L-URĠENZA TA’ EVANĠELIZZAZZJONI ĠDIDA F’PAJJIŻNA
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Festa ta’ San Ġużepp
Parroċċa Qala – Il-Ħadd 7 ta’ Awwissu 2011
Progress fix-xjenzi u rigress fil-fidi
Qegħdin ngħixu fi żmien meta l-bniedem kulma jmur qed jagħraf il-ħiliet tiegħu u għalhekk iħossu aktar rajh f’idejh u indipendenti. L-awtonomija hija sabiħa, imma mhux meta hija awtonomija minn Alla! Fil-fatt aktar ma jgħaddi ż-żmien il-bniedem lanqas qed iħoss il-bżonn li jagħmel riferiment għal Alla. Aktar ma jeklissa Alla, aktar jeklissaw il-verità u t-tajjeb; aktar ma jinħbew il-verità u t-tajjeb, aktar joktru l-gidba u l-ħażen. Mhux biss qed jitwarrab Alla, imma għaddej attakk frontali kontra Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu u dak kollu li jmiss ma’ Alla.
Fil-motu proprju Ubicumque et semper li bih f’Settembru li għadda waqqaf il-Ministeru għall-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida, il-Papa Benedittu XVI josserva li fis-soċjetajiet u l-kulturi li għal sekli sħaħ kienu magħġunin bil-Vanġelu għaddej proċess ta’ distakk tal-fidi! Huwa minnu li l-progress tax-xjenza u tat-tekonolġija, il-kisba ta’ għadd ta’ libertajiet u l-iżvilupp medjatiku kienu kisbiet pożittivi. F’ċertu sens servew bħala stimoli biex il-Knisja tagħti r-raġuni tat-twemmin tagħha. Huwa diskors ieħor jekk imbagħad bħala Nsara konniex kapaċi nagħtu din it-tweġiba!
Imma fl-istess waqt irridu nirrikonoxxu li jekk il-bniedem għamel dawn il-kisbiet, huwa ġarrab ċerti telfiet ukoll. Fil-fatt il-bniedem tilef is-sens tas-sagru u ġew imneżżgħa dawk il-pedamenti żonqrija li ħsibna li mhux ser iċedu: tlifna l-fidi f’Alla Ħallieq; ma għadniex nagħrfu lil Kristu bħala s-Salvatur tagħna; il-ħajja ta’ dejjem mhix aktar l-orizzont tal-viżjoni tagħna; fl-arena pubblika ma hemmx aktar spazju għall-Fidi Nisranija!
Huwa f’dan il-kuntest soċjali li, fuq il-passi tal-predeċessuri tiegħu, il-Papa Benedittu XVI qed jistieden lill-Knisja biex terġa’ tipproponi lil Kristu lid-dinja; anzi, f’diskors li għamel f’Ġunju li għadda, il-Papa ħeġġeġ lill-Insara biex f’dan il-mument ta’ kriżi fil-ħajja Nisranija tagħhom, diversi nazzjonijiet ta’ tradizzjoni Kristjana antika jagħtu tweġiba billi jniedu “evanġelizzazzjoni ġdida”. Nibża’ li ħafna fil-Knisja għadhom ma humiex daqshekk konxji mill-urġenza ta’ din l-azzjoni “missjunarja”. Il-ġrajjiet li qegħdin ngħixu bħalissa suppost qanqluna biex bla telf ta’ żmien invaraw din l-evanġelizzazzjoni ġdida; imma għal ħafna dawn l-aħħar żviluppi kienu bħal qris fil-ħmir jew tingiż f’ġisem mejjet li ma jagħmel ebda reazzjoni!
San Ġużepp u l-evanġelizzazzjoni ma’ dawk “tal-bogħod”
Hawnhekk nilmaħ l-għajnuna li jista’ jagħtina San Ġużepp, li kellu sehem ewlieni fl-evanġelizzazzjoni ġdida li twettqet fi żmienu. Fil-fatt wara li twieled Ġesù deher l-anġlu tal-Mulej lil Ġużeppi fil-ħolm u qallu biex jieħu miegħu lit-tifel u lil ommu u jaħrab lejn l-Eġittu għax Erodi kien qed ifittex lit-tifel biex joqtlu. Skond it-tradizzjoni, fl-Eġittu Ġużeppi mar ifittex kolonja tal-Lhud li kienu “tbiegħdu” minn Ġerusalemm u marru joqogħdu l-Kajr! Minn dan nikkonkludu li fl-Eġittu San Ġużepp mhux biss kien dak li wettaq “l-ewwel evanġelizzazzjoni”, imma parti minn din il-ħidma wettaqha ma’ dawk il-Lhud li kienu ’l bogħod.
Din ma kinitx l-ewwel darba li San Ġużepp wera lil Kristu lil dawk li ġew mill-“bogħod”. L-ewwel kuntatt tiegħu f’dan is-sens kien mal-Maġi li marru jaduraw lil Ġesù Tarbija. Dawn ukoll kienu ’l bogħod mill-kult uffiċjali ta’ Ġerusalemm; dawn ukoll ma kienux jemmnu f’Alla ta’ Abraham, ta’ Iżakk u ta’ Ġakobb. Il-Maġi kienu “’il bogħod” f’dik li hija distanza fiżika, kultura u tradizzjoni.
Min jeħtieġ jiġi “evanġelizzat”?
Issa l-azzjoni ta’ din l-“evanġelizzazzjoni ġdida” f’dawk is-soċjetajiet li kellhom għeruq Insara imma issa bdew iċedu u jmutu titlob minna azzjoni pastorali ma’ dawk ħutna li nqatgħu mill-komunità Nisranija u jinsabu fil-“bogħod” – dawk li qed jgħixu fil-periferija tal-komunità parrokkjali. Mhux qed nirreferi għal dawk li joqogħdu fiżikament ’il bogħod imma għal dawk li huma ’l bogħod “spiritwalment”. Hemm min joqgħod taħt il-kampnar tal-knisja, jew saħansitra jidħol il-knisja u jitla’ fuq l-altar, illi jista’ jingħadd ma’ dawk li magħrufa bħala “i lontani”.
Fost dawn insemmi lil dawk li tbiegħdu mill-ħajja tas-sagramenti; dawk li ħallew il-fjamma tal-fidi tagħhom titbaxxa u kważi ntfiet, għax, kif ġralhom il-ħames xebbiet boloh tal-parabbola, ma kellhomx riserva ta’ “żejt” għall-musbieħ; dawk li ddakkru mill-kultura lajċista ta’ żminijietna; dawk li kellhom il-fidi tagħhom dgħajfa għax mhix sostnuta b’katekeżi tajba u ġralhom bħaż-żerriegħa li waqgħet fuq il-blat jew f’ħamrija baxxa, nibtet u mietet mill-ewwel! Hemm dawk li ma jiddistingwux bejn fidi vera u mgħixha u kultura reliġjuża! Fil-fatt jistgħu jkunu jerfgħu l-vara u jkunu “’il bogħod”. Hemm dawk li l-mod kif qed jgħixu ma jaqbilx eżatt mal-kanoni ta’ ħajja Nisranija ideali u għalhekk ma jistgħux jieħdu sehem sħiħ fil-ħajja liturġika. Hemm dawk li ma jistgħux jinsew xi inċident infeliċi li jkunu għaddew minnu fil-Knisja. Hemm dawk li nnamraw ma’ xi setta. Fuq kollox hemm oħrajn li “tbiegħdu” mill-Knisja għax ġew imbiegħdin b’xi xhieda negattiva minn min fil-Knisja jkunu fdawlu l-fiduċja tagħhom!
L-azzjoni pastorali ma’ dawn il-kategoriji trid twassal biex tikkonvinċihom dwar il-ġmiel ta’ Kristu. Kif isostni t-teologu Bruno Forte, it-tradizzjoni Nisranija tixhdilna li l-esperjenza ta’ dan il-ġmiel issir b’mod speċjali waqt it-talb ta’ adorazzjoni, matul is-smigħ attent tal-Kelma, fiċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija, fejn hemm il-komunjoni, u fil-qadi animat mill-karità. Kull komunità Nisranija għandha tixxennaq biex taddotta dawn il-ħames dimensjonijiet fil-ħajja ordinarja tagħha.
Linġwaġġ, ħeġġa u metodi ġodda
L-evanġelizzazzjoni ġdida teħtieġ “lingwaġġ” ġdid, għax inbid ġdid jitqiegħed f’damiġġjani ġodda. Filwaqt li għandu jkun hemm fedeltà tal-kontenut (verità), għandu jkun hemm fedeltà għal-lingwaġġ biex jinftiehem mill-bniedem kontemporanju. L-inkulturizzazzjoni tal-fidi hija bżonn biex il-messaġġ ta’ Kristu jinfed id-diversi ambjenti soċjo-kulturali ta’ żminijietna. Bħala eżempju nsemmi l-predikazzjoni. X’jiswa li fil-predikazzjoni nużaw idjoma u stil li kienu jgħoddu ħamsin jew tletin sena ilu, u forsi għadhom jinżlu lil dawk li għandhom nostalġija tal-imgħoddi, meta mbagħad il-messaġġ tal-Vanġelu ma jkunx tradott għall-ħajja tal-lum?
L-evanġelizzazzjoni ġdida titlob “ħeġġa ġdida”. Ħafna drabi tingħata l-impressjoni li aħna neqsin mill-ħeġġa missjunarja u li pastoralment aħna mitfijin. Nixtieq nara aktar entużjażmu biex nitkellmu dwar Kristu! Din il-ħeġġa hija frott tal-għaqda tagħna ma’ Kristu. Tiddependi minn kemm il-konvinzjonijiet tagħna jkollhom għeruqhom fil-fond. Kif jikkummenta wieħed teologu, “l-ewwel evanġelizzazzjoni” hija garantita jekk ikun hemm saċerdoti li għandhom għal qalbhom l-adorazzjoni Ewkaristika. Dan jgħodd ukoll għall-operaturi pastorali kollha.
Evanġelizzazzjoni ġdida timplika metodi pastorali ġodda. Dan ma jfissirx li bilfors irridu nivvintaw “ir-rota pastorali”; ikun tluq tajjeb jekk nieħdu ħsieb li l-ħidmiet ordinarji jsiru sewwa u nipparteċipaw fihom. Fost dawn ta’ min isemmi:
(a) Iċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti li jimmarkaw it-tappi l-aktar importanti tal-ħajja tal-bniedem: il-Magħmudija, l-Ewwel Tqarbina, il-Griżma u ż-Żwieġ. Nibża’ li xi wħud jitolbu dawn is-sagramenti mhux tant għax jemmnu li huma laqgħa privileġġjata ma’ Kristu, imma minħabba l-valur soċjali tagħhom! Dawn is-sagramenti huma okkażjoni privileġġjata biex qabel iċ-ċelebrazzjoni ssir tħejjija permezz ta’ katekeżi serja – hekk ikunu mumenti ta’ tħabbira mill-ġdid tal-fidi, partikularment lill-ġenituri tal-ulied li jkunu ser jirċievu s-sagramenti tal-bidu tal-ħajja Nisranija.
(b) Huwa fatt li minbarra s-sistema tal-katekiżmu għat-tfal, jeżistu diversi strutturi li joffru katekeżi lill-adulti, bħalma hija l-lectio divina. Huwa fatt li l-adulti fil-parti l-kbira tagħhom għadhom ma fehmux il-valur ta’ dawn iċ-ċentri ta’ tagħlim.
(ċ) Okkażjoni ta’ evanġelizzazzjoni hi l-korsijiet ta’ formazzjoni għall-għarajjes bi tħejjija għaż-żwieġ. Hija barka li fid-djoċesi, minbarra l-korsijiet ta’ Kana, bdejna kors mifrux fuq sentejn. Għandi tama li maż-żmien iż-żgħażagħ tagħna jifhmu l-importanza ta’ dan l-impenn. Illum din il-preparazzjoni saret aktar neċessarja, mhux biss minħabba l-faqar spiritwali li għandna, imma wkoll peress li hawn diversi fehmiet dwar iż-żwieġ u l-familja li jikkuntrastaw mat-tagħlim Nisrani. Il-bżonn ta’ din l-“evanġelizzazzjoni” jinħass ukoll peress li diversi li jersqu għas-sagrament taż-żwieġ ikunu diġà jgħixu flimkien – prassi li tmur kontra l-prinċipji tal-morali Kattolika!
(d) Mumenti oħra li joffru opportunità ta’ evanġelizzazzjoni huma “il-pastorali tat-triq”, “il-pastorali skolastika”, “il-missjoni popolari” u l-ħidma karitattiva.
Ikun dnub serju jekk fiċ-ċirkustanzi nittraskuraw din l-“evanġelizzazzjoni ġdida”. Din l-implantatio ġdida evanġelika hija l-proposta li għandha tagħmel il-Knisja lill-istess Insara biex jiġġeddu spiritwalment u jkunu bħal ħmira fl-għaġna soċjali ta’ żminijietna, biex bis-sehem tagħhom ikollna soċjetà li tassew tixraq lill-bniedem.