Ftuħ u tberik ta’ Ċentru ta’ tagħlim fil-parroċċa tan-Nadur

Ilbieraħ, is-Sibt 28 ta’ April 2012, l-Isqof Mario Grech qaddes fil-knisja parrokkjali tan-Nadur fl-okkażjoni tat-324 sena mit-twaqqif tal-parroċċa. Dan sar fl-istess jum li fih id-Djoċesi ta’ Għawdex, fuq inizjattiva tal-Azzjoni Kattolika, għall-ewwel darba ċċelebrat it-tifkira liturġika ta’ Santa Gianna Beretta Molla. Fi tmiem il-quddiesa fin-Nadur, l-Isqof Grech inawgura u bierek “Ċentru ġdid ta’ tagħlim”. Fl-omelija l-Isqof wassal dan il-messaġġ:

«Napprezza li għandna ħafna ġenituri li bħal Santa Gianna Beretta Molla jagħtu ħajjithom għal uliedhom! Bħal din il-qaddisa li mietet 50 sena ilu, għandna ġenituri li jagħżlu li jmutu fis-sens wiesa’ tal-kelma biex jgħajxu lil uliedhom! Dawk il-ġenituri li, misjuqin mill-imħabba lejn Alla u lejn uliedhom, jissagrifikaw lilhom infushom biex irabbu lil uliedhom, huma tassew teżor kbir tal-Knisja u tas-soċjetà.

Hija sfortuna li dawk il-ħafna ommijiet u missirijiet, li qed jiddedikaw il-ħin, l-enerġija, il-gosti tagħhom biex jaraw lil uliedhom jikbru u jissawru bħala rġiel u nisa, ma jagħmlux aħbar! Inħeġġeġ lil dawn il-ġenituri biex jibqgħu jistgħanew fil-virtujiet u ma jaqtgħux qalbhom meta jiġu biex jgħadduhom lil uliedhom bil-kelma u bl-eżempju.

Importanti li l-bniedem tal-lum jibqa’ jsib l-għejun minn fejn jista’ jixrob tagħlim safi! Għalhekk huwa ta’ ġieħ kbir għall-komunità parrokkjali tan-Nadur li qed tinawgura din “id-dar tat-tagħlim Nisrani”, iddedikata lil San Pietru u San Pawl. F’dan il-proġett, li ser ikun jilqa’ fih l-assoċjazzjonijiet reliġjużi, il-parroċċa qiegħda tagħmel investiment li jirrendi qliegħ kbir, għax minn jilqa’ l-Bxara t-Tajba ta’ Kristu jirċievi għajnuna li tgħinu jkun Nisrani tajjeb u għalhekk ċittadin tal-affari tiegħu, li jaf jagħti kontribut mhux indifferenti lis-soċjetà.

Huwa sinifikattiv li s-sala ċentrali ta’ din id-dar, li fiha jsiru l-laqgħat ta’ formazzjoni tal-għarajjes u tal-koppji miżżewġa, qed tissemma’ għal Santa Gianna Beretta Molla, omm u tabiba li trawmet fl-Azzjoni Kattolika f’Bergamo, l-Italja.

Irrodd ħajr lill-benefatturi kollha li għenu biex tlesta dan il-monument ħaj.»