L-Isqof Mario Grech jiċċelebra l-festa mal-komunità parrokkjali ta’ San Lawrenz

SEHEM IŻ-ŻGĦAŻAGĦ FIL-KNISJA LLUM

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Festa ta’ San Lawrenz
Parroċċa San Lawrenz – Il-Ħadd, 31 ta’ Lulju 2011

Iż-żgħażagħ huma l-futur tagħna. Il-ġejjieni tal-Knisja u tas-soċjetà jiddependi mill-ġenerazzjoni żagħżugħa tal-lum – mhux biss għax iż-żgħażagħ huma l-irġiel u n-nisa ta’ għada, imma wkoll għax iż-żgħożija hija bħal għarbiel fejn issir l-għażla tal-valuri li ser imexxu s-soċjetà ta’ għada; hija forġa fejn jinħmew l-istili tal-ħajja ta’ għada; hija laboratorju fejn jissawru l-imħuħ u l-qlub tal-ġenerazzjoni futura. Fuq kollox, fiż-żgħożija jitqiegħed il-pedament tal-ħajja ekkleżjali u soċjali!

Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ (JDŻ)
Dawn huma ftit mill-motivi għaliex il-Knisja tgħożż din ir-riżorsa żagħżugħa! Konvinta kemm mill-potenzjal li hemm fiż-żgħażagħ kif ukoll mid-dgħufija tagħhom, il-Knisja ma tistax ma tinvestix biex takkumpanjahom. Huwa f’dan il-kuntest li sa mis-snin tmenin il-Knisja bdiet kull sentejn jew tlieta torganizza l-JDŻ – l-aħħar wieħed sar f’Sydney, l-Awstralja u ftit ġimgħat oħra ser jinżamm f’Madrid. Għax jemmen fiż-żgħażagħ, il-Papa Benedittu jżomm dan l-appuntament biex jiltaqa’ magħhom bit-tama li jgħinhom f’din il-fażi delikata ta’ ħajjithom u biex iwettaqhom fit-tajjeb li għandhom. Ftit ġimgħat oħra, f’isem il-Konferenza Episkopali, jien ser nakkumpanja għadd sabiħ ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin li ser jieħdu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni.

Il-festa taż-żagħżugħ San Lawrenz hija providenzjali biex, fid-dawl tal-messaġġ li l-Papa Benedittu bagħat liż-żgħażagħ għall-JDŻ ta’ din is-sena, nagħmlu riflessjoni dwar iż-żagħżagħ.

L-istorja tgħidilna li Lorenzo ħalla marka pożittiva fuq il-futur ta’ Ruma! Għax dawk l-istess Senaturi li qerduh, mistgħaġbin bil-valuri u d-determinazzjoni tiegħu, wara l-martirju ta’ Lorenzo, inbidlu u taw bidu għal proċess ta’ bidla soċjali. Kienu dawk l-istess Senaturi li tawh il-kundanna tal-mewt, li mbagħad refgħu l-fdal tiegħu u wassluh għad-difna fl-inħawi tal-Verano. Nemmen li fuq l-eżempju ta’ San Lawrenż, anke ż-żgħażagħ illum jistgħu jkunu forza li ġġib bidla. Fil-messaġġ tiegħu għall-JDŻ, il-Papa Benedittu jagħmel appell liż-żgħażagħ kollha – kemm dawk li jemmnu, dawk li huma dubjużi jew xettiċi, anke lil dawk li ma jemmnux – biex jieħdu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni li għandha tlaqqagħhom ma’ Kristu, prinċipju ta’ bidla personali u komunitarja!

Sfidi għaż-żgħażagħ
Huwa fatt li ż-żgħażagħ illum mhumiex ħielsa minn min jixtieq “jeqridhom”. Huma jinsabu f’riskju reali li jiġu sfruttatti, manipulati u strumentalizzati. Għax jekk iż- żagħżugħ Lorenzo kien il-mira tal-imperatur Valerjanu li xtaq jisraqlu moħħu u qalbu; jekk Lorenzo kien taħt pressjoni qawwija mill-Prefett ta’ Ruma Kornelju Sekulari biex juża ħażin it-teżori afdati f’idejh, l-istess qed jiġri liż-żgħażagħ li ħafna drabi huma priża ta’ min jixtieq jaħkmilhom moħħhom u qalbhom u ta’ min bla ebda skruplu jistadhom biex jużaw ħażin it-teżori umani u spiritwali li għandhom.

Jekk fi żmien Lorenzo kien hemm it-tirannija ta’ Valerjanu li ħaddem sistema bla prinċipji għax miftuma minn Alla, fi kliem il-Papa Benedittu, iż-żgħażagħ tal-lum, specjalment dawk Ewropej, huma influwenzati minn “kultura dominanti” li trid teskludi lil Alla – u jekk forsi tasal biex tittollera lil Alla, din il-kultura qed timponi li t-twemmin reliġjuż ikun limitat għall-ħajja privata tal-individwu u teskludi kull possibilità li dan it-twemmin ikollu xi rifless fil-ħajja pubblika! Skont il-Papa, għandna kultura li qed twassal għal “amnesia” u “eklissi” ta’ Alla – kultura li timbotta liż-żagħżugħ biex jirrinunzja għat-teżori tal-fidi li jkun irċieva. Minħabba l-mewġ qawwi tar-relattiviżmu – li proprju għax irnexxielu joħloq konfużjoni dwar x’inhu l-veru, is-soċjetà saret qisha trejn għaddejja b’veloċità imma bil-binarji miksurin –, iż-żgħażagħ iħossuhom mitlufin għax jinsabu sprovvisti minn punti ċerti li jservuhom ta’ boxxla meta jridu jagħmlu għażliet responsabbli!

Quddiem din ir-realtà, bil-kuraġġ kollu l-Papa Benedittu jagħmel proposta qawwija lill-ġenerazzjoni li tiela’: “niżżlu l-għeruq tagħkom fi Kristu; ibnu darkom fuq Kristu; u ssaħħu fil-fidi” (ara Kol 2,7). Nistħajjel li dan kien ukoll il-parir li l-predeċessur tiegħu, il-Papa Sistu II, ta lid-Djaknu Lorenzo mhedded bit-tirannija ta’ Valerjanu!

Għeruq fil-fond f’ħamrija tajba
Siġra tikber b’saħħitha u tagħti frott bnin skont kemm ikollha għeruqha fil-fond f’ħamrija tajba. Bir-raġun wieħed jistaqsi jekk iż-żgħażagħ tagħna llum humiex qed “jitħawlu” f’ħamrija tajba jew semplicement fit-trab! Sfortunatament il-kultura edonista qed tinganna liż-żgħażagħ meta tbegħilhom il-ħajja bl-irħis, fis-sens li fil-ħajja kollox ħafif rix u li t-tbatija u s-sagrifiċċju għandhom jiġu skartati! Din hija gidba malizzjuża, għaliex mhux minnu li fil-ħajja kollox ward u żahar. Imbagħad jiġri li meta dawn jikbru u jħabbtu wiċċhom mar-realtà, isibu ruħhom delużi għax il-ħajja hija nżul u tlajja’, u għalhekk titlob impenn serju! Huwa ingann serju ieħor ta’ żminijietna meta ż-żgħażagħ qed jiġu mwebbla li l-awtonomija tal-bniedem timplika awtonomija minn Alla, u għaldaqstant ir-reliġjon hija xkiel jew almenu għandna tkun ridotta għal sempliċi folklor! Ħamrija ta’ dan it-tip x’sustanza tista toffri biex is-siġra tkun b’saħħitha?

F’dan il-kuntest il-Papa Benedittu XVI jistieden liż-żgħażagħ biex iniżżlu l-għeruq taghhom f’Alla ta’ Ġesù Kristu, għax, kif jgħallem Ġeremija, “misħut il-bniedem li jittama fil-bnedmin, li jfittex il-qawwa tiegħu fil-ġisem, u titbiegħed qalbu mill-Mulej. Ikun bħal siġra tal-għargħar fix-xagħri, li ma tara ebda ġid ġej, li tgħammar f’art tikwi fid-deżert, art mielħa fejn ħadd ma jgħammar. Imbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej, u l-fiduċja tiegħu fil-Mulej. Ikun bħal siġra ħdejn l-ilma mħawla, b’għeruqha mxenxla lejn il-wied; ma tibżax meta tiġi s-sħana, il-weraq tagħha jibqa’ jħaddar; fis-sena tan-nixfa ma tinkeddx, u ma tehdiex milli tagħmel il-frott” (Ġer 17,5-9).

Fid-diskors tiegħu, il-Papa jispjega li l-għeruq huma l-ġenituri, il-familja u l-kultura – ma’ dawn jien inżid il-komunità parrokkjali. It-trobbija fil-familja u l-eżempju tal-ġenituri huma determinanti fil-formazzjoni tal-karattru tal-persuna. Kif diġà semmejna, il-kultura wkoll tikkundizzjona l-iżvilupp tal-bniedem. Għandha wkoll responsabilità mhix żgħira fit-tiswir tal-persuna l-komunità Nisranija. Tkun tassew ħasra jekk il-familja jew il-komunità jabdikaw minn dan id-dmir lejn iż-żgħażagħ.

Ftit li xejn nafu dwar it-trobbija ta’ San Lawrenz fil-familja; imma f’ċertu sens Sistu kien it-tieni missier tiegħu li rawmu. Infatti, Lorenzo twieled f’Aragona, Spanja u meta kien żgħażugħ mar Saragozza biex ikompli l-istudji umanistiċi u teoloġiċi. Kien hemmhekk li huwa ltaqa’ ma’ Sistu li kien jgħallem f’wieħed miċ-ċentri ta’ din il-belt. It-tagħlim san li kien jagħtih Sistu swielu bħala ħamrija tajba li għenu jniżżel għeruqu fi Kristu!

Dar mibnija fis-sod
Il-Papa jistieden liż-żgħażagħ biex jibnu darhom fuq Kristu! Min jibni fuq ir-ramel tal-ideoloġiji, tas-suċċess, tal-poter jew tal-flus, jistenna li xi darba jew oħra l-bini jħoss u jinżel. Kliem Kristu huwa qawwi: kull min jisma’ kliemu u jagħmel li jgħid hu, isir jixbah lil bniedem għaqli li bena daru fuq il-blat – niżlet ix-xita, ġew l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, iżda ma ġġarfitx għax kellha s-sisien tagħha fuq il-blat. Imma kull min jisma’ kliemu u ma jagħmilx dak li jgħid Kristu, huwa bħal bniedem iblah li jibni d-dar tiegħu fuq ir-ramel – niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar u ġġarfet (ara Mt 7,24-27).

Dan ifakkarni f’dak li jikteb San Pawl lill-Korintin: “Bħala bennej għaqli jien qegħedt il-pedament… u dan huwa Kristu. Jibni x’jibni dak li jkun fuq dan il-pedament, deheb, fidda, ħaġar prezzjuż, injam, ħuxlief, tiben – ix-xogħol ta’ kulħadd għad jidher … in-nar għad jikxfu u jipprova x’jiswa x-xogħol ta’ kull wieħed” (1Kor 3,10-12). Aħna t-tempju t’Alla li jserraħ fuq Kristu li huwa l-ġebla tax-xewka tal-pedament. Fi kliem San Pietru, Kristu huwa “il-ġebla ħajja li kienet imwarrba mill-bennejja, imma magħżula minn Alla bħala ġebla għażiża”, u aħna bħal ġebel ħaj ninbnew f’dar spiritwali u saċerdozju qaddis (ara 1Pt 2,1-8).

Rabta mal-Knisja
Dak li qed ngħid għal Kristu bħala l-ġebla żonqrija, jgħodd ukoll għall-Knisja. Infatti kien Ġesù nnifsu li lil Pietru qallu: “Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex” (Mt 16,18). Il-Knisja mhux biss hija “art tajba għall-biedja jew għalqa t’Alla” imma hija wkoll “il-bini ta’ Alla” (Lumen Gentium, 6), mibnija mill-Appostli fuq il-pedament li hu Kristu, “u fuqu hija tieħu saħħa u rbit”. Għalhekk, il-Knisja ma tistax ma tħallix il-bibien miftuħa għaż-żagħżugħ li qed ifittex art samma biex jibni daru fis-sod. Din il-garanzija l-Knisja tista’ toffriha għax il-missjoni tagħha hija li tlaqqa’ lill-bniedem ma’ Kristu!

Id-djaknu San Lawrenz kien mibni fuq is-sod. F’dik l-epoka tal-persekuzzjoni tal-Insara, nistgħu ngħidu li niżlet ix-xita, ġew l-irwiefen u ħabtu fuq daru, iżda din ma ġġarfitx għax kellha s-sisien tagħha fuq il-blat! San Lawrenz kien iserraħ mhux biss fuq Kristu imma ukoll fuq “Pietru”, preżenti għalih fil-persuna tal-Papa Sistu II. L-għaqda ta’ bejniethom kienet tant qawwija li meta Sistu kien sejjer għall-martirju, Lorenzo offra li jmur minfloku jew miegħu! Il-bażi ta’ din l-intimità bejniethom ma kienitx waħda umana, imma teoloġika: għax iż-żagħżugħ Lorenzo kien jirrikonoxxi u jserraħ fuq il-ministeru petrin li kellu l-Papa Sistu.

It-taqbida tal-fidi
Il-kuraġġ li l-Papa Benedittu jagħmel liż-żgħażagħ biex jissaħħu fil-fidi huwa ħafna f’postu fi żminijietna meta l-kurrent lajċista, filwaqt li jipprova jifgalhom il-fidi, qed iwegħedhom il-ġenna fl-art. Imma l-esperjenza tixhed li fejn Alla ġie mwarrab, kotor l-egoiżmu, żdied it-tifrik tal-familji, u xxuttajna mill-imħabba, it-tama u l-ferħ veru!

Lorenzo wkoll kellu din it-theddida meta l-fidi tiegħu kienet ippruvata bl-atti atroċi ta’ Valerjanu. Nistħajjel lil Sistu jtennilu dak li Pawlu jgħid liż-żgħażugħ Timotju: “Tqabad it-taqbida t-tajba tal-fidi; qis li tirbaħ il-ħajja ta’ dejjem li għaliha kont imsejjaħ u li tagħha għamilt l-istqarrija sabiħa quddiem ħafna xhieda” (1Tim 5,12), u “tistħi xejn minħabba fix-xhieda għal Sidna” (2Tim 1,8). Bir-raġun il-Papa San Ljun, f’waħda mill-omeliji tiegħu dwar San Lawrenz, jisħaq li l-fjammi tan-nar li fuqhom tqiegħed Lorenzo ma kellhom x’jaqsmu xejn fil-ħeġġa mal-fjammi tal-imħabba li dan iż-żagħżugħ kellu għal Kristu! Dan il-kliem ta’ kuraġġ hemm bżonn intennuh liż-żgħażagħ tagħna llum biex il-fidi kumbattuta tagħhom ma tiġix nieqsa!

Imma, kif ikompli jgħallem il-Papa Benedittu, din il-fidi tiġi mis-smiegħ tal-Kelma t’Alla, mill-prattika tas-sagramenti – partikularment tal-Ewkaristija u l-Penitenza –, u mill-impenn karitattiv.

Dawn it-tliet aspetti kienu jistimulaw il-fidi ta’ San Lawrenz. L-imħabba tiegħu għall-Kelma t’Alla u għall-Ewkaristija kienet tanima l-istess ministeru tiegħu bħala djaknu li kien jaqdi l-altar. L-għożża tiegħu għall-fqar tispikka mhux biss meta huwa jqassmilhom it-teżori tal-Knisja, imma meta jersaq bihom quddiem Kornelju u jippreżentahom bħala l-veru teżor tal-Knisja! Id-difiża tiegħu favur il-foqra hija wkoll kundanna tal-inġustizzji li huma l-kawża tal-faqar!

Fiduċja fiż-żgħażagħ
Il-musical dwar San Lawrenz li dan l-aħħar kien imtella’ miż-żgħażagħ Lawrenzjani huwa konferma tat-talenti sbieħ u tal-ħiliet diversi li għandhom uliedna! Aktar minn hekk, għalija din l-inizjattiva kulturali ta’ livell kienet konferma li jekk liż-żgħażagħ nagħtuhom spazju huma kapaċi jsibu linġwaġġ u espressjoni ġodda kif jista’ jitwassal l-Evanġelju llum, partikularment miż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ. Għandu jkollna fiducja fiż- żgħażagħ tagħna.

Għalhekk, nitolbu bl-interċessjoni ta’ San Lawrenż kemm biex il-JDŻ iħalli l-frott, kif ukoll biex iż-żgħażagħ tagħna jniżżlu għeruqhom fi Kristu, jibnu darhom fuqu u jissaħħu fil-fidi biex hekk jassiguraw futur sabiħ għall-Knisja u għas-soċjetà.