Żjara ad limina Apostolorum

25/2012

Ittra Ċirkulari
tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Lir-Reverendi Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes, Superjuri Reliġjużi, Persuni kkonsagrati u Lajċi Nsara.

Żjara Ad limina

Għeżież,

Flimkien mal-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. u l-Arċisqof Emeritu Ġużeppi Mercieca, għada (illum) il-Ħadd ser immur Ruma għaż-Żjara ad limina Apostolorum. Huwa dmir ta’ kull isqof djoċesan li kull ħames snin jagħmel din iż-żjara fuq “l-għatba tal-oqbra tal-Appostli Pietru u Pawlu”. Għad li minn Għawdex se mmur waħdi, imma se nieħu fi ħsiebi lil kull wieħed u waħda minnkom biex nippreżentakom lill-Q.T. il-Papa Benedittu XVI.

Infatti, l-udjenza mal-Papa, li ser ikollna nhar it-Tnejn 28 ta’ Mejju, hija l-qofol ta’ din il-ġrajja ekkleżjali. Il-Papa mistenni jistaqsina dwar x’inhuma l-ferħ u n-niket tal-Knisja tagħna, u fl-istess ħin jafdalna bxara tajba li bħala Kap tal-Knisja jixtieq iwasslilna. Din il-laqgħa tikkonferma u ssaħħaħ l-għaqda li għandu jkun hemm bejn l-isqfijiet u l-Papa, li flimkien jiffurmaw “il-Kulleġġ Appostoliku”. Il-laqgħa tiċċelebra wkoll ir-rabta li għandu l-poplu ta’ Alla f’pajjiżna mal-Papa, li bħala Isqof ta’ Ruma huwa l-Vigarju ta’ Kristu u s-suċċessur ta’ Pietru. Jekk din il-komunjoni tagħna mal-Papa tixxellef jew tiġi nieqsa, aħna ma nibqgħux f’xirka sħiħa mal-Knisja waħda ta’ Kristu! Għalhekk, permezz ta’ din il-laqgħa, aħna l-isqfijiet inġeddu l-ubbidjenza kemm tagħna personali kif ukoll tal-Knisja lokali lejn il-Papa u l-Maġisteru tal-Knisja Universali. F’dan is-sens inħoss li, fiċ-ċirkustanzi li qegħdin fihom, din iż-żjara ad limina hija provvidenzjali.

Matul il-jiem li nkunu Ruma ser nagħmlu pellegrinaġġ fuq l-oqbra ta’ San Pietru u San Pawl biex niftakru u nesprimu li għandna l-istess fidi li kellhom huma fi Kristu, u li din il-fidi hija tant għażiża għalina li bħalhom ma nibżgħux nagħtu xhieda tagħha, anke jekk tiswielna prezz għoli saħansitra l-martirju.

Ser ikollna diversi laqgħat fid-dikasteri tas-Santa Sede. Kull wieħed minn dawn id-dipartimenti jaġixxi f’isem il-Papa dwar suġġetti differenti, bħalma huma d-duttrina tal-fidi, is-sagramenti, il-kleru, ir-reliġjużi, l-immigrazzjoni, l-evanġelizzazzjoni u oħrajn. Matul dawn il-laqgħat ser niddiskutu r-rapport li kull djoċesi ħejjiet dwar il-ħidma pastorali li tkun saret matul l-aħħar snin.

F’dawn il-mumenti kollha, nassigurakom li intom ser tkunu fil-ħsieb tiegħi. Nitlobkom titolbu għalija u għall-isqfijiet sħabi biex, bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, din l-esperjenza tkun mument ta’ grazzja għalina lkoll.

Nitlob fuqkom u fuq il-Knisja f’pajjiżna l-milja tad-doni tal-Ispirtu s-Santu.

Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat Għawdex, illum, is-Sibt 26 ta’ Mejju 2012, lejlet is-Solennità ta’ Għid il-Ħamsin.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Mons. Salv Debrincat
Kanċellier