Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-settings.php on line 264

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-settings.php on line 266

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-settings.php on line 267

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-settings.php on line 284

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-includes/cache.php on line 36

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-includes/query.php on line 21

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-includes/theme.php on line 540

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-content/plugins/exec-php/exec-php.php on line 21

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-content/plugins/exec-php/manager.php on line 54

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-content/plugins/exec-php/manager.php on line 57

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-content/plugins/exec-php/manager.php on line 62

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-content/plugins/exec-php/manager.php on line 63

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-content/plugins/exec-php/manager.php on line 64

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-content/plugins/exec-php/manager.php on line 65

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-content/plugins/exec-php/manager.php on line 66

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-content/plugins/exec-php/ajax.php on line 69

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-content/plugins/exec-php/cache.php on line 33

Deprecated: Assigning the return value of new by reference is deprecated in /home/content/69/13962169/html/wp-content/plugins/exec-php/cache.php on line 42
Ordo Virginum at Gozo Diocese



Ordo Virginum

32/2013

ITTRA PASTORALI
tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

WARDA ĠDIDA FIL-ĠNIEN TA’ GŻIRITNA

Lir-Reverendi Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi, Persuni Kkonsagrati u Lajċi Nsara.

Għeżież,

Fostna hawn ħafna tajjeb! Kuljum jiftaħ ward ġdid imlibbes b’ilwien sbieħ u jarmi fwieħa li tgħaxxaq. Imma spiss jiġrilna li, għalkemm dan kollu qed jiġri taħt għajnejna u madwarna, aħna ma nintebħux bih. Forsi għax dak li huwa negattiv fil-ħajja jisirqilna l-attenzjoni. Jista’ jkun ukoll għax nafu nkunu mifxulin u aljenati! Imma dan jista’ jiġri wkoll għaliex bil-mod il-mod bħal donnu qegħdin nitilfu s-sensibbiltà li nammiraw u napprezzaw il-ġmiel veru!

Fil-fehma tiegħi l-ġrajja ta’ żewġ xebbiet minn tagħna li nhar il-Ħadd li ġej ser jikkonsagraw ruħhom lil Alla u jingħaqdu fl-Ordo Virginum jew fil-kategorija tal-Verġni Kkonsagrati, hija warda sbejħa u ġdida li kibret fil-ġnien ta’ gżiritna!
L-Ordni tal-Verġni fil-Knisja
Kif insibu fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, «sa minn żmien l-Appostli xi xebbiet Insara li, imsejħin mill-Mulej biex jingħaqdu miegħu biss bla ebda rabtiet oħra (ara 1Kor 7, 34-36), u ħielsa għal kollox fil-qalb, il-ġisem u l-ispirtu, ħadu deċiżjoni, approvata mill-Knisja, li jgħixu l-istat tagħhom ta’ verġinità “għas-Saltna tas-Smewwiet”» (n.922).

Is-Santi Padri, fosthom Sant’Injazju ta’ Antijokja u San Ippolitu, kienu jipproponu l-verġinità kkonsagrata u l-martirju bħala xhieda speċjali biex l-Insara juru l-ġmiel tal-valuri Evanġeliċi lis-soċjetà mħassra bid-drawwiet pagani. Sant’Ambroġ għandu kitbiet il-ġmiel tagħhom dwar dawk li jagħżlu li jibqgħu verġni għas-Saltna ta’ Alla!

L-ewwel verġni kkonsagrati jissemmgħu fit-talba Ewkaristika magħrufa bħala l-Kanone Ruman: Sant’Agata minn Katanja, Santa Luċija minn Sirakuża, Sant’Anjeże u Santa Ċeċilja minn Ruma u Santa Kristina minn Bolsena! Imbagħad fis-Seklu IV fil-Knisja nibet il-Monastiċiżmu u l-Ħajja Kkonsagrata kienet organizzata f’komunità. Hekk żviluppat il-ħajja kkonsagrata reliġjuża (patrijiet, sorijiet u monaċi) u bil-mod il-mod l-istat ta’ ħajja tal-verġinità kkonsagrata spiċċa. Kien il-Konċilju Vatikan II li reġa’ qajjem din il-prassi fil-Knisja (cfr. Sacrosanctum Concilium, 80). Ir-Rit tal-Konsagrazzjoni tal-Verġni, li jinkludi talba attribwita lil San Ljun il-Kbir, li għex fis-Seklu IV, kien approvat fl-1970 mill-Papa Pawlu VI.

Maż-żmien dehru wkoll l-Istituti Sekulari. Għalkemm dawn huma lajċi kkonsagrati u jħaddnu l-kunsilli evanġeliċi tal-kastità, faqar u ubbidjenza, huma differenti mill-verġni kkonsagrati għaliex dawn tal-aħħar ma huma membri ta’ ebda istitut jew għaqda partikulari. Il-verġni kkonsagrati, filwaqt li jistqarru fil-pubbliku li huma kkonsagrati lil Alla, jibqgħu jgħixu fil-familja u jwettqu l-istess ħidmiet li normalment jagħmlu nisa oħra. Huma la għandhom regola u anqas superjura bħalma għandhom ir-reliġjużi u l-membri tal-Istituti Sekulari. Il-verġni kkonsagrati huma disponibbli għal dak kollu li jitlob minnhom l-isqof tad-djoċesi.

Sinjal tal-imħabba ta’ Alla għad-dinja
It-talba li qed issirli biex fid-djoċesi tagħna jitwaqqaf l-Ordni tal-Verġni tgħidilna li minkejja kollox Alla ma għejjiex jagħmel il-proposta qawwija biex il-bniedem ikun tiegħu u hu tal-bniedem. Għalkemm hemm drabi meta l-bniedem jimbarra l-bieb biex Alla ma jidħolx f’ħajtu, Alla għadu jħabbat fuq il-bieb tal-umanità biex aħna niftħulu u hu jiġi jgħammar għandna! Mal-medda tas-sekli l-interess tagħna f’Alla naqas, imma Alla “li għażilna fih sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba” (Ef 1:4-5), baqa’ juri interess fina! Jekk il-fidi tagħna f’Alla qed titmermer, hu baqa’ jemmen fina! Jekk aħna ġieli qtajna qalbna minn Alla ta’ Ġesù Kristu u tajnieh il-ġenb, il-fiduċja ta’ Alla fina għadha sħiħa tant li hu jibqa’ jsejjaħ lil xi wħud minn fostna biex jagħmilhom sinjal tal-imħabba tiegħu għalina!

Nikbru fil-ħajja tal-Ispirtu
L-istess għażla favur din is-sura ta’ verġinità kkonsagrata li jħaddnu dawn iż-żewġ persuni, li biha fid-djoċesi qegħdin nagħtu bidu għal mod ġdid kif nistgħu ngħixu l-magħmudija, tfawwarna bit-tama. Jekk fil-ħajja ta’ kuljum għandna xi eżempji li juruna li l-bniedem ta’ żmienna jaħseb wisq għal rasu, dawn il-verġni kkonsagrati huma sinjal li fostna għandna individwi li tant huma ġenerużi li, għalkemm ser jibqgħu jżommu l-impenji li għandhom fid-dinja, huma jridu jimxu skont it-tnebbieħ tal-Ispirtu ta’ Alla li hemm fihom biex bħal ħmira jibdlu l-għaġna tad-dinja minn ġewwa! Aktar ma’ jinfetħu għall-Ispirtu aktar ikunu jistgħu jnisslu ħajja ġdida madwarhom! Huma msejħin biex jgħixu fil-preżenża tal-Għoli: mhux biex jeħilsu mit-taħbit tad-dinja jew jinsew lill-bniedem, imma biex idewqu t-tjubija ta’ Alla lill-bniedem. Huma dawk li jilqgħu l-Kelma biex imbagħad, bis-sehem tagħhom fl-attività fil-qasam tax-xogħol soċjali u kulturali, japplikawha bħala mediċina fuq il-ġrieħi tal-umanità. Bħalma Marija, mgħejuna mill-Ispirtu s-Santu, aċċettat is-sejħa li għamlilha Alla u hekk Kristu sar bniedem, hekk l-Ispirtu Divin wassal lil dawn il-verġni kkonsagrati biex joffru l-enerġija umana u spiritwali tagħhom ħalli l-qawwa ta’ Alla tasal għandna u twellidna għall-ħajja ġdida – il-ħajja aktar umana. Din il-qawwa ta’ Alla dehret fi Kristu (1Kor 1:24).

Infittxu lil Kristu!
Inħoss li huwa urġenti li l-Knisja tintebaħ li Kristu biss huwa t-tweġiba li qiegħed ifittex il-bniedem tal-lum. Aktar milli għandu bżonn ta’ moraliżmi jew dixxiplina, il-bniedem hu mxennaq biex jagħmel esperjenza ta’ min jista’ jgħinu jimla l-baħħ tal-ħajja. Il-bniedem qed jintebaħ li x-xjenzi umani, il-psikoloġija, l-ekonomija, ix-xjenza, eċċ., huma għodda valida imma mhumiex biżżejjed għax ma jagħtux tweġiba quddiem il-misteru! Għandu jħassibna li xi drabi lanqas l-istess attivitijiet “spiritwali” u saħansitra “liturġiċi” tagħna ma jwasslu biex ibexxqu t-tieqa fuq il-ġmiel ta’ Alla!

Dan kollu għandu jħarrikna biex nagħmlu riflessjoni aktar wiesa’, imma fiċ-ċirkustanza tal-lum nistieden lill-Knisja tagħna tapprezza l-ġrajja tal-konsagrazzjoni tal-verġni, għaliex tagħmel parti mill-istess identità tagħhom li huma jkunu jixbhu lill-Għarus tagħhom, Kristu! Filwaqt li huma jgħixu bħala lajċi fid-dinja u jwettqu l-istess ħidmiet professjonali u soċjali, bil-preżenza ordinarja tagħhom il-verġni kkonsagrati jdakkru bi Kristu ċ-ċivilità moderna billi jkun rifless tal-imħabba ta’ Kristu. Aktar milli huma meħtieġa ħidmiet ġodda ta’ appostolat, għandna bżonn ta’ persuni li huma nnamrati ma’ Ġesù Kristu li b’ħajja mlaqqma fih kapaċi jqanqlu l-kurżità ta’ ħafna li jistaqsu dwar x’inhu l-veru ġid li jissoddisfa l-qalb tal-bniedem.

Maħtufa mill-ġmiel ta’ Kristu u fl-istess waqt imxennqa dejjem aktar għalih, il-verġni kkonsagrata ssib l-għaxqa tagħha fil-Knisja, is-sagrament tal-preżenza ta’ Kristu fid-dinja. Għalhekk, misjuqa minn din l-imħabba għal Kristu preżenti fil-Knisja, il-verġni kkonsagrata toffri d-disponibbiltà sħiħa tagħha lill-isqof tad-djoċesi. L-ikbar ġid li jista’ joħroġ minn din ir-rabta tagħha mal-Knisja lokali mhix il-ħidmiet pastorali fil-parroċċa u fid-djoċesi, daqskemm li hi tgħin lill-oħrajn biex isiru jafu n-natura vera tal-Knisja u tqanqal u tkattar fihom imħabba lejn il-Knisja.

L-għoti tal-velu, taċ-ċurkett u tal-ktieb tat-talb
Huma tassew sinifikattivi t-tliet distintivi li dakinhar tal-konsagrazzjoni l-isqof jagħti lill-verġni: il-velu, iċ-ċurkett u l-ktieb tat-talb tal-Knisja. Fit-tradizzjoni tal-Bibbja nsibu li fit- tempu kien hemm velu li kien jifred lill-bnedmin minn Alla (Lev 16:1). Illum aħna neħtieġu lil min bħall-verġni kkonsagrati “iċarrat” dan il-velu biex nkunu nistgħu nitfarrġu meta naraw lil Alla wiċċ imb wiċċ! Il-verġni ma jilbsux iċ-ċurkett biex jiddandnu imma biex juru li bil-konsagrazzjoni tagħhom huma issa daħlu f’għaqda intima u dejjiema ma’ Kristu, l-Għarus tagħhom. Għalhekk iċ-ċurkett f’id dawn il-verġni kkonsagrati jfakkarna li r-relazzjoni tagħna ma’ Kristu tixbah lil dik ta’ bejn l-għarusa u l-għarus (ara Ħos 2:21-22). It-talb huwa t-taħbita tal-qalb tal-għarusa għall-Għarus divin! Huwa n-nifs jaħraq kollu mħabba li dawn l-għarajjes għandhom lejn xulxin! Għalhekk bil-ktieb tat-talb tal-Knisja f’idejhom, il-verġni kkonsagrati jiċċelebraw din l-imħabba f’isimhom u f’isem il-komunità.

Il-preżenza tal-mara fil-Knisja u fis-soċjetà
Filwaqt li rrodd ħajr lil Alla li b’dan id-don ġdid tal-Ordni tal-Verġni huwa qed ikompli jagħni dan il-ġnien ta’ gżiritna, ġnien diġà msebbaħ b’forom oħra ta’ ħajja kkonsagrata, reliġjuża u sekulari, bl-interċessjoni tal-Madonna, verġni, għarusa u omm, nitlob bil-ħerqa biex din l-esperjenza tgħin ħalli, kif għamlet fl-imgħoddi l-mara Għawdxija, tkompli tfittex modi ġodda biex tkompli tkun promotriċi tal-evanġelizzazzjoni u l-umanizzazzjoni tas-soċjetà tagħna. Inħeġġeġ lill-adolexxenti u ż-żgħażagħ bniet biex ma jibżgħux jiġru wara ideali għolja kif jaf inebbaħhom l-Ispirtu ta’ Alla!

Nitolbu għal aktar vokazzjonijiet għall-ħajja kkonsagrata
Min jixtieq ikun jaf aktar dwar dan l-istat tal-verġinità kkonsagrata jista’ javviċina lil Mons. Pawlu Cardona, li huwa d-Delegat tiegħi biex isegwi lil dawk li huma msejħa biex jidħlu f’dan l-Ordni tal-Verġni, kemm fil-fażi tat-tħejjija għall-konsagrazzjoni kif ukoll wara li jagħmlu l-konsagrazzjoni tagħhom.

Nistedinkom biex tieħdu sehem fil-quddiesa li ser tkun fil-Katidral tagħna, nhar il-Ħadd 12 ta’ Mejju 2013 fis- 6.00 p.m., biex bit-talb tagħna nakkumpanjaw lil dawn iż-żewġ xebbiet li ser jidħlu fl-Ordni tal-Verġni.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex, l-Erbgħa 8 ta’ Mejju 2013, Festa tal-Madonna ta’ Pompej.

Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Mons. Salv Debrincat
Kanċillier