Titħabbar il-mewt ta’ Dun Anton Dimech

Dalgħodu tħabbret il-mewt ta’ Dun Anton Dimech, saċerdot miż-Żebbuġ, Għawdex, li seħħet fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, fejn Dun Anton kien rikoverat f’dawn l-aħħar jiem.

Dun Anton Dimech kien ordnat saċerdot fil-5 ta’ April 1964. Il-funeral tiegħu se jsir fil-parroċċa taż-Żebbuġ nhar it-Tnejn li ġej, 16 ta’ Mejju 2011. Fit-3.00p.m. il-fdalijiet ta’ Dun Anton jitqiegħdu għall-qima tal-pubbliku u għat-talb privat fid-Dar tal-Arċipriet. Fl-4.00p.m.  issir Velja pubblika ta’ Talb u mbagħad fl-4.30p.m. jibda miexi l-korteo funebri lejn il-knisja parrokkjali, akkumpanjat mill-banda tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija taż-Żebbuġ. Fil-5.00p.m. Mons Isqof Mario Grech imexxi l-quddiesa tal-funeral.

Ningħaqdu mal-familjari ta’ Dun Anton u mal-parroċċa taż-Żebbuġ fin-niket għal din it-telfa, u nitolbu lil Ġesù r-Ragħaj it-Tajjeb biex idaħħal lil ħuna Dun Anton fil-mergħat ta’ dejjem. RIP