B’antiċipazzjoni għall-Ittra Pastorali li għandha tinqara fi tmiem din il-ġimgħa, l-Isqof Mario Grech appella biex il-poplu jipparteċipa fir-referendum tas-Sibt li ġej.
Mons Grech kien qed jitkellem waqt attività fil-parroċċa tal-Fgura, li għaliha kien hemm attendenza numeruża. Tul id-diskors tiegħu l-Isqof Grech saħaq li n-Nisrani għandu dmir ċivili u Nisrani biex jagħti l-fehma tiegħu fir-referendum li se jsir is-Sibt.
Mons Grech beda biex qal li hu kien qed jippreżenta ruħu bħala “Nisrani li għandi ftit esperjenza ta’ Kristu”. Kompla Mons Isqof: “Ġejt fostkom mingħajr ebda pretensjoni li naf ħafna affarijiet, imma nipprova nagħraf lil Kristu u l-Vanġelu tiegħu li jagħmel ħafna sens f’ħajti u jdawwal il-hajja tiegħi, u dan Kristu msallab li hu l-feddej tagħna, u l-feddej ta’ kull esperjenza umana, inkluża l-esperjenza taż-żwieġ u l-familja.”
Mons Grech kompla jgħid li din “hi l-bxara t-tajba li twasslet lilna li nemmnu, u hu d-dmir tagħna li din il-bxara t-tajba naqsmuha mal-oħrajn, mhux nimponuha. Imma nipproponuha bit-tama li tinżel fuq art tajba u tagħmel il-ġid u tissaraf f’barka”.
Mons Grech ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jagħtu xhieda tal-imħabba tagħhom lejn il-familja u lejn Ġesù Kristu. “Jien nixtieq li nsaħħu l-għarfien tagħna ta’ Ġesù, u li nsibu l-qawwa biex dan l-għarfien ngħadduh lill-oħrajn u nħalluh ibiddilna.”
Mons Grech saħaq li wara kollox din kienet l-istorja tal-Knisja: “l-istorja tal-poplu t’Alla bdiet b’nukleu żgħir u bil-mod il-mod dan beda jikber u bħal ħmira biddel l-għaġna. Allura ddakkret il-ħajja tal-individwu u l-ħajja tal-koppja, il-ħajja tal-familja. Saħansitra kellna mbagħad ċiviltà Nisranija, ċiviltà mnebbħa bil-valuri tal-Vanġelu.
L-Isqof Grech awgura li “din iċ-ċiviltà li aħna writna, ladarba ssarfet f’ħafna ġid, u tat ħafna sens lill-ħajja tal-bniedem, tas-soċjetà, u tal-familja tal-bieraħ, din iċ-ċiviltà aħna ngħadduha lill-oħrajn”.
Mons Grech sostna li “aħna nistgħu nikkontribwixxu biex fostna tibqa’ din iċ-ċiviltà li tgħożż il-ħajja tal-imħabba, li l-esperjenza massima tagħha hi fil-ħajja tal-koppja, allura l-ħajja taż-żwieġ, li hi l-bażi tal-ħajja tal-familja.
“Aħna msejjħa biex nagħtu l-kontribut tagħna biex nassiguraw ġejjieni: ġejjieni lill-individwi, il-familji tagħna, u ġejjieni lis-soċjetà. Dan għaliex jekk hemm familja sana, għandek individwi li huma sani, u għandek soċjetà li hi sana. B’daqshekk qed nagħmlu xi impożizzjoni fuq xi ħadd?”
Il-mexxej spiritwali tal-gżira Għawdxija kompla jgħid li l-esperjenza tixhed “li min ħa bis-serjetà l-messaġġ ta’ Ġesù Kristu, dan għinu biex jgħix ħajja dinjituża. Il-messaġġ tal-Vanġelu, min ġarrbu b’impenn, għaraf isarrfu f’ħajja trankwilla, u dan li aħna rridu nagħmlu, jiġifieri li dan il-patrimonju bażiku aħna nagħmluh tagħna, l-ewwel u qabel kollox, u jalla mbagħad indakkru bih lil min forsi hu xi ftit konfuż dwar kif jista’ jinvesti fil-preżent u għal ġejjieni”.
“Aħna għandna storja ta’ investiment sod fil-familja li ta l-frott,” saħaq Mons Grech. “Hu dan li nixtiequ u hi din il-pjattaforma li fuqha nistgħu niddjalogaw ma’ kulħadd, kemm ma’ dawk li jemmnu fi Kristu, kif ukoll ma’ dawk li għandhom twemmin ieħor. Illum għandna soċjetà pluralistika u għandna soċjetà li fiha hemm minn kollox, inkluż dawk li ma jemmnux. Imma flimkien nistgħu nitkellmu, għaliex ilkoll kemm aħna nemmnu fil-ħajja tal-familja.”
Mons Grech imbagħad irrefera “għall-mudelli differenti tal-familja li daħħlu barra minn xtutna”. Fl-istess waqt stqarr li “m’għandniex għalfejn immorru ’l bogħod, għax anki fit-triq tagħna jista’ jkollna familji bi problemi u rridu nkunu sensittivi quddiem it-tbatija ta’ dawn in-nies. Ma nistgħu qatt nagħlqu qalbna għal dawn ħutna li għal xi raġuni jew oħra l-ħajja tal-imħabba tagħhom, li forsi tant investew fiha, ma rnexxitx.
“Aħna, jekk aħna dixxipli tal-Mulej, irridu wkoll nagħtu każ ta’ dawn ħutna u naraw x’nistgħu nagħmlu ma’ dak li diġà għamilna fl-imgħoddi u qed nagħmlu bħalissa.
Imma saħaq li “biex nuru ħniena ma’ ħaddieħor, ma nistgħux nużaw mezz li huwa ħażin. Għall-kuntrarju l-proposta li aħna qed nagħmlu aħna dwar il-familja, min għandu ftit ta’ raġuni, min hu mlibbes b’ċerta umanità, jifhimha. Nirrepeti, din mhux impostazzjoni.”
Mons Grech insista li s-soċjetà Maltija “għandha tfittex
dak li hu pożittiv u nagħmlu dak li hu tajjeb. Jista’ jkun li llum għandna konfużjoni dwar x’inhu t-tajjeb u x’inhu l-ħażin. Illum tlifna s-sens tal-kejl u sinċerament dak li lili jinkwetani mhuiex biss dak li qed jiġi propost dwar iż-żwieġ u l-familja, imma li fis-soċjetà tagħna għandna bżonn li nitkixxfu aktar x’inhuma dawk ir-regoli bażiċi tal-ħajja biex ngħixu ħajja li tixraq lill-bniedem”.
Fil-kuntest Mons Grech irrefera għal dak li hu sejjaħ “l-umaniżmu diżuman, għaliex hu umaniżmu magħluq għal Alla”. Fil-fehma tiegħu din hi t-tieni sfida li l-poplu Malti għandu quddiemi, “mhux dik tal-familja u ż-żwieġ. Sa ċertu punt dik hi sekondarja.
“Jien nara li aħna għandna quddiemna dan il-vojt, il-vojt t’Alla. Udin hi l-proposta li jrid jagħmel poplu li jemmen, jew aħjar il-komunità li temmen: jiġifieri li Alla jagħmel ħafna sens, li Alla huwa blata żonqrija li fuqu jiena nista’ nibni fis-sod ħajti, il-ħajja tagħna bħala koppja, il-ħajja tagħna bħala familja, il-ħajja tagħna bħala soċjetà. Hu għalhekk li s-soċjetà għandha dan id-diżordni li qed jirrifletti ruħu fil-ħajja taż-żwieġ u l-familja, għaliex saret fqira fis-sens t’Alla.”
Minkejja kollox, Mons Grech fakkar li “Kristu l-feddej, lill-bniedem reġa’ fetaħlu t-triq għal għand il-Missier; Kristu reġa’ radd fil-qalb tal-bniedem dik il-fjamma għal Alla, li tagħti tifsira lill-ħajja tal-bniedem, lill-ħajja tas-soċjetà, lill-ħajja tal-familja. Hemm bżonn li din il-fjamma nonfħu fuqha ħa tieħu aktar”.
Mons Grech saħaq li hu kien qed jitkellem “dwar dak li hu bażiku, dwar dak li jien konvint bħala saċerdot, bħala Isqof, illi nista’ nagħmel proposta. Allura nkun nonqos jekk ma nkellimkomx f’isem Kristu u dwar dak li hu jipproponi. Lil din is-soċjetà tagħna, li kull ma jmur qed issir aktar sekularizzata, jew aħjar magħluqa għal Alla, irridu nwasslulha l-messaġġ li ‘jiena magħkom sal-aħħar taż-żmien’.
“Din hi l-proposta li aħna rridu nagħmlu biex nassiguraw li bis-saħħa tal-familja mibnija fuq Alla, ikollna familja stabbli li ssir skola tal-virtuijiet.
U hawn jien mhux qed nara tweġiba għal dawn il-ftit jiem, imma qed nara risposta għat-tul, għall-ġejjieni. Dan għaliex jiġi r-riħ u jgħaddi, imma jista’ jerġa’ jqum riħ aktar qawwi. Jekk aħna ma nieħdux b’impenn dak li qed naqsam magħkom, jien nibża’ li m’aħniex qed ninvestu tajjeb, u d-devjazzjoni se tkompli tikber… u mhux biss issofri l-familja, imma ssofri l-komunità Nisranija u ssofri s-soċjetà tagħna.”
Mons Grech kompla jgħid li f’dawn l-aħħar ġimgħat “smajna ħafna referenzi għal ċertu passaġġi fil-Vanġelu fejn Kristu jitkellem dwar il-ġmiel tal-ħajja miżżewġa, fejn Kristu għinna nifhmu n-natura tal-imħabba u taż-żwieġ. Nerġa’ ngħid, Ġesù mhux qed jimponi xi dixxiplina, mhux qed jimponi xi ħaġa iebsa, imma jgħinna nidħlu fl-esperjenza vera tal-imħabba, esklussiva, sħiħa, mhux nofs kedda. Imħabba li tasal biex tingħata. Hu dan li tlifna u hu dan li għamel Ġesù.
“Imma fil-Vanġelu mhux dawk il-paġna biss hemm. Fil-Vanġelu hemm paġni oħra sbieħ li jekk neħduhom bis-serjetà, jistgħu jgħinuna ninbnew aħjar. Jista’ jgħinuna nfejqu ċertu pjagi soċjali, familjari. Nipproponu mill-ġdid valuri eterni bħalma huma l-maħfra, il-ġenerożità lejn xulxin.”
Mons Grech xtaq jagħmel kuraġġ lil dawk li qed jgħixu mumenti diffiċli u qalilhom; “Il-Vanġelu jagħtina ħafna għajnuna, ħafna rimedji, l-ewwel nett biex aħna ma nimirdux; imma wkoll jagħtina rimedji dwar kif nistgħu nfejqu l-mard tagħna.
“Għadna fil-ħin, basta nieħdu b’aktar serjetà lil Ġesù Kristu u jkollna l-qawwa, il-kuraġġ u l-ferħ li din il-bxara t-tajba, li tmiss kull realtà umana. Tajjeb niftakkru f’dak li qalilna Ġwanni Pawlu II, jiġifieri li l-bniedem hu t-triq tal-Knisja, u li fil-misteru t’Alla jagħraf il-kobor tiegħu.”
Mons Grech sostna li “dawn huma l-veritajiet li l-bniedem tal-lum ma jafx. Dan hu l-patrimonju tagħna li aħna rridu naqsmu ma’ ħaddieħor. Dan hu dak li kisbilna Kristu b’demmu, u din suppost hi r-raġuni għaliex aħna nemmnu f’dak li nemmnu, anki fir-rigward taż-żwieġ u l-familja.
“Imma nirrepeti, mhux biex aħna nimponu xi ħaġa li hi konfessjonali, imma qed insostnu biss li kull żwieġ, anki dak ċivili, ikun imżejjen b’dawk il-kwalitajiet ta’ dejjem: il-fedeltà, l-imħabba dejjiema, il-kwalità tal-ħajja.”
L-Isqof Grech fakkar li Ġesù fi żmienu ħass li kellu jikkoreġi r-rotta li kien ħa l-poplu Lhudi: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom… Imma sa mill-bidu, Alla għamilhom raġel u mara…”. Mons Grech qal li “hawnhekk naraw li sa mill-bidu dan kien il-Vanġelu ta’ Ġesù għall-bniedem, iż-żwieġ u l-familja. U llum hi s-siegħa li nitkellmu b’konvinzjoni, bi djalogu u b’ħafna karità u mħabba ma’ kulħadd dwar dawn il-veritajiet li jagħmlu parti mill-patrimonjju uman u Nisrani tagħna bħala nazzjon”.