DIGRIET ĦATRA TA’ KANONKU ONORARJU TAL-KAPITLU TAL-KOLLEĠĠJATA TA’ MARIJA BAMBINA

DIGRIET
ĦATRA TA’ KANONKU ONORARJU
TAL-KAPITLU TAL-KOLLEĠĠJATA TA’ MARIJA BAMBINA
Lill-għażiż ħija fis-saċerdozju Rev.du Kan. Emanuel Bonello,

Iż-żjara pastorali li għamilt fl-Awstralja f’Ottubru li għadda fetħitli tieqa fuq roqgħa mhix zgħira ta’ ħutna l-emigranti Għawdxin f’dan in-nazzjon. Bid-diversi kuntatti li kelli magħhom indunajt li f’dan il-kontinent daqshekk imbiegħed hemm parti mdaqqsa mill-Knisja Għawdxija. Għalkemm dawn l-emigranti ilhom snin li telqu minn gżiritna, ħafna minnhom għax kienu mbuttati li jagħmlu hekk minħabba ċ-ċirkustanzi, huma xorta għadhom jħossuhom parti minn din il-Knisja partikulari. Anzi, kienet din l-istess Knisja f’Għawdex li għenithom irawmu fihom is-sens reliġjuz u jissawru bi prinċipji u valuri Kristjani. Illum wara li ltqajt magħhom, inħoss li huwa dmir ta’ din il-Knisja li ma tinsiehomx u safejn huwa possibli tibqa ssostnihom spiritwalment.
F’dan il-kuntest insellem lilek, għaziz Kanonku Onorarju Dun Manwel Bonello li weġibt lil Alla li għamillek sejħa doppja: sejjaħlek għas-saċerdozju u reġa sejjaħlek biex twettaq il-ministeru saċerdotali tiegħek fl-Awstralja. Infatti ftit xhur biss wara li inti kont ikkonsagrat saċerdot fil-25 ta’ Ġunju 1983, inti tlaqt lejn Melbourne fejn kont milqugħ mill-Arċisqof Frank Little.  Il-mod kif wara dawn is-snin kollha inti għadek titkellem b’daqshekk rispett u mħabba lejn dan l-Arċisqof jixhed x’tip ta’ rapport kien hemm bejnu u bejnek.
F’dawn it-28 sena fl-Arċidjocesi ta’ Melbourne inti kont vigarju parrokkjali f’sitt parroċċi. Imbagħad fit-tieni nofs ta’ dawn is-snin, inti kont kappillan f’żewġ parroċċi fejn tajt attenzjoni partikulari lill-emigranti li jitkellmu l-lingwa Taljana  u dawk ta’ nisel Malti. Attwalment inti s-saċerdot Għawdxi li ilek l-aktar snin twettaq din il-ħidma fil-Knisja fl-Awstralja. Fil-jiem li jien kont miegħek stajt ninnota x’prezz qed tħallas, xi drabi anke b’riskju għal saħħtek, biex inti tkun is-saċerdot ta’ kulħadd.
Meta qist dan kollu, b’sens ta’ apprezzament għalik personali kif ukoll b’sens ta’ rispett lejn il-komunità Għawdxija fl-Awstralja, ħassejt li għandi nagħtik din l-onorifiċenza billi naħtrek Kanonku Onorarju tal-Kolleġġjata tax-Xagħra, il-parroċċa  oriġinali tiegħek. Għalhekk wara li bl-ittra bid-data ta’ llum ir-Reverendu Kapitlu kkomunikali l-parir favorevoli għal din in-nomina tiegħek, bil-preżenti naħtrek Kanonku Onorarju bid-drittijiet u d-dmirijiet skont l-istatuti tal-imsemmi Kapitlu.

Maħruġ mill-Kurja tal-Isqof, Rabat, Għawdex, illum 30 ta’ Diċembru 2011.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Mons. Salv Debrincat
Kanċellier