EBDA PERSUNA MA HIJA ĠEBLA SKARTATA
Diskors tal-Isqof Mario Grech li sar it-Tnejn 9 ta’ Diċembru 2013 waqt Konferenza organizzata mill-Federazzjoni Għawdxija għall-Persuni b’Diżabbiltà fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabbiltà.
“Biex nifhmu liema direzzjoni nixtiequ nagħtu lis-soċjetà f’dak li għandu x’jaqsam mal-persuni b’diżabbiltà, hu importanti li nżommu quddiem għajnejna minn fejn tlaqna – għax mhux dak kollu li nkiseb fis-snin li għaddew huwa garantit li jibqa’.
Per eżempju, fi Sparta, tfajjel li kien ikollu xi nuqqas kien jinqatel; imbagħad f’kulturi oħra – anke dawk aktar reċenti – persuna b’diżabbiltà kienet tiġi skartata u moħbija. Irridu nammettu li llum mhux biss għad għandna ħjiel ta’ din il-kultura li termaġina lill-persuni b’diżabbiltà – kultura li tkaxkar saqajha biex tagħraf id-drittijiet fundamentali ta’ dawn iċ-ċittadini bi bżonnijiet speċjali; imma saħansitra qed jerġa’ jerfa’ rasu l-ispettru tal-qerda tal-ħajja li, skont ċerti kalkoli, titqies li mhix perfetta! Biżżejjed insemmu l-proposta ta’ liġi approvata dan l-aħħar mis-Senat tal-Belġju li tirrikonoxxi d-dritt tal-ewtanasja lill-minuri li jkunu f’qagħda ta’ tbatija fiżika, inkurabbli u f’fażi terminali. F’dawn il-każijiet, il-kunsens tal-minuri jrid ikun akkumpanjat b’ċerifikat tal-psikologu li jiċċertifika li l-minuri għandnu “kapaċità ta’ ġudizzju”. Naqbel ma’ min sejjaħ din il-liġi bħala “qabża lura fil-livell taċ-ċiviltà.”
Għalkemm fis-soċjetà tagħna rajna żviluppi dwar l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà fid-dinja tal-adulti, jibqa’ l-fatt li hemm ħafna li jista’ jnissel tħassib fil-ġenituri dwar il-futur ta’ wliedhom li għandhom diżabbiltà. Huwa fatt li sal-lum il-familja kienet toffri assikurazzjoni solida lil dawk li għandhom diffikultà biex jgħixu ħajja indipendenti waħidhom. Għalkemm mal-medda tas-snin il-politika soċjali mħaddma f’pajjiżna rrikonoxxiet il-kontribut li tagħti l-familja f’dawn il-każijiet, jibqa’ però fatt li jista’ isir aktar ma’ dawn il-familji biex bis-sussidji li jirċievu mill-Istat ikunu jistgħu jkomplu jgħinu fil-proċess ta’ formazzjoni u soċjalizzazzjoni ta’ dawn il-persuni.
F’dan il-kuntest, l-akbar preokkupazzjoni hija l-instabbiltà tal-familja. Għalhekk kull miżura maħsuba biex tgħin għat-tisħiħ taż-żwieġ u l-familja hija waħda li indirettament tgħin biex il-persuni b’diżabbiltà jkollhom kemm jista’ jkun moħħhom mistrieħ li mhux ser isibu ruħhom “depożitati” jew “ipparkjati” f’xi istituzzjoni.
F’dawk il-każijiet, fejn imbagħad is-sapport familjari jiġi nieqes, illum aktar huwa rrikkmandat li jinħolqu ċelluli żgħar fejn jilqgħu lil dawn il-persuni u joffrulhom ambjent familjari possibilment fl-istess ambjent li fih ikunu telgħu u laħqu bnew relazzjonijiet.
Qed isir ħafna fil-qasam tal-edukazzjoni biex persuni diżabbli jirċievu formazzjoni akkademika u teknina li tħejjijhom biex bil-mod il-mod jinserixxu ruħhom fid-dinja tal-kbar. Ftit li xejn jagħmel sens l-argument ta’ min isostni li dawn il-persuni għandhom dritt għall-għajnuna biss sakemm għadhom fil-livell ta’ edukazzjoni obbligatorja, liema għajnuna tieqaf jekk dawn ikollhom ikomplu edukazzjoni terzjarja. Soċjetà verament ħanina ma tistax tkun xħiħa ma’ dawn iċ-ċittadini li għandhom ħtiġijiet speċjali.
Dan kollu jitlob investiment qawwi mill-Istat. Wieħed mill-modi kif l-Istat għandu jiġġenera fondi għal dawn il-proġetti huwa billi jindirizza l-fenomenu inġust ta’ dawk li taparsi diżabbli jew diżabbli foloz. Ma nistgħux nibqgħu nagħlqu għajnejna quddiem prassi ftit jew wisq mifruxa ta’ ħruġ ta’ ċertifikati ta’ diżabbiltà immaġinarja. Min jipparteċipa f’din il-prassi korrotta qiegħed jisfrutta lil dawk li l-aktar jeħtieġu l-għajnuna biex iħarsu b’fiduċja lejn il-futur.
Fattur ieħor li jgħin lill-persuni b’diżabbiltà ħalli jiksbu ċerta awtonomija u jħossuhom realizzati huwa l-qasam tal-impjieg. Huwa fatt li llum għandna liġijiet li jindirizzaw l-inseriment ta’ dawn il-persuni fid-dinja tax-xogħol; imma hemm bżonn li din l-għodda leġiżlattiva tiġi infurzata aktar, ukoll fis-settur privat, għax sfortunatament il-liġi tas-suq u d-dettami tal-ekonomija xi drabi jitolbu kwalifiki li b’mod pulit jeliminaw lill-persuni b’diżabbiltà.
F’dan il-kuntest jidher dejjem aktar il-bżonn ta’ rivoluzzjoni kulturali “Kopernikana” – li mhux il-bniedem huwa għas-Sibt, imma s-Sibt huwa għall-bniedem; mhux il-bniedem huwa rota fl-ingranaġġi tal-ekonomija, imma l-ekonomija hija għall-bniedem, partikularment għall-bniedem dgħajjef.
Il-futur tal-persuni b’diżabbiltà qiegħed miktub fuq il-ħajt quddiemna. Inridu nkunu konvinti li ebda persuna ma għandha tħoss li hija xi ġebla mwarrba; imma aħna lkoll ġebel midnun ma’ xulxin b’sens qawwi ta’ solidarjetà u għalhekk flimkien niffurmaw binja sħiħa.
Il-Knisja f’pajjiżna għandha passat sabiħ meta wieħed iqis dak li hija għamlet biex tħares u tippromovi lill-persuni b’diżabbiltà u lill-familji tagħhom. Biżżejjed insemmi lil Dun Manwel Curmi, pijunier f’dak li għandu x’jaqsam mal-emanċipazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà. Anke fil-Knisja hemm futur għal dawn il-persuni. Meta sitt snin ilu waqqaft fid-djoċesi l-Kummissjoni biex il-persuni b’diżabbiltà jkollhom aktar aċċessibbiltà fil-Knisja, ma kontx qed nirreferi biss għall-aċċessibbiltà fiżika, imma wkoll kif dawn il-persuni ser jieħdu sehem attiv fil-ħajja tal-komunità ekkleżjali. Mhux biżżejjed dak li għamilna. Hemm aktar x’isir. Nagħti żewġ eżempji:
(1) Dan l-aħħar akkwistajna l-Bibbja bil-Braille għal-librerija tas-Seminarju Maġġuri u nittama li din tiffaċilita biex dawk neqsin mid-dawl ikunu jistgħu jeżerċitaw il-ministeru ta’ Letturi fil-liturġija.
(2) Nixtieq nara rappreżentanza tal-persuni b’diżabbiltà fl-istrutturi parrokkjali u djoċesani, bħalma huma l-Kunsill Parrokkjali u l-Kummissjonijiet Djoċesani biex dawn jieħdu sehem fil-fażi ta’ riflessjoni u ta’ deċiżjoni fil-ħajja tal-Knisja.
Mumenti bħal dan tal-lum huma meħtieġa għaliex jagħtuna l-possibbiltà li nagħmlu appell lis-soċjetà, partikularment lil dawk li għandhom funzjoni ta’ tmexxija u leġiżlattiva, biex tkompli tinħoloq kuxjenza favur il-ħajja umana, speċjalment b’risq dawk li huma żgħar u dgħajfa”.