Id-Djoċesi ta’ Għawdex twassal fit-tmiem proġett tal-Unjoni Ewropea ta’ Pannelli Fotovoltajiċi

Media Release - 7 ta’ Jannar 2014

ERDF 285: Gozo Diocese’s continued contribution to Eco-Gozo concept

F’dawn l-aħħar snin il-Kurja ta’ Għawdex kienet impenjata biex tinstalla pannelli fotovoltajiċi fuq binjiet tal-Knisja fid-Djoċesi ta’ Għawdex. Permezz ta’ dan il-proġett, li huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea, il-Knisja f’Għawdex qed tikkontribwixxi sabiex jitnaqqsu l-emmisjonijiet permezz ta’ enerġija rinovabbli li qed tkun iġġenerata mix-xemx, kif ukoll qed jiġu ffrankati spejjeż ta’ konsum ta’ dawl. Skop ieħor ta’ dan il-proġett huwa li joħloq għarfien tal-potenzjal ambjentali li jeżisti f’ pajjiżna.

Huwa stmat li dawn il-pannelli sejrin jiġġeneraw 33,072 kWh fis-sena li permezz tagħhom l-atmosfera ser tibbenefika billi jiġu ffrankati bejn wieħed u ieħor 28,441kg ta’ CO2. Dan kollu jikkontribwixxi għal arja aktar nadifa fl-ambjenti li ngħixu fihom.

Dan il-proġett ta’ installazzjoni ta’ sistemi ta’ fotovoltajiċi, li beda fl-2012 u qed jara tmiemu f’dawn il-ġranet, jiswa €39,850 u tliet entitajiet Għawdxin – is-Sorijiet tal-Klarissi, il-Lumen Christi Media Centre kif ukoll iċ-Ċentru Parrokkjali ta’ San Lawrenz –  fi ħdan id-Djoċesi ta’ Għawdex, qegħdin jibbenefikaw minn dawn il-fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea.

Permezz ta’ dan il-proġett, id-Djoċesi ta’ Għawdex trid tilħaq żewġ għanijiet importanti: dak li tkun ta’ eżempju billi tkompli tadotta miżuri ta’ enerġija rinovabbli biex tikkumbatti t-tibdil fil-klima u wkoll li tkompli tikkontribwixxi għall-kunċett ta’ Eko-Għawdex.

Dan il-proġett jaqa taħt OP1 – Investiment fil-Kompetittività għall-Kwalità ta’ Ħajja Aħjar (ERDF).

erdf285-saint-lawrence-parish-centre.jpg

erdf285-poor-clares-convent.jpg

erdf285-lumen-christi-media-centre.jpg