30 ta Otubru, 2011
“Intom l-ittra ta Kristu afdata f’idejna”
Iż-żjara pastorali tal-Isqof Mario Grech fl-Awstralja waslet fi tmiem tagħha b’quddiesa konċelebrata fil-kappella tal-Madonna Ta’ Pinu f’Bacchus Marsh, Melbourne. Fl-omelija ta din l-okkazzjoni l-Isqof Grech wassal il-messagg aħħari tiegħu lill-emigranti:
“Fi tmiem din iż-żjara pastorali fostkom l-emigranti fl-Awstralja, inħoss li għandi nissellef u nagħmel tiegħi kliem Missierna San Pawl jikteb lill-insara ta Korintu: “intom l-ittra ta Kristu afdata f’idejna, miktuba mhux bil-linka, imma bl-ispirtu ta’ Alla il-ħaj; mhux fuq it-twavel tal-ġebel, izda fuq it-twavel tal-laħam ta qalbkom” (2Kor 3:3). Minn dak li smajt u rajt f’dawn il-ġimgħat li għaddejt fostkom, nemmen li ħafna minnkom huma mlaqmin fi Kristu u jagħtu frott bnin. Intom eku tal-Kelma tiegħu fil-baħħ ta madwarkom. Permezz tagħkom, Kristu huwa preżenti llum!
Infatti matul dawn il-ftit ġimgħat li għaddejt magħkom stajt nilmaħ u nappreżża għadd ta’ elementi li jirriflettu t-tajjeb li hemm fikom. Iltqajt ma persuni li għandhom qalbhom imkebsa bl-imħabba għal Kristu u l-Knisja tiegħu. Fostkom hemm persuni li tant huma spiritwali li għandhom faith vision li ssaħħar! Għal dawn, il-fidi hija bħal lenti li tgħinhom jaqraw ir-realta ta madwarhom u jasalu biex jifhmu lil Alla anke meta jikteb dritt fuq linji mgħawġin. Minkejja li qed tgħixu f’soċjeta lajċista, il-kmandamenti t’Alla għadhom iservukom bħala r-rigla biex biha tiskandaljaw l-għemejjel tagħkom. Innutajt li għal ħafna minnkom Jum il-Mulej għadu jum speċjali u jqadsuħ bis-sehem attiv tagħhom fil-quddiesa. Fuq kollox, il-familja li sserraħ fuq is-sagrament taż-żwieġ għadha l-għożża tagħkom u normalment ħafna huma lesti li jħalsu preżżijiet għoljin biex jibqgħu familji magħqudin. F’dak li għandu x’jaqsam mal-edukażżjoni ta uliedkom, osservajt li ħafna jagħzlu li jibagħtuhom fi skejjel tal-Knisja!
Għalhekk, f’ċertu sens nista nżid ngħid ma San Pawl li għalina, l-Knisja f’pajjizna, intom l-ittri tagħna miktuba fuq qlubna, magħrufa u moqrija minn kulħadd! (2Kor 3.2). Għaliex intom dak li intom frott tal-esperjenza li għamiltu snin ilu qabel salpajtu minn pajjizna! Infatti għandkom “l-ittra ta Kristu” imnaqxa fikom, dan ġara għax xi darba waslitilkom il-Kelma t’Alla – minn fomm il-genituri għeziez tagħkom, il-katekisti, is-saċerdoti, l-għalliema etc. Illum intom tħobbu lil Kristu għax snin ilu ltqajtu miegħu, partikularament meta ċċelebrajtu s-sagramenti tal-bidu tal-ħajja nisranija (magħmudija, l-ewwel tqarbina u l-Grizma tal-Isqof). Il-parroċċa, specjalment biċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi titulari, kienet “l-għajn” religjuza li xrobtu minnha! L-istess kultura ta pajjizna, dak iz-zmien aktar mill-lum, kienet ukoll kanal tal-valuri nsara!
Dan kollu hu konferma ta dak li qrajna dalgħodu fl-ittra ta San Pawl lit-Tessalonkin: li “il-kelma ta’ Alla, li intom smajtu mingħandna, ilqajrtuha mhux bħala kelma ta’ bniedem, izda bħala kelma ta’ Alla, kif tassew hi: dik il-kelma li qiegħda taħdem fikom li emmintu” (1 Tess. 2:13). Għax ħajjitkom hija mibnija fuq Kristu, il-blata samma, ġew l-irwiefen u l-widien, u d-dar baqgħet wieqfa – ma ġġarfitx!
Imma f’dan il-kuntest, ma nistax naħbi t-tħassib tiegħi li kien ukoll it-tħassib ta Ġesu Kristu meta lin-nies ta żmienu staqsiehom: “Madanakollu, meta Bin il-bniedem jerġa jiġi ser isibi din il-fidi fuq art?” (Lq. 18.8). Huwa fatt li madwarna hemm riħ qawwi ta bidla – imma din il-bidla mhix dejjem għal aħjar!
Billi l-fidi tiddependi mis-smiegħ tal-Kelma t’Alla, hija urgenti l-evanġelizazzjoni ġdida li dwarha qed jisħaq ħafna l-Papa Benedettu XVI. Meta dan l-aħħar l-Isqfijiet Awstraljani, li huma r-ragħajja spiritwali tagħkom, kienu għand il-Papa għaz-zjara ad limina, diversi drabi appellalhom biex ixandru l-Evanġelju mill-ġdid lill-Awstraljani - mhux biss lill-Kattolici imma lil kulħadd! F’diskors minnhom, il-Papa qalilhom: “you, your clergy and your people will give such an account of your faith by word and example that it will be convincing and attractive. People of good will, seeing your witness, will respond naturally to the truth, the goodness and the hope that you embody” (20 th Oct., 2011).
Għalhekk, qabel inħallikom, nixtieq f’għaqda mal-Papa u l-Isqfijiet tagħkom, nagħmlilkom din il-proposta: fittxu li tkunu xandara ta l-Evangelju! Inqdew b’kull opportunita biex b’wiċċkom minn quddiem titkellmu dwar Ġesu Kristu ma kulħadd, fil-privat u fil-publiku. Ħdejkom fit-triq, fuq ix-xogħol etc., jista jkun hemm min għadu qatt ma sema biH jew min tilef il-fidi. Agħmlu l-ħila u waslu kelma tajba! F’dan il-kuntest, niftakar b’għafsa ta qalb f’dawk l-emigranti u ulied l-emigranti li għal xi raġuni jew oħra tbegħdu minn Alla u l-Knisja. Kunu intom l-messaġġiera ta Alla għal dawn l-aħwa! Imma l-aktar post fejn din l-evangelizazzjoni tiddependi minkom huwa l-familja: kunu intom li titkellmu ma Alla dwar uliedkom u titkellmu magħhom dwar Alla. Assiguraw li jkun hemm it-trasmissjoni tal-fidi minn għandkom għal għand uliedkom u ulied uliedkom. Kunu intom li tnaqxu l-Kelma t’Alla fi qlub uliedkom, biex bħalkom huma ukoll ikunu “l-ittra ta Kristu” għalina – huma ukoll jkunu l-ittri tagħkom miktuba fuq qlubkom, magħrufa u moqrija minn kulħadd!
Nafdakom f’idejn il-Madonna Ta Pinu, il-mara li laqgħet fi ħdanha l-Kelma biex setgħet tagħtina l-Kelma! Nirrakkomandakom lil din il-kewkba tal-Evangelizazzjoni, biex tagħtikom id-dawl u l-qawwa f’din il-missjoni li qed nafdalkom biex hemm dan in-nazzjon jibqa taħt il-ħarsien ta Southern Cross”
Via Crucis
Qabel il-quddiesa f’Bacchus Marsh, l-Isqof Grech mexxa l-Via Sagra. F’kelmtejn li qal fil-bidu tal-Via Crucis, l-Isqof Grech qal li f’din il-mixja ma Kristu mgħobbi s-salib, huwa xtaq jissieħeb ma kull persuna li għaddejja minn mumenti iebsin. L-isqof qal li kellu prezenti f’qalbu lil dawk l-emigrani maltin kollha li jinsabu taħt il-piż tas-salib tal-ħajja – il-morda, dawk li huma bla xogħol, dawk li għandhom qalbhom tqila, dawk li vistuzi għax tilfu lil xi ħadd għażiż, kif ukoll dawk li qed ibatu minħabba d-dubji tal-fidi. Huwa kompla jgħid li għalkemm hawn din it-tbatija, il-mewt mhix l-aħħar kelma għax Kristu ma baqax fil-qabar, imma qam rebbieħ fuq il-mewt. Kull min jemmen fiH, jaqsam miegħu din ir-rebħa u jiċċelebra miegħu l-qawmien għal ħajja ta dejjem.
Quddiesa fil-Knisja ta San Pawl
Fit-8.00 ta filgħodu, qabel ma telaq għal Bacchus Marsh, l-Isqof Grech qaddes għal-komunita tal-Maltin li kull nhar ta Ħadd tieħu sehem f’quddiesa bil-malti li tkun iċċelebrata fil-knisja ta San Pawl f’Kaelor Downs, Melbourne, minn Fr Edwin Agius mssp. Din il-knisja, li sa ftit ilu kienet parrocca u issa ġiet magħquda mal-parroccca ddedikata lil St Mary MacKillop fejn il-kappillan huwa Fr. Charles Portelli, sacerdot Malti.