Illum il-Jum Ewropew tal-Ħdud franki mix-xogħol
Stqarrija tal-Isqof Mario Grech
Meta llum il-European Sunday Alliance qed tiċċelebra l-4 ta’ Marzu bħala “il-Jum Ewropew tal-Ħdud franki mix-xogħol”, nappella biex iċ-ċittadini jikkooperaw ma’ din l-inizjattiva biex ma jsirx xogħol fil-Jum tal-Ħadd, b’eċċezzjoni għal dik il-ħidma li hija neċessarja fis-soċjetà.
Huwa ta’ sodisfazzjon li s-soċjetà waslet biex tiddefendi l-valur ċivili tal-Ħadd għax hekk il-ħaddiem ikollu ħin għall-mistrieħ, żmien biex jiltaqa’ mal-familja u l-komunità, possibilità biex jieħu sehem f’attivitajiet kulturali u jwettaq attivitajiet oħra li ma għandhomx x’jaqsmu mal-produttività u l-konsum, bħalma hija attività ta’ voluntarjat u fl-impenn sportiv.
Huwa għajb li, minħabba l-kultura tal-qliegħ, id-drittijiet tal-ħaddiema mhux qed ikunu rispettati! Il-fatt li dan il-jum qed jiġi ċċelebrat fiż-żminijiet fejn, minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja fl-Ewropa, id-drittijiet soċjali u ekonomiċi huma taħt pressjoni qawwija, ifisser li sa fl-aħħar qegħdin nintebħu li l-bniedem u s-soċjetà ma jiddependux biss mill-produzzjoni u mill-ekonomija. Il-bniedem huwa aktar minn magna li tipproduċi jew konsumatur tal-oġġetti jew tas-servizzi; għalhekk la s-setgħa politika u anqas dik tas-suq ma għandhom jisfruttaw lill-ħaddiem billi jobbligawh jaħdem il-Ħadd ukoll. Soċjetà li hija daqshekk attenta għad-drittijiet tal-bniedem, tajjeb tiftakar li x-xogħol nhar ta’ Ħadd imur kontra l-ispirtu u l-kelma tad-Dikjarazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropeja.
Li l-bniedem ma jaħdimx fil-jum tal-Ħadd huwa valur ċivili, imma huwa wkoll valur reliġjuż għaliex għalina ċ-ċittadini Nsara l-Jum tal-Ħadd huwa s-sintesi tal-ħajja Nisranija, għaliex kull nhar ta’ Ħadd niċċelebraw is-sagrifiċċju ta’ Kristu fuq il-Kalvarju u r-rebħa tiegħu fuq id-dnub u l-mewt. Kull nhar ta’ Ħadd il-komunità ekkleżjali tiltaqa’ biex taqsam il-Kelma t’Alla u l-Ewkaristija. Ikona antika tad-dixxipli tal-Mulej tixhed li “fl-ewwel jum tal-ġimgħa nġbarna flimkien biex naqsmu l-ħobż” (Atti 20,7), fis-sens li d-dixxipli kienu jiltaqgħu għall-Ewkaristija biex jiċċelebraw l-Għid ta’ Kristu. Hekk fil-quddiesa, id-dixxipli mhux biex jiltaqgħu ma’ Kristu ħaj, imma jiltaqgħu flimkien u jibnu lil xulxin fi Knisja.
Wieħed jawgura li bħal din id-darba, qabel ma jkun tard wisq, iż-żmien jagħti raġun lill-Insara li jħaddnu ċerti valuri li skont xi wħud mill-opinjonisti tagħna huma valuri konservattivi!
Maħruġa llum, 4 ta’ Marzu 2012.