Festa ta’ San Koronatu fin-Nadur

L-għażż jagħmel ħerba

Ġabra fil-qosor tal-omelija li għamel l-Isqof Mario Grech fl-okkażjoni tal-festa ta San Koronatu li saret il-bieraħ (Il-Ħadd 13 ta’ Novembru 2011) fin-Nadur:

“Il-parabbola tat-talenti (Mt 25:14-30) turina li kull bniedem huwa mżejjen b’riżorza ta’ kwalitajiet u ħiliet. Hemm min hu ħawtiel, u dawn jużahom tajjeb, imma hemm min minħabba l-għażż jippreferi jħalli l-potenzjal tiegħu moħbi! Kontra min huwa bieżel li l-ħamsa jagħmilhom għaxra, l-għażżien jitlef dak li jkollu! Huwa fatt li l-għażż jagħmel ħerba mill-bniedem.

Hemm dawk li jagħlu għax jisbaħ għax ma jkunux iridu jmiddu subgħajhom għall-ilma imbierek! Għal din il-kategorija ta’ persuni, il-qawl jgħid li jekk ix-xogħol salmura tal-ġisem, l-għażż huwa balzmu! Dawn l-individwi mhux biss jonqsu li jaħdmu biex ikollhom il-ħobża ta’ kuljum, imma jafu jkunu parassiti fuq l-oħrajn! Billi x-xogħol isawwar lill-bniedem, il-ħarba mid-dinja tax-xogħol hija xkiel fil-binja tal-karattru u l-personalità ta’ dak li jkun. F’dan il-kuntest huwa importanti mhux ftit li s-soċjetà tara li jkun hemm xogħol għal kulħadd, speċjalment għaż-żgħazagħ. Il-qagħad jiġġenera l-għażż u l-għażż huwa missier il-vizzji.

Hemm ukoll l-għażż tal-ħsieb – meta bniedem jaħseb b’moħħ ħaddieħor, fis-sens li fil-ħajja wieħed jagħzel li jimxi skont kif jiddettalu ħaddieħor! Min moħħu fuq il-werqa la jirrifletti, la jiżen u lanqas jiddeċiedi, imma jimxi mal-kurrent. Jekk min jibża’ mix-xogħol ibati, min ma jridx itaqqal moħħu bil-ħsieb ukoll huwa fqir. Il-faqar tal-ħsieb ifaqqas kemm faqar materjali imma iktar u iktar dak intelletwali u kulturali. F’ċertu sens, il-bniedem jiswa skont il-ħsieb tiegħu; bniedem bla ħsieb ma jiswa xejn! Hemm bżonn nistinkaw aktar biex dan it-tip ta’ għażż jgħib minn fostna, specjalment fost iż-żgħar li fil-ħajja għandhom ħafna x’jistedinhom jgħażżnu l-fakultà intelletwali tagħhom. Jekk il-ħsieb huwa fjakk, anke r-rieda tkun dgħajfa.

Imbagħad hemm il-għażż reliġjuż u spiritwali. Meta l-ħeġġa għal Alla tnin, il-bniedem jitgħażżen fil-ħajja spiritwali: ma jibqax jitlob, isodd widnejh għall-Kelma t’Alla, jinsa s-sagramenti u jittraskura l-opri tal-ħniena. Bħal dudu qerriedi, dan l-għażż fil-ħajja tal-ispirtu huwa l-kawża li spiritwalment qed tifni lil ħafna! Mhux possibbli li sseħħ l-evanġelizzazzjoni jekk l-appostli tonqoshom il-ħeġġa! Din it-telqa għall-apostolat kapaċi tħeddel lil kulħadd, anke lil dawk li huma afdati b’ministeri apposta! Iċ-ċirkustanzi li qed ngħixu fihom illum ma jippermettux li nħallu lilna nfusna ninħakmu minn dan it-tip ta’ għażż.

Il-fatt li San Koronatu ħa l-martirju huwa xhieda ċara li kien imħeġġeġ għal Kristu. Kieku kien Kristjan ta’ nofs kedda, la kien jingħata l-martirju u anqas hu ma kien isib il-qawwa biex jagħti ħajtu għal Kristu. Nitlob lil Alla bl-interċessjoni tal-martri San Koronatu biex jgħinna nimtlew bl-entużjażmu u l-ħeġġa ħalli nużaw tajjeb il-kwalitajiet u il-ħiliet li Hu żejjinna bihom.”