Diskors tal-Isqof fiċ-ċelebrazzjoni tal-għeluq tal-Kungress tax-Xirka tal-Isem Imqaddes t’Alla

L-URĠENZA LI NAGĦŻLU L-VERITÀ

Diskors ta’ Mons Isqof Mario Grech
Kungess tax-Xirka tal-Isem Imqaddes t’Alla
Qala – 8 ta’ Mejju 2011

Xewqa tal-verità

Kienet dejjem l-ansja tal-bniedem li jfittex il-verità; imma fiċ-ċirkustanzi li qegħdin ngħixu, quddiemna għandna kriżi tal-verità. Hekk li meta nifrex il-ħarsa tiegħi fuq il-poplu, nitħassru għax ma nafx fejn sejrin tagħtu raskom intom u tistħarrġu x’inhi l-verità! X’konklużjonijiet tistgħu tiġbdu, intom li lili tisimgħuni ngħid mod, imbagħad tisimgħu lil dak jgħid mod ieħor? Taqra ġurnal issib mod u tieħu f’idejk ġurnal ieħor u jkollok verżjoni differenti? Nistħajjilkom mifluġin fl-impenn biex issibu x’inhi l-verità, ħalli mbagħad tagħmlu għażliet b’kuxjenza trankwilla. Għaliex il-kuxjenza tkun kwieta u fil-paċi meta tkun taf x’inhi l-verità u tieħu d-deċiżjoni tagħha skont dik il-verità oġġettiva.

“Id-dittatura tar-relattiviżmu”

Dan l-aħħar smajna ħafna fuq ċerti dittaturi li ħakmu lin-nazzjonijiet għal snin twal, bħal dak li ġara fil-pajjiżi qrib tagħna. Ħadd ma jixtieqha d-dittatura għaliex hija xkiel serju għal-libertà f’kull sens tal-kelma. Sistema ta’ ħakma dittatorjali toħnoq il-bniedem u tagħmlu skjav. Issa intom tagħrfu li anke aħna f’pajjiż demokratiku ninsabu taħt diversi forom ta’ dittatura?

Aħna ninsabu vittmi ta’ dik li l-Papa Benedittu jsejħilha “id-dittatura tar-relattiviżmu”, fejn kollox jiswa u m’hemm xejn ċert. Donnu li s-soċjetà aktar jogħġobha dan milli ċ-ċertezza tal-verità! Ir-relattiviżmu huwa komdu għax hekk wieħed jagħmel dak li jfettillu. Għal xi wħud jaqbel li ħaġa llum ngħidulha tajba, u għada nsejħulha ħażina – jekk dik il-ħaġa għalija hija ħażina, ħaddieħor jista’ jikkunsidraha tajba! F’dan il-kas m’hemmx verità waħda u s-soċjetà tagħna tinsab taħt din id-dittatura. Proprju għax ninsabu f’din il-kultura tar-relattiviżmu għandna tant gwaj taħt diversi forom. Il-kriżi li għandna quddiemna, prinċipalment mhix il-kriżi tal-familja imma l-kriżi ta’ x’inhi l-verità! Għaliex kieku l-bniedem jaf x’inhi l-verità u mhux maħkum minn din id-dittatura tar-relattiviżmu, kieku forsi m’aħniex f’din is-sitwazzjoni fejn irridu niddeċiedu l-ħajja jew il-mewt tal-familja!

Id-dittatura tal-gidba

Hemm imbagħad “id-dittatura tal-gidba”. Igdeb u tambar il-falsità llum, erġa’ tenni l-istess għada u pitgħada, fl-aħħar xi ħaġa teħel u ġġib fid-dubju anke li min hu sod daqs iz-zonqor ta’ Ħondoq! Dan l-aħħar il-gideb u l-qerq qed jiżdiedu bil-ġurnata! U dan mingħajr ma wieħed jista’ jiddefendi lilu nnifsu. Aħna vittmi ta’ din id-dittatura li qed taħkem il-moħħ u l-qalb tagħna. Il-gidba saret arma qawwija ħafna f’idejn min huwa bla kuxjenza; biha ssir ħsara kbira, xi drabi ħsara irreparabbli. Meta l-gidba tintgħażel bħala għodda f’kampanji elettorali u referendarji, dan ikun insult kbir lid-demokrazija għax b’dan il-mod wieħed mhux biss jimmanipola l-ħsieb taċ-ċittadini, imma saħansitra “jisraq” ukoll il-poter. F’epoka bħal tagħna, fejn niftaħru li sirna balwardi tad-dinjità tal-bniedem, il-gidba hija offiża gravi li tfieri lill-bniedem fil-ġewwieni u kapaċi tiddeformah.

Id-dittatura tal-opinjoni komuni

Hemm “id-dittatura tal-opinjoni komuni”, jiġifieri hemm dawk li jridu li tipprevali l-fehma kif tifhimha l-maġġoranza jew il-minoranza. Fis-soċjetà hemm dawk li jaħsbuha mod, u oħrajn li jaraw ir-realtà mod ieħor, u ladarba l-opinjoni komuni hija tali, ikollna nimxu skont kif jaħsbuha l-ftit jew il-kotra! Mela l-verità tagħmilha l-ftit jew il-ħafna? Il-verità hija oġġettiva. Huwa l-għarfien tagħha li huwa suġġettiv! Imma llum aħna hekk mexjin – illum hemm l-opinjoni komuni, naraw il-kotra x’taħseb u dik tagħmel il-verità! Attwalment miskin hu min irid jitkellem dwar il-verità u jgħix il-verità.

Id-dittatura tal-verità ideoloġika

Hemm “id-dittatura tal-verità ideoloġika”, jiġifieri tal-verità li tkun it-twemmin ta’ xi grupp partikulari. Soċjetà demokratika hija organizzata minn gruppi li għandhom il-kredu tagħhom – il-verità ideoloġika. Ikun hemm dittatura għaliex il-grupp tiegħi jkun irid iballagħli li l-pożizzjoni tiegħu hija l-verità. L-alleanza tiegħi lejn dak il-grupp ma tippermettilix li nara b’mod oġġettiv – ma thallinix liberu minn dik il-forma ta’ dittatura.

Issa xi ħadd jista’ jgħid li l-“Knisja” hija grupp fost dawn, għaliex il-Knisja wkoll għandha l-kredu tagħha u titlob li l-membri tagħha jkollhom kuxjenza msawra skont dan il-kredu! Fostna hawn min jakkuża lill-Knisa li timanipola l-imħuħ.

Tafu min jgħid hekk? Tafu min jinsinwa li l-Knisja għandha l-ideoloġiji tagħha? Min ma jafx x’inhi Knisja! Madwarna għandna diversi illi għandhom idea żbaljata ta’ x’inhi Knisja; huma diversi dawk li jħawdu meta jitkellmu fuq il-Knisja. Fil-Knisja xi wħud jaraw “istituzzjoni” umana li għandha għanijiet politiċi! Dan huwa żball oħxon għax il-Knisja mwaqqfa minn Ġesù Kristu hija realtà divina u umana, u r-raġuni tal-eżistenza tagħha hija s-salvazzjoni tal-bniedem sħiħ – ruħ u ġisem!

Qed taraw kemm hemm forom ta’ dittatura li joħonqu l-verità u l-libertà! Għaliex fl-aħħar mill-aħħar, hija l-verità li tagħmilna ħielsa (ara Ġw 8,32). Din hija s-sitwazzjoni li qegħdin ngħixu fiha.

Naħslu jdejna mill-verità!

Intom niftakruh il-proċess ta’ Kristu quddiem Pilatu (Ġw 18). Pilatu sab ruħu f’diffikultà għax kellu quddiemu imputat imma ma kellux liġi biex jikkundanna lil Ġesù. Pilatu ma kienx bħal dawk li jorganizzaw il-proċessi medjatiċi llum u jivvintaw regoli u provi basta jikkundannaw lil min jixtiequ jwarrbu min-nofs!

It-tweġiba ta’ Kristu għall-mistoqsija li jagħmillu Pilatu – “mela inti sultan?” – titfa’ lill-“poter” f’dilemma! Għax Ġesù jwiegeb: “Int qed tgħidu: jien sultan. Jien għalhekk twelidt u għalhekk ġejt fid-dinja biex nixhed għall-verità, u kull min iħobb il-verità jisma’ leħni”. Hawnhekk Pilatu jistaqsi: “Il-verità x’inhi?”.

Din id-domanda ta’ Pilatu hija tremenda, mhux biss għax bħal kull bniedem huwa kien qed ifittex il-verità, imma wkoll għax bħal xi wħud mill-bnedmin ta’ madwarna ma kienx faċli għal Pilatu jifhem ir-rabta bejn il-verità u r-reliġjon! Quddiemu Pilatu kellu lill-Iben t’Alla li daħħal fi kriżi lill-Imperu Ruman li kien nieqes mill-verità sħiħa.

X’jagħmel Pilatu? Pilatu jaħsel idejh, jaħsel idejh mill-verità. Anke Pilatu tal-lum jaħsel idejh mill-problema tal-verità u jaqa’ u jqum minn x’inhi l-verità. Forsi għaliex x’ħin il-bniedem jiltaqa’ mal-verità, il-verità torbtu biex ikun ħieles. Il-verità ma tħalliniex nagħmlu li rridu u nimxu skont kapriċċina. Pilatu tal-lum ukoll jaħsel idejh! Pilatu mhux biss jibża’ mill-verità fiha nnifisha, imma jibża’ mill-“folla” li kienet preżenti barra mill-Pretorju tistenna l-kundanna tal-Verità minħabba motivi politiċi!

Gwaj kbir jekk fil-Knisja wkoll jiġrilna hekk! Ir-riskju hemm qiegħed – li aħna wkoll naħslu jdejna u ngħidu li m’għandniex x’naqsmu mal-verità, forsi anke biex nidhru populisti!

Il-verità u t-tiswir tal-ħajja pubblika

Xejn ma huwa ta’ serħan il-moħħ il-kurrent attwali tal-ħassieba moderni li huma konvinti li l-kwistjoni tal-verità ma tidħol xejn fit-tiswir tal-politika, l-etika u l-liġijiet, imma li kull wieħed minn dawn l-oqsma jorganizza lilu nnifsu skont il-kategoriji proprji! Skont dawn, il-politika tfittex li tagħmel dak li huwa utli; l-etika tindika dak li huwa tajjeb għalina issa; u l-liġi hija l-barka li jagħti l-Istat ta’ ċerta mġiba, irrispettivament jekk din l-imġiba tkunx tajba jew ħażina!

Hekk irridu aħna? Hu sewwa li l-istrumenti li normalment nużaw biex norganizzaw il-ħajja soċjali tagħna jkunu mneżżgħa mill-verità, biex ma ngħidx li jkunu jikkuntrastaw mal-verità? Allura ma għandna ebda kejl li jista’ jaċċertana li ma nkunux ingerfxu meta nitkellmu fuq il-ħajja, iż-żwieġ, il-familja, id-dinjità tal-bniedem?

Din it-teorija li qed tmexxina llum! Hija din is-sitwazzjoni konfużjonarja illi tħallina bil-għatx u bla serħan, għaliex jekk il-bniedem ma jkollux il-verità, ma jsibx kwiet. Din il-kultura thallilna kuxjenzi konfużi, bil-possibiltà li l-għażliet u d-deċiżjonijiet tagħna jkunu ħżiena.

Il-verità tal-“Ħaruf”

Imma aħna għandna l-grazzja, aħna li ġie fostna l-Ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja. Id-dnub il-kbir huwa l-injoranza, il-gidba u d-dlam ta’ min m’għandux il-verità. Għalina Ġesù Kristu huwa s-sewwa, it-triq u l-ħajja. “Min iħobb il-verità jisma’ leħni” (Ġw 18,37).

Allura għaliex ħafna tpaċpiċ u dubju fi ħdan il-poplu miksub minn Kristu? Nemmnu li Kristu għandu l-verità jew le? Għaliex x’ħin tintemm il-laqgħa liturġika nibdew nitkellmu mod ieħor? Il-verità ta’ Kristu la nista’ nibdilha jien, la ebda saċerdot u lanqas ħadd. Aħna ministri ta’ Kristu u għandna responsabiltà kbira, u rridu nagħtu kont lil Alla li lilkom bil-fedeltà kollha nwasslulkom il-verità kif għallimhielna Kristu.

Il-kuraġġ tax-xandir tal-verità

Aħna li qegħdin ngħixu f’dak il-kuntest li semmejtilkom m’għandniex naqtgħu qalbna, imma bħal Ġwanni l-Battista, li juri lid-dinja li kien wasal “il-Ħaruf t’Alla”, hekk ukoll il-komunità Nisranija għandu jkollha l-ħeġġa tal-evanġelizzazzjoni u tħabbar li fostna hawn Kristu l-Feddej! Anke f’Għawdex tagħna għandna bżonn ta’ din il-ħidma ta’ evanġelizzażzjoni –illum ukoll għandna bżonn inwasslu l-verità li l-bniedem qiegħed jgħix taħt diversi forom ta’ dittatura. Ix-xandir tal-Bxara t-Tajba, il-ħidma tal-evanġelizzazzjoni hija tagħna lkoll – tagħfas fuqi bħala isqof tagħkom u fuq ħuti s-saċerdoti. Però mhux fuqna biss, imma fuq l-imgħammdin kollha. Nagħmel tiegħi x-xewqa li darba lissen Ġesù: “Nar gejt inqabbad fuq l-art, u kemm nixtieq li dan jaqbad!” (ara Lq 12,49).

Dan intennih anke jekk naf li mhux faċli li din ix-xewqa titwettaq fil-prattika, għax kif għidtilkom fiċ-Ċirkulari li bgħattilkom għal-lum, inħoss illi l-gost u l-interess f’Alla u fi Kristu qed jonqos anke fostna, anke fil-Knisja!

Min jitbiegħed mid-dawl jgħix fid-dlam. Min jitbiegħed mill-verità jgħix fil-gidba u fil-konfużjoni. Nittama li dan il-Kungress tax-Xirka jkun mument ta’ grazzja, biex fiċ-ċirkustanzi li qegħdin ngħixu nindunaw x’inhu l-għerq ta’ din il-konfużjoni meta qegħdin nitkellmu dwar realtà tant umana u tant qaddisa taż-żwieġ u l-familja. Importanti li mhux biss aħna nkunu attenti ħalli ma niġux imċaħħda mill-verità, imma nagħmlu l-parti tagħna ħalli kulħadd skont s-sejħa tiegħu jwassal il-verità li ġejja minn Alla fi Kristu, u li taslilna permezz ta’ Ommna l-Knisja sa truf l-art kollha.