Ittra tal-Isqof lill-emigranti fl-Awstralja

MARIUS GRECH

EPISCOPUS GAUDISIENSIS

_________________________________________________________

ITTRA MIFTUĦA LILL-EMIGRANTI FL-AWSTRALJA

Għeżiez ħuti emigranti,

Ftit jiem oħra għandi nibda vjaġġ biex nasal għandhom fl-Awstralja. Għalkemm huwa vjaġġ twil għax tinsabu ’l bogħod, jien konvint li r-rabtiet ta’ bejnietna tant jagħmluna qrib ta’ xulxin li d-distanzi fiżiċi li jifirduna jintgħelbu!

Infatti, minn dak li qrajt u smajt dwar l-emigranti Maltin u Għawdxin fl-Awstralja, ġemmajt f’qalbi sentimenti li normalment inġarrabhom fil-kuntest ta’ familja! Infatti, għalkemm din hija l-ewwel darba li ser nirfes fuq il-kontinent Awstraljan, inħossni ġej għand familja kbira li tħaddan lid-diversi ġenerazzjonijiet ta’ Maltin u Għawdxin. Jien konvint li daqskemm għandi ħerqa jien biex niltaqa’ magħkom, daqstant ieħor hemm stennija fostkom biex tilqgħuni.

Bejnietna hemm rabtiet patrijottiċi għax fil-vini tagħna jiġri demm Malti. Jien infurmat li intom dejjem żammejtu isem in-nazzjon tagħna fil-ġieħ u ħadtu ħsieb li tindukraw it-togħma kulturali Maltija. Naf ukoll li ħafna minnkom irnexxielkom tagħmlu isem tajjeb għalikom u għal pajjiżkom, tant li kif qaltli l-Kummissarju Għoli Awstraljana għal Malta Ms Anne Quinane meta mort naraha ftit jiem ilu, intom ġens magħruf għall-bżulija u s-serjetà. Dan kollu nixtieq nikkonfermah personalment matul din iż-żjara.

Imma jien ġej fostkom bħala ħukom fil-mixja tal-fidi wara Kristu u bħala ragħaj spiritwali. Għalhekk huwa ta’ konsolazzjoni mhix żghira għalija li nisma’ bl-għożża tagħkom għall-patrimonju tal-fidi Nisranija. Dan jgħiduhuli s-saċerdoti u r-reliġjużi Maltin u Għawdxin li hemm fostkom, kif ukoll xi wħud mill-isqfijiet Awstraljani tagħkom li dan l-aħħar iltqajt magħhom f’Madrid meta ċċelebrajna l-World Youth Day.

Għal din iż-żjara pastorali li ner nagħmel fostkom, nagħmel tiegħi l-istess sentimenti li San Pawl jesprimi man-nies tal-belt ta’ Korintu: “Meta jien wasalt għandkom, ħuti, ma ppretendejtx li kont naf xi ħaġa fostkom, ħlief lil Ġesù Kristu, u ’l dan imsallab. U jiena ġejt għandkom dgħajjef, mbeżża’ u mriegħed; il-kelma u l-predikazzjoni tiegħi ma kienux imlibbsa bil-kliem qawwi tal-għerf, imma bil-wiri tal-Ispirtu u l-qawwa, sabiex il-fidi tagħkom tinbena mhux fuq l-għerf tal-bniedem, imma fuq il-qawwa ta’ Alla.” (1 Kor 2, 1-5)

Ġej fostkom biex insir nafkom aħjar, naqsam magħkom is-sodisfazzjon tal-ħafna affarijiet tajbin li għandkom, nitgħallem minnkom – partikularment dwar l-esperjenza ta’ fidi u ta’ Knisja li qegħdin tagħmlu –, inġarrab magħkom it-toqol tad-diffikultajiet li għandkom fid-diversi oqsma tal-ħajja bħalma huma r-reliġjon, is-solitudni, il-familja, ix-xogħol, l-inkulturizzazzjoni, eċċ. Għandi premura u ħeġġa qawwija biex permezz ta’ din iż-żjara nagħmel żewġ skoperti: nixtieq insir naf din l-art li saret it-tieni dar tagħkom u li intom sebbaħtu bil-kontribut mhux żgħir tagħkom; fl-istess waqt nixtieq niltaqa’ magħkom u mal-familji tagħkom li huma l-għożża tagħkom. Dan kollu nagħmlu bħala qaddej ta’ Ġesù Kristu. Għandi xewqa kbira li matul dawn il-ġimgħat li ser nagħmel fostkom inkun strument f’idejn Alla biex naqsam magħkom kelma ta’ faraġ u kuraġġ li Ġesù Kristu jafda lill-Knisja.

B’dawn il-ftit versi xtaqt insellem lill-emigranti kollha tagħna fl-Awstralja. Billi naf kemm intom l-emigranti għandkom devozzjoni lejn il-Madonna Ta’ Pinu, inqiegħed din il-missjoni pastorali taħt il-ħarsien tagħħa.
25 ta’ Settembru 2011
+ Mario Grech
Isqof t’Għawdex