Għoti tal-Ministeri tal-Lettorat u l-Akkolitat

NEVANĠELIZZAW IL-GALILIJA TAL-ĠNUS

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Għoti tal-Ministeri tal-Lettorat u l-Akkolitat
Knisja parrokkjali tas-Santissmu Salvatur, l-Għasri – Il-Ħadd 26 ta’ Frar 2012

Nixfa spiritwali
Il-Kelma ta’ Alla li tħabbritilna llum toffrilna żewġ tixbihat li bihom nistgħu naqraw is-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha – żewġ fenomeni li t-tnejn jindikaw nuqqas ta’ ħajja!

Fi żmien Noè kien hemm għarar kbir (Ġen 9:8-15): id-dilluvju ħarbat l-art, l-ilma kotran għamel diżastru, il-qerda kienet totali. F’ċertu sens, fis-soċjetà moderna l-bniedem huma mgħaddas fil-ġid. Il-ġid mhux ħaġa ħażina fih innifsu, imma l-mod kif aħna nirrelataw mal-ġid jista’ jkun żbaljat! L-affluwenza u l-materjaliżmu qed jeqirdu għadd ta’ valuri u doni li kienu jżejnu lill-bniedem. Illum kollox sar jiddependi mill-prezz u għalhekk dak li mhuwiex riżorsa ta’ qligħ faċli jiġi skartat. Każ tipiku huwa l-volontarjat. Sirna saħansitra nilagħbu mal-ħajja umana biex nagħmlu l-profitti jew biex niffrankaw l-ispejjeż. Għalhekk f’dan is-sens, il-ġid kotran flok ma qed jissarraf f’barka, f’ħafna każi sar kawża ta’ qerda.

Id-deżert ta’ Ġuda, fejn Kristu għadda erbgħin jum (Mk 1:12-15), ifakkarna fin-nixfa. Art xagħrija ma tnibbitx u tibqa’ battala. Fejn m’hemmx ilma, m’hemmx ħajja. Illum ma nistgħux ma nirrikonoxxux in-nixfa spiritwali li għaddej minnha l-bniedem! Meta ngħid li l-bniedem ixxotta spiritwalment, qed nirreferi għal dak kollu li għandu x’jaqsam mad-dinja tal-ħsieb – ideat, riflessjonijiet, poeżija, fantasija, gosti, eċċ.; imma ninkludi wkoll l-aridità minn dak li għandu x’jaqsam mat-twemmin Nisrani! Jekk minn naħa għandna persuni li, frott ta’ impenn fil-ħajja Nisranija, qed jistagħnew spiritwalment, huwa fatt ukoll li l-kotra qed jitbattlu mill-Ispirtu ta’ Alla! Is-sinjali ta’ dan il-vojt spiritwali huma abbundanti! Dan ifakkarni f’dik id-dehra li kellu l-profeta Eżekjel meta ra l-wied mimli bi skeletri mejta mneżżgħin mil-laħam u l-muskoli – bnedmin nieqsa mill-Ispirtu!

Alla jreġġa’ l-ħajja
Imma jekk nerġgħu lura għas-siltiet tal-Iskrittura, insibu li kemm meta kien hemm il-dilluvju qerriedi u kemm in-nixfa tad-deżert, Alla jintervieni biex jeħles lill-bniedem minn dik is-sitwazzjoni tqila. Lil Noè u lil uliedu Alla jgħidilhom: “Jien nagħmel il-Patt tiegħi magħkom, li qatt iżjed ma jinqered ebda laħam ħaj bl-ilmijiet tad-dilluvju; u qatt iżjed ma jkun hemm dilluvju biex iħarbat l-art” (Ġen 9:10).

Min-naħa l-oħra, l-evanġelista San Mark jgħidilna li fid-deżert Ġesù jasal biex “jgħix mal-bhejjem selvaġġi”. Dan id-dettall ifakkarna f’dak li jikteb il-profeta Isaija meta jħabbar il-miġja tal-Messija: “Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf, il-leopard mal-gidi, u jirgħu flimkien l-għoġol u ferħ l-iljun, daqsxejn ta’ tfajjel isuqhom… It-tarbija tal-ħalib titliegħeb fil-ħofra tas-serp u t-tifel miftum idaħħal idu fil-bejta tal-lifgħa” (11:6-8). B’dan il-lingwaġġ Isaija kien qed iħabbar l-era messjanika. Għalhekk meta Mark jinnota li Kristu fid-deżert kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi, qed jgħid li propju fid-deżert Kristu jinawgura l-era messjanika li kellha tkun żmien ta’ salvazzjoni!

Ġesù jagħti bidu għal dan iż-żmien ġdid billi jmur il-Galilija u hemm ixandar il-Vanġelu ta’ Alla. Hemm għamel sejħa qawwija: “Indmu u emmnu fl-Evanġelju”. Dawk li laqgħu l-Bxara t-Tajba saru “Kristjani” – kienu jaħsbu bħal Ġesù u jilbsu s-sentimenti tiegħu. Għalihom il-Vanġelu sar il-ktieb tal-ħajja li pprovdielhom gwida biex jibnu belthom fuq is-sod.

Illum iltqajna mal-komunità tas-Seminarju għaliex tnejn mis-seminaristi tagħna ser jirċievu l-ministeri, anki fid-dawl tal-fatt li ’l quddiem, jekk jinsabu idoneji, jirċievu l-presbiterat; Daniel Sultana ser jirċievi l-ministeru ta’ Lettur u Gabriel Gauci ser jirċievi l-ministeru ta’ Akkolitu. Għeżież seminaristi, Kristu u l-Knisja għandhom bżonnkom biex bis-sehem tagħkom tkompli titwettaq l-era messjanika mibdija mill-Imgħallem tagħna. Bix-xandir tal-Kelma ta’ Alla, il-Lettur jgħin biex il-bniedem jiltaqa’ mal-verità, filwaqt li l-Akkolitu, bil-qadi tiegħu fuq l-altar, partikularment fit-tħejjija tas-sagrifiċċju u t-tqassim tal-Ewkaristija, jgħin biex Kristu jkun preżenti fil-ħajja ta’ ħafna.

Immexxijin mill-Ispirtu li jġedded il-wiċċ tal-art
Inħeġġeġ lilkom, li llum il-Knisja qed tafdalkom dawn il-ministeri, biex bħal Kristu tħallu lill-Ispirtu jmexxikom. Fil-ħajja hemm ir-riskju li nħallu spirti oħrajn imexxuna, aktar u aktar meta s-soċjetà ta’ madwarna hi dik li hi. Noqogħdu attenti biex la mmexxu aħna lilna nfusna u anqas ma nimxu skont ix-xejra ta’ din id-dinja! Kif fid-deżert Kristu kien imġarrab, hekk ukoll jiġri lid-dixxipli tiegħu, speċjalment lil dawk li huwa jagħżel għalih! Importanti li aħna nxandru lil Kristu sħiħ! F’epoka bħal din tagħna, mhix daqshekk remota t-tentazzjoni li, biex jogħġbu lill-massa, il-ħabbara tal-Vanġelu jaslu li jipprietkaw parti biss mill-verità. Dan mhux biss ikun imur kontra l-lealtà tagħna lejn Alla li sejħilna u bagħatna, imma wkoll kontra dik lejn il-bnedmin, għax b’dan il-mod inkunu nkattru n-nixfa spiritwali u nħalluhom jogħdsu!

Għandi tama qawwija li intom tafu tkunu għall-Knisja għodda magħżula, biex bit-tħaddim tal-ministeri tagħkom tgħinu fl-evanġelizzazzjoni tal-“Galilija” tal-lum. Ġesù ma għażilx li jinawgura x-xandir tal-Evanġelju f’Ġerusalemm, żona b’ilqugħ reliġjuż – peress li kien hemm l-istituzzjoni reliġjuża! Minflok huwa jagħżel li jmur il-Galilija, “f’art u dell il-mewt” (Mt 4:16). Billi kienet port u post tal-kummerċ, il-Galilija kienet distrett ta’ “taħlit” ta’ Lhud u pagani, ’il bogħod mill-ortodossija u mill-kontrol tat-Tempju! F’ċertu sens hemm xebh bejn il-Galilija tal-ġnus u ċerti ċeti fis-soċjetà tagħna llum! Huma proprju dawk iż-żoni li, għalkemm huma pastoralment iebsa – jew għax mgħarrqa fil-materjaliżmu jew għax niexfa spiritwalment –, għandhom jisirqu l-attenzjoni pastorali tagħna biex hemm tiġi inawgurata l-“era messjanika” fejn Alla, li jgħammar fost in-nies, ikun għajn ta’ sliem u faraġ!

Bl-interċessjoni tal-Verġni Mbierka, nitlob lil Alla jżomm idejh fuqkom.