Iż-żjara tal-Isqof Grech fl-Awstralja - Komunikat n.20

20 ta Ottubru, 2011

Laqgħa fil-Maltese Community Council ta Victoria

Il-Prof. Maurice Cauchi MD., President tal-Maltese Community Council ta Victoria, ta merħba lill-Isqof Mario Grech li zar iċ-ċentru tal-Kunsill, anness mad-dar tas-Soċjeta Missjunarja ta San Pawl f’Parkville.  Flimkien ma membri oħra tal-Kunsill Malti, Prof Cauchi dawwar lill-Isqof Grech mal-post filwaqt li fissirlu d-diversi ħidmiet li jwettaq il-Kunsill. Fost ħwejjeġ oħra, l-Isqof waqaf jitkellem ma zewġ gruppi ta emigranti ta dixxendenza Maltija li qegħdin jitgħallmu l-lingwa Maltija.

Wara kelmtejn ta introduzzjoni minn Profs. Cauchi, l-Isqof Mario għamel dan il-messaġġ: “Nibda biex inrodd ħajr lil Kunsill Malti li stedinni biex niltaqa magħkom f’dan iċ-ċentru. Il-konoxxenza li qed nagħmel ta din l-istituzzjoni li matul is-snin wetqet ħidma kbira mal-emigranti ħutna, toffrili stampa oħra li matul din iz-zjara pastorali fostkom qed niġma bit-tama li ‘l quddiem ikolli l-possibilita li nixtarr dak li qed ngħix f’dawn il-ġimgħat.

F’dinja li aktar ma jgħaddi z-zmien, aktar qed tagħti importanza lit-teknoloġija u l-produzzjoni, aktar jinħass il-bzonn li għandna napprezzaw il-kultura. B’kultura nifhem dik id-damma ta konvinzjonijiet, twemmin, fantasiji, ideologiji, regoli u valuri mħaddna minn socjeta partiklulari! Il-Kultura tifforma dak il-patrimonju soċjali li jgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra! Għalhekk interess fil-kultura jissarraf f’interess fl-istorja, fl-arti, fil-letteratura, fil-filosofija etc ta grupp partikulari! Billi l-kultura hija r-ruħ tas-socjeta, jekk l-interess kulturali jinxef, tixxota ukoll is-soċjeta! Għalkemm il-bniedem irreġistra avvanżi straordinarji fil-kisbiet materjali, ma naħsibx li huwa għamel l-istess passi ‘l quddiem fil-qasam tal-kultura! Għandi l-impressjoni li l-ħeġġa għal qliegħ finanzarju mhix imsieħba minn interess daqstant akkanit dwar il-kultura.


Fil-bidu ta din il-laqgħa, meta d-direzzjoni fisritli l-ħidmiet tal-Kunsill Malti, qaluli li l-Kunsill iwettaq hidma li tikkoncerna is-social welfare mal-emigranti tagħna. Napprezza ħafna dawn is-servizzi. Imma fil-fehema tiegħi naħseb li hemm “servizz” aktar specifiku għal dan il-Kunsill. Jekk il-Kunsill ma joffrix aktar serviżżi soċjali, dawn, tajjeb jew ħazin, jitwettqu mill-Istat. Imma nara li tezisti attivita li jekk ma ssirx mill-Kunsill Malti tibqa ma ssirx! Qed nirrferi għal kontribut li jista jagħti l-Kunsill Malti biex l-emigranti tagħna jistgħanew kulturalment.

Qabel xejn xieraq li l-emigrant Malti jkollu għarfien aktar tal-kultura Maltija. Huwa fatt li ħafna mill-emigranti adulti meta waslu l-Awstralja gabu magħhom ħazna ta elementi kulturali. Imma dan jista jiġi kumpletat, specjalment mal-ġenerazzjonijiet il-ġodda. Ħadt ġost llum nara emigranti tat-tieni u t-tielet ġenerazzjoni jitgħallmu l-Malti. Irrid nawgura li l-għarfien tal-lingwa maltija jgħinhom jiftħu tieqa fuq il-patrimonju kulturali ta ġensna u jibdew jiġu f’kuntatt mal-letteratura, l-istorja, d-drawwiet, u l-izvillup tal-ħsieb tagħna l-Maltin. Huwa minnu li istituzzjonijiet bħal dan il-Kunsill Malti jistgħu joffru ħafna f’dan il-kamp, imma l-ewwel namur mal-kultura Maltija isir fil-familja u fl-assoċċjazzjonijiet.

Daqskemm dawk ta nisel Malti fl-Awstralja għandhom ikebsu fihom imħabba lejn il-kultura Maltija, daqstant ieħor huma għandhom juru interess fil-kultura ta dan il-pajjiz! Ħadt l-impressjoni, u konxju li nista nkun zbaljat, li dan l-interess huwa xi ftit dgħajjef. Huwa minnu li l-buqxiex huwa meħtieġ għal ħajja u għalhekk wieħed jifhem li ħafna mill-enerġija tal-bniedem tiġi applikata fil-qasam tax-xogħol; imma huwa fatt ukoll li l-bniedem mhux bil-ħobz biss jgħix – il-personalita tagħna titrawwam ukoll bil-kisbiet kulturali li nagħmlu. Fina hemm ċerti ħtieġijiet spiritwali (mhux religjuzi) li jizbqu l-bzonnijiet materjali. Dawn jiġu kkurati b’dan l-interess fil-kultura. Għalhekk, ikun jagħmel ħafna sens jekk fl-emigrant Malti titkattar l-imħabba għal kultura Awstraljana kemm dik ppreservata fil-kotba kif ukoll dik esebita fid-diversi muzewijiet Awstraljani.  Fuq kollox dan l-apprezzament tal-kultura tassew interessanti tal-Awstralja tmhux biss jgħin fl-inseriment tal-Maltin f’dan in-nazzjon, imma jkompli jwitti t-triq biex l-emigrant Malti joffri dak li hu specifiku tiegħu fl-izvillup tal-kultura Awstraljana kontemporanja.

Barra li jien ċittadin Malti u għalhekk għandi d-dmir li ngħozz dak kollu li huwa Malti, inkluza l-kultura, jien nisrani u għalhekk għandi għal qalbi l-kultura kristjana. Kif fisser tajjeb il-Papa Benedettu f’wieħed mid-diskorsi li għamel dan l-aħħar fil-Germanja, il-kultura kristjana hija għaġna ta tlett elementi kbar: il-fidi li gejja minn Gerusalem, ir-raguni li gejja minn Atene u l-ħsieb ġuridiku li ġej minn Ruma. Dawn it-tlett għejjun maz-zmien sawru l-kultura kristjana li zvilluppat fl-Ewropa. B’din il-kultura kristjana, inħossni komdu ħafna biex niddjaloga ma kull tip ta kultura. Hija tassew ħasra l-mentalita attwali li trid twarrab kull riferiment għal Alla għax bħal donnu dan huwa xkiel għall-izvillup tal-kultura ta llum! Nibza ħafna li meta l-kultura tingħalaq għal Alla, tkun qed tispara għal riġlejha – għax min jasal biex joqtol lil Alla, imbagħad ikun faċli għalih li joqtol lil bniedem u dak kollu li jagħmel il-bniedem! Minn naħa l-oħra, il-kultura kristjana (li hija xi ħaġa aktar minn folklore jew tradizzjonijiet insara) filwaqt li tista tkompli tistgħana meta tiddjaloga ma kulturi oħrajn, għandha ukoll potenzjal korrettiv li jgħin lil dik il-kultura lit kun titbiegħed mir-rispett lejn il-bniedem! Għaldaqstant, inħeġġeġ lil Maltin insara biex ikollhom għal qalbhom din il-kultura kristjana ghax dan ukoll huwa kontribut li nistgħu noffru fl-izvillup tal-kulturi kontemporanji.

Il-kultura kristjana hija nisġa armonjuza bejn il-ħsieb u l-fidi. Għax kemm ir-raguni umana kif ukoll il-fidi jistgħu jiskopru veritajiet kbar kemm separatament kif ukoll flimkien. Ir-raġuni (filosofija) u l-fidi (teologija) huma z-zewg ġwienaħ li l-bniedem għandu bzonn biex jintrefa mill-“art” u hekk ikollu vizzjoni aktar wiesgħa. Għalhekk, qatt ma għandu jkun ta skomdu jew ta biza  għall-ħassieb nisrani li jsib postu fil-“pjazza” fejn jiltaqgħu kulturi differenti – għaliex jekk ikun hemm ftuħ sinċier lejn il-verita, flimkien ma oħrajn jista jkompli jċarrat il-velu li qed jgħatti l-verita. Dan nawgura li jkun is-sehem tal-Malti nisrani f’din is-siegħa tal-istorja.

Minn qalbi nirringrazzja lill-Kunsill Malti f’Victoria għall-investiment li għamel matul is-snin f’din id-direzzjoni. F’dawn il-ġimgħat li ilni fostkom għaraft aktar kemm l-istorja tal-emigrazzjoni tal-Maltin fl-Awstralja qisha tapezzerija sabieħa minsuġa b’ħafna ħjut fini. Fost dawn il-ħjut, skoprejt ukoll li hemm ħajta tad-deheb: is-sehem tal-Knisja Maltija f’din l-istorja tal-emigrazzjoni. Meta ngħid “Knisja” nifhem mhux biss il-kontribut siewi li taw is-saċerdoti u r-reliġjużi, imma s-sehem li taw dawk kollha li jagħmlu parti mill-“poplu t’Alla”, allura ħafna lajċi insara li stinkaw kemm fil-familji kif ukoll fl-ingranaġġi tas-socjeta awstraljana. Ta dan jien grat ħafna. Anzi, għandi xewqa kbira li nara din l-istorja tal-Knisja Maltija fl-Awstralja midmuma b’mod xjentifiku u kritiku, fi ktieb. Forsi dan huwa monument li jixraqlu ftit aktar attenzjoni.

Fl-istess waqt, minn qalbi nawguralkom li tibqgħu prezenti fit-tokk tal-Awstralja biex hekk, għeziez ħuti emigranti Maltin, tibqgħu jkollkom parti attiva fin-nisġa tal-kultura ta zmienijietna”

Quddiesa għall-anzjani f’Rosary Home

Filgħodu l-Isqof Mario ccelebra quddiesa għall-anzjani fil-kappella tas-Sorijiet Dumnikani.

Tberik ta Ufficcji tal-Kumpanija ResCom

Is-Sur Joe Borg u s-Sinurja tiegħu Josephine laqgħu lill-Isqof Grech fl-ufficcji l-ġodda tal-kumpanija tagħhom “ResCom” fejn wara li bierek dan l-istabiliment, l-Isqof iltaqa mal-ħaddiema. L-Isqof Grech faħħar l-għaqal u s-sens ta inizjattiva ta ħafna emigranti Malti li rnexxilhom jagħmlu passi kbar ‘l quddiem fil-qasam tax-xogħol.

Zjajjar għand xi familji tal-emigranti

L-Isqof Grech kompla b’xi  zjajjar fil-familji.