Id-Djoċesi tfakkar is-sitt anniverarju mill-Konsagrazzjoni tal-Isqof Mario Grech

Illum il-Ħadd, 22 ta’ Jannar jaħbat is-sitt anniversarju mill-Konsagrazzjon ta’ Mons Mario Grech bħala Isqof ta’ Għawdex. Nhar il-Ġimgħa, 20 ta’ Jannar, Mons Isqof Grech mexxa konċelebrazzjoni ta’ radd il-ħajr fil-Knisja tar-Ragħaj it-Tajjeb biex ifakkar dan l-anniversarju.

Is-sens tal-misteru fl-esperjenza tal-fidi

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Quddiesa fl-okkażjoni tas- Sitt Anniversarju mill-Ordinazzjoni Episkopali tiegħu
Knisja Ragħaj it-Tajjeb, Il-Ġimgħa 20 ta’ Jannar 2012

Il-“misteru” bħala metodoloġija ta’ Alla
F’soċjetà bħal tagħna, li qed issir dejjem aktar konvinta li bir-raġuni tista’ tfisser kollox u jimpurtaha biss milll-effiċjenza, faċli li nitilfu s-sens tal-misteru f’dak li jirrigwarda lil Alla u dak li għandu x’jaqsam miegħu. F’dan il-kuntest jeżisti r-riskju li l-Knisja nikkunsidrawha bħala organizzazzjoni umana b’għanijiet umani, u l-ministri tagħha nqisuhom sempliċi funzjunarji li qegħdin hemm biex jassiguraw li l-istituzzjoni tibqa’ wieqfa!

Imma r-rakkont tal-għażla tal-appostli li jagħmel Kristu jurina biċ-ċar li qed nitrattaw ma’ misteru! Is-sejħa stess li jagħmel Alla permezz ta’ Ġesù hija misteru. Mhux misteru li fost dawk li Ġesù jagħżel għalih hemm Pietru li jiċħdu, ulied Żebedew li jridu jkun quddiem nett, u Ġuda l-Iskarjota li jittradih? Kieku Alla ħalla l-għażla f’idejna, ċertament konna nagħmlu għażla differenti! Imma din hija l-fehma misterjuża t’Alla! Nassigurakom li dan japplika għal ħafna minna, inkluż jien li 28 sena ilu sejjaħli għas-saċerdozju u sitt snin ilu sejjaħli biex inkun isqof! Jien naf il-limitazzjonijiet tiegħi, u għalhekk ħadd daqsi ma jista’ jgħid kemm l-għażla tiegħi għal dan l-uffiċċju hija “misteru”!

Ħafna drabi fil-lingwaġġ ordinarju tagħna, aħna ngħidu li “sirt qassis tant snin ilu” jew “sitt snin ilu lħaqt isqof”. Kliem bħal dan jitfi l-aspett tal-misteru għax jimplika li “sirna” saċerdoti jew isqof bl-inizjattiva, il-ħila u l-kwalitajiet umani tagħna! Min iħares b’dan il-mod lejn is-saċerdot bilfors jarah bħala sempliċi sinna fir-rota li ddawwar is-sistema ekkleżjastika; min l-uffiċċju tal-isqof jarah taħt din il-lenti bir-raġun jikkonkludi li l-isqof huwa “manager” ta’ azjenda li tissejjaħ “knisja”, u faċli jasal biex jikkontesta t-tmexxija tal-isqof! Imma għal min jemmen fil-misteru t’Alla, jemmen ukoll li s-sejħa u l-ministeru tagħna s-saċerdoti essenzjalment jipparteċipaw minn dan il-misteru!

Msejħa biex nidħlu fil-misteru ta’ Alla
Mhux biss l-għażla tagħna l-ministri sagri hija misteru, imma aħna msejħa biex nidħlu fil-qalba tal-misteru divin. Infatti l-Evanġelista San Mark jgħid li Ġesù sejjaħ lejh lil dawk li ried u għażel minnhom tnax li semmiehom appostli biex jibqgħu miegħu (3,14). Huwa minnu li bagħathom jipprietkaw, imma l-predikazzjoni hija konsegwenza tal-fatt li “jibqgħu miegħu”. Għalhekk is-saċerdot huwa msejjaħ biex l-ewwel u qabel kollox jagħmel esperjenza tal-misteru t’Alla! Il-ħajja tagħna s-saċerdoti ma tistax ma tkunx imdakkra bil-misteru t’Alla. L-għaxqa tagħna huwa l-misteru t’Alla Trinità li tant iħobbna li għażilna għalih: il-Missier sejħilna permezz ta’ Ġesù Kristu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. Biex is-saċerdot idaħħal lill-ohrajn fis-santwarju t’Alla, qabel kollox irid ikun hu l-bniedem li jgħammar f’dan is-santwarju!

Skont l-Evanġelista San Mark, Ġesù ma sejjaħx lill-appostli individwalment jew separatament imma “flimkien”, bħala “kollettività”. Is-sejħa tagħna s-saċerdoti hija “sejħa ekkleżjali”, fis-sens li ma tagħmilx sens jekk mhux fil-komunita Nisranija. Għalhekk hija sejħa li tpoġġina fil-misteru tal-Knisja li hija l-Ġisem mistiku ta’ Kristu. M’hemmx saċerdot jekk bħala “ministru tal-Knisja” ma jibnix il-Knisja. Dan jgħodd b’mod partikulari għall-isqof li għandu d-dmir li jħares il-komunjoni fil-Knisja fis-sens wiesa’ tal-kelma.

Il-qdusija u d-dnub
Meta nħares lura lejn dawn is-sitt snin tal-ministeru episkopali tiegħi, ma nistax ma rroddx ħajr lil Alla mhux biss għax sejjaħli u għażilni imma wkoll għax ħafna drabi, permezz tal-ministeru afdat lili, stajt nara b’għajnejja u mmiss b’idejha l-preżenza tiegħu fil-ħajja ta’ diversi nies qaddisa. Jien ċert li dan jixhduh ħuti fis-saċerdozju hawn preżenti: ħafna drabi, minħabba l-vokazzjoni saċerdotali tagħna, insibu ruħna qrib ta’ persuni li verament ikollhom fuqhom “il-fwieħa” ta’ Alla; ninzertaw f’sitwazzjonijiet li jirriflettu l-imħabba divina!

Imma kif id-dawl tax-xemx joħloq kuntrast qawwi mad-dlam tal-lejl, hekk ukoll il-ġmiel u l-qdusija tal-misteru t’Alla jikxef il-kruha ta’ dak li S. Pawl isejjaħ “il-misteru tal-ħażen”. Nirrikonoxxi li fija stess hemm parti minn dan “il-misteru” għax ħadd minna ma jista’ jgħid li hu bla dnub! Imma mhux darba jew tnejn qalbna titqal, moħħna jibda jgħejja u riġlejna bħal jgħotru meta jkollna naffrontaw il-misteru tal-ħażen preżenti kemm f’individwi kif ukoll f’organizzazzjonijiet – dawn jistgħu jkunu wkoll membri tal-Knisja jew li jgħidu li huma taħt il-kappa tal-Knisja! Matul dawn is-snin li għaddew, rajt il-ħażen jaħkem persuni, ikisser familji u joħnoq proġetti fihom infushom tajbin!

Kristu jdawwal il-misteru ta’ Alla
Imma f’mumenti bħal dawn irridu niftakru dak li jgħallem il-Konċilju Vatikan II meta jgħid li l-misteru tal-bniedem isib it-tifsira tiegħu fi Kristu biss! Għalhekk, kull meta nxandru l-Kelma jew infissruha rridu nemmnu li din il-Kelma hija parti mill-misteru t’Alla. Niżbaljaw jekk nistennew li l-Kelma t’Alla għandu jkollha effetti immedjati! Dik mhix kelma umana li l-effikaċja tagħha tiddependi mill-kapaċità tagħna li nlissnuha, imma hija l-Kelma tal-Mulej li għandha qawwa li tohloq, taħraq id-dnub u tqaddes… però x’ħin irid Hu – x’ħin tkun is-siegħa tiegħu! Kemm-il darba jiġrilna li naqtgħu qalbna għax naħsbu li l-predikazzjoni tagħna hija ħela ta’ ħin u enerġija! Kemm-il darba ninħakmu mit-tentazzjoni li nitilqu kollox għax l-isforzi apostoliċi tagħna ma jagħtux ir-riżultati li nxtiequ! Dan it-tip ta’ raġunar jixhed li aħna ma nemmnux li l-Kelma t’Alla hija “misteru” li bħax-xita li tinżel żgur tagħmel il-ġid!

Hemm bżonn nemmnu aktar fil-qawwa tal-grazzja t’Alla li hija ukoll “misteru” li jiżboq is-sensi tagħna. Il-grazzja li jagħtina Kristu permezz tas-sagramenti qatt ma hija moħlija jew mitlufa – hija komunikazzjoni li Alla jagħmel tiegħu nnifsu biex il-bniedem jegħleb il-misteru tal-ħażen. Imma wkoll hawnhekk iridu ngħassu fuqna nfusna biex ma nxekklux il-qawwa tal-grazzja; irridu nagħtu ħin u spazju biex il-misteru jiftaħ kif u x’ħin ikun il-waqt ta’ Alla. Għalhekk ma nehdiex inħeġġeħ lill-Knisja tagħna biex tfittex tqiegħed lil Ġesù Ewkaristija fiċ-ċentru tagħha għax minnu, l-għajn ta’ kull grazzja, aħna nistgħanew b’kull barka tas-sema.

Filwaqt li nirringrazzjakom għall-koperazzjoni tagħkom, speċjament għas-sostenn spiritwali tagħkom, komplu itolbu għalija biex nibqa’ konxju li qed nittrattaw mal-misteru u hekk inkun nista’ nakkumpanjakom fil-mixi tagħkom quddiem l-isfidi tqal tal-ħajja.