Il-Kor Laudate Pueri bħalissa f’Ruma - ESKLUSSIVA

il-papa-jiltaqa-mal-membri-tal-kor-dalghodu-1.jpg

il-papa-jiltaqa-mal-membri-tal-kor-dalghodu.jpg

Rapport ta’ Francesco Pio Attard
Xi ritratti oħra mehmuża ta’ Abigail Camilleri

Il-Kor Laudate Pueri tal-Bażilika ta’ San Ġorġ, Għawdex, illum (il-Ħadd 5 ta’ Jannar 2014) kellu udjenza sabiħa mal-Papa Franġisku dritt wara t-talba ta’ l-Angelus fi Pjazza San Pietru, hekk kif il-Papa kien dieħel fid-Dar Santa Marta fil-Vatikan.  Hawn hu sab jilqgħuh il-membri tal-Kor Għawdxi, taħt id-direzzjoni tal-Kan. George J. Frendo, li kantawlu ftit strofi mill-innu Ewkaristiku sabiħ “Nadurawk, ja Ħobż tas-Sema”, oriġinarjament miktub bit-Taljan mill-poeta nazzjonali Malti Dun Karm Psaila u mmużikat minn Giuseppe Caruana għall-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali miżmum f’Malta fl-1913.

Lill-Kan. George J. Frendo, Direttur tal-Kor, il-Papa qallu li dan l-innu Ewkaristiku sabiħ jiftakru jitkanta fil-parroċċa tiegħu fl-Arġentina meta kien għadu kemm għamel l-Ewwel Tqarbina, u għalhekk qanqal f’qalbu tifkiriet ħelwin tat-tfulija.  Hu ħa gost jisma’ li dan hu innu li ġej propju minn Malta u esprima l-ferħ tiegħu li reġa’ seta’ jisma’ din il-melodija ħelwa Maltija.

Mons. Dr Ġużeppi Farrugia, fundatur tal-Kor, ippreżenta lill-Papa b’pittura ta’ Celia Borg Cardona bit-tema San Giorgio, Vittoria della Pace.  Il-Papa, min-naħa tiegħu, sab il-ħin isellem personalment lill-membri tal-Kor, fuq 45 b’kollox, fil-parti l-kbira tagħhom żgħażagħ universitarji, kif ukoll lill-familjari li kienu jakkumpanjawhom.  Huwa ta wkoll bħala għotja lill-Parroċċa ta’ San Ġorġ, mnejn ġej il-Kor, sett ta’ impollozzi tal-fidda, waqt li għadda lill-Mużew tal-Bażilika Il-Ħaġar, pinna tal-fidda bl-istemma tiegħu.

F’din il-laqgħa memorabbli mal-Papa, il-Kor kien akkumpanjat ukoll minn Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, u mill-Arċipriet Mons. Pawlu Cardona.  Kien hemm preżenti wkoll Mons. Alfred Xuereb, Segretarju Personali tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku, li wkoll ġej mill-Parroċċa ta’ San Ġorġ.

Lejn tmiem il-laqgħa, f’mument tassew emozzjonanti, il-membri tal-Kor kantaw il-Magnificat, u qabel daħal fid-Dar Santa Marta, il-Papa dar fuqhom u talabhom jitolbu għalih, waqt li qalilhom li issa kien se jismagħhom għada waqt iċ-ċelebrazzjoni fil-Vatikan.

Il-Kor ġie mistieden Ruma minn Mons. Massimo Palombella sdb, Direttur tal-Kappella Pontifiċja Sistina, biex ikanta mal-Kor Papali fil-Quddiesa ta’ l-Epifanija ta’ nhar it-Tnejn 6 ta’ Jannar 2014 fil-Bażilika ta’ San Pietru.  Il-Quddiesa, immexxija mill-Papa Franġisku, tibda fl-10.00am u sa tkun imxandra fuq Rai 1 kif ukoll fuq l-Istazzjoni Televiżiv tal-Vatikan.

Intant, il-bieraħ, is-Sibt, il-Kor Laudate Pueri ta’ kunċert ta’ motetti sagri fil-Parroċċa Pontifiċja ta’ Sant’Anna fil-Vatikan, li għaliha attendew, fost mistiedna distinti oħra, l-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Angelo Comastri, Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Pietru; l-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Prospero Grech osa; u l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex.  Il-kunċert kien taħt il-patroċinju distint tal-Kunsill Pontifiċju tal-kultura.