Ċirkulari 22/2011
Ittra Ċirkulari tal-E.T. Mons. Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex
Lir-Reverendi Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes u Superjuri Reliġjużi
ĠBIR B’RISQ ID-DAR TAL-PROVIDENZA
Napprezza li huma ħafna dawk fostna li f’dawn il-jiem tal-Milied il-ħarsa tagħhom ma tieqafx fuq il-Bambin tal-ġibs jew tal-kartapesta, imma tmur fuq il-bniedem li bħal tarbija huwa dgħajjef u dipendenti mill-oħrajn. Fost dawn il-persuni hemm ir-residenti li l-Knisja tathom kenn fid-Dar tal-Providenza. Bħalissa hemm 102 residenti u l-Knisja trid €10,000 kuljum biex tmexxi din id-dar.
Għalhekk inħeġġiġkom biex tagħtu widen għall-appelli li qed isiru f’dawn il-jiem favur għotjiet ta’ karità lil din id-Dar tal-Providenza. Barra li l-ġbir kollu li ser isir fil-knejjes tagħna fi tmiem din il-ġimgħa ser ikun b’risq din id-dar tal-“bambini” ta’ żminijietna, kull min jixtieq jagħmel offerta partikulari jista’ jagħtiha lill-Kappillani/Retturi tal-knejjes rispettivi, biex imbagħad nippreżentaw l-għotja tad-Djoċesi tagħna lid-Dar tal-Providenza.
Kif naqraw fl-Iskrittura Mqaddsa, «min jagħti bil-qalb ikollu l-barka, u min ixabba’ l-oħrajn ikollu bix-xaba’» (Prov 11,25).
Minn qalbi nitlob lill-Mulej iħariskom biex matul is-sena l-ġdida li bdejna tagħmlu ġid li jibqa’.
Nawguralkom ilkoll is-Sena t-Tajba.
Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, ir-Rabat, Għawdex, illum il-Ħamis 29 ta’ Diċembru 2011.
+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex
Mons. Salv Debrincat
Kanċellier