fdat lilna, li nfarrġu l-qlub maqsuma u nagħtu t-tama lil tant aħwa rġiel u nisa maħfuna mid-dlam. Dan nagħmluh billi nimxu wara Ġesù u nixbhuh, hu li mar għand il-foqra u l-midinbin bħalma ragħaj joħroġ ifittex in-nagħġa l-mitlufa, u dan għamlu mimli bl-imħabba. Magħqudin miegħU nistgħu bil-kuraġġ kollu niftħu toroq ġodda ta’ evanġelizzazzjoni u promozzjoni umana.
Għeżież ħuti, dan iż-żmien tar-Randan lill-Knisja kollha jsibha disposta u mħeġġa biex, quddiem dawk kollha li qed jgħixu fil-miżerja materjali, morali u spiritwali, tagħti xhieda tal-messaġġ tal-Vanġelu, li nistgħu niġbruh fit-tħabbira tal-imħabba tal-Missier il-ħanin, lest biex fi Kristu jgħannaq miegħu lil kull bniedem. Dan nistgħu nagħmluh daqskemm inkunu ħaġa waħda ma’ Kristu, li ftaqar biex bil-faqar tiegħu stajna nistagħnu aħna. Ir-Randan hu ż-żmien it-tajjeb biex nitneżżgħu; u jagħmlilna tajjeb jekk nistaqsu lilna nfusna minn liema ħwejjeġ nistgħu niċċaħħdu biex nistgħu ngħinu u bil-faqar tagħna nagħnu lil oħrajn. Ma ninsewx li l-faqar veru jweġġa’: l-ebda ċaħda ma tkun tiswa mingħajr din id-dimensjoni penitenzjali. Ma nemminx f’għamla ta’ karità li m’għandhiex prezz u li ma tweġġax.
L-Ispirtu s-Santu, li bih “[aħna] bħal nies foqra, għad li nagħmlu għonja lil ħafna; bħal nies li ma għandhom xejn, għad li kollox huwa tagħna” (2 Kor 6:10), iwieżen dawn l-intenzjonijiet tagħna u jsaħħaħ fina l-attenzjoni u r-responsabbiltà fil-konfront tal-miżerja umana, biex nikbru fil-ħniena u nsiru operaturi tal-ħniena. B’dan l-awgurju, niżgurakom mit-talb tiegħi biex kull min jemmen u kull komunità fil-Knisja twettaq bi frott din il-mixja tar-Randan, u nitlobkom titolbu għalija. Il-Mulej iberikkom u l-Madonna tħariskom.
Mill-Vatikan, 26 ta’ Diċembru 2013
Festa ta’ San Stiefnu, djaknu u protomartri
FRANĠISKU
miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard