Żewġ kappillani ġodda

L-Isqof ta’ Għawdex Mons. Mario Grech għadu kemm ħatar lil:

dun-injazju-borg.jpg    1. Dun Injazju Borg (sal-lum Kappillan ta’ San Lawrenz, Għawdex) bħala Arċipriet tal-Parroċċa ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni u San Ġużepp, fil-Qala.  Dan wara li fl-aħħar ġimgħat il-Kan. Dr Joe Zammit kien offra r-riżenja tiegħu bħala Arċipriet ta’ din il-parroċċa.

DUN INJAZJU BORG twieled ix-Xagħra Għawdex fit-28 ta’ Awissu 1959. Huwa beda l-istudji primarji tiegħu fl-iskola tax-Xagħra u kompla l-istudji sekondarji tiegħu fl-iskola sekondarja tal-Liceo ta’ Victoria.
Huwa beda l-formazzjoni saċerdotali tiegħu fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù fis-sena 1977 u kien ordnat saċerdot fit-22 ta’ Ġunju 1985. Wara l-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu, Dun Nazju Borg kompla bl-istudji superjuri tiegħu fl-Università ‘Lateranense’ f’Ruma, fejn kiseb liċenzjat fit-Teoloġija Dommatika. Kiseb ukoll l-M.A. fl-Università ta’ San Tumas fl-Ispiritwalità u diploma fil-Liturġija fl-Università ta’ Sant’Anselmu f’Ruma. Hemmhekk huwa wettaq ukoll ħidma pastorali fil-parroċċa tan-Natività.

Meta rritorna Għawdex huwa ġie magħżul bħala Rettur tal-Knisja ta’ Ġesù Nazzarenu, ix-Xagħra u ta bidu għat-twaqqif ta’ diversi Komunitajiet Ewkaristiċi fi ħdan din il-komunità. Huwa kien ukoll Religious Counsellor fl-iskola sekondarja ‘Agius De Soldanis’, Victoria kif ukoll f’diversi skejjel primarji ta’ Għawdex. F’dawn l-aħħar snin huwa wettaq ħidma bħala Lekċerer tal-Liturġija fis-Seminarju Maġġuri u Religious Counsellor fis-Seminarju Minuri ta’ Għawdex.

Fil-15 ta’ Frar 2006, Dun Injazju kien ġie maħtur kappillan tal-Parroċċa ta’ Kerċem. Fis-17 ta’ Settembru, Dun Injazju kien ġie maħtur Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Lawrenz. Huwa ukoll d-Delegat tal-Isqof ghall-Liturġija u membru tal-Kummissjoni Interdjoċesana tal-Liturġija.

dun-charles-sultana.jpg  2. Dun Charles Sultana (sal-lum Vigarju Parrokkjali ta’ San Lawrenz, Għawdex) bħala Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Lawrenz, f’San Lawrenz, Għawdex.  Ġie wkoll maħtur Dun Anthony Bajada bħala Vigarju Parrokkjali ta’ San Lawrenz.

DUN CHARLES SULTANA twieled fis-27 ta’ Novembru 1978 u ġie ordnat saċerdot fl-24 ta’ Ġunju 2003, wara li temm il-kors ta’ formazzjoni fis-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù, Għawdex, fejn kiseb il-Baċellerat fit-Teoloġija mill-Univeristà Angelicum ta’ Ruma. Wara l-ordinazzjoni għadda l-ewwel sena jservi fil-parroċċa ta’ Jesus Crucificado, Jalapa, il-Gwatemala flimkien mal-missjunarju Għawdxi Dun Anton Grech. Imbagħad mar jistudja il-Pastoral Counselling fl-Università ta’ Fordham fil-Bronx, New York fejn kiseb il-Masters. Fiż-żmien li ghamel fi New York hu serva fil-Parroċċa ta’ St. Mary’s, f’Manhasset.

Meta rritorna Għawdex huwa ġie magħżul bħala Segretarju personali tal-Isqof u Vigarju Parrokkjali fil-parroċċa ta’ San Lawrenz. Fl-2012 hu ġie maħtur bħala Assistant Head  fis-Seminarju Minuri tal-Qalb ta’ Ġesu’ u serva wkoll bhala Imhallef fit-Tribunal Ekkleżjastiku ta’ Għawdex.

Id-digrieti tal-ħatriet rispettivi ġew imxandra l-lum mill-Kurja Veskovili ta’ Għawdex, propju fl-istess jum li fih Mons. Isqof Grech jagħlaq sninu.  Hu twieled fl-20 ta’ Frar 1957, fil-Qala, Għawdex.

L-Isqof Grech talab liż-żewġ komunitajiet rispettivi biex jilqgħu bi mħabba u ġenerożita` lir-ragħajja spiritwali ġodda tagħhom, li huma mogħnija bi kwalitajiet pastorali sbieħ li bihom jistgħu jissoktaw jgħinuh fit-treġija tal-poplu Nisrani f’Għawdex.