Archive for February, 2011

Titħabbar il-mewt ta’ Dun Manwel Spiteri

IMUT DUN MANWEL SPITERI

Tard ilbieraħ bil-lejl, il-Ġimgħa 18 ta’ Frar 2011 tħabbret il-mewt ta’ Dun Manwel Spiteri minn Ta’ Sannat. Dun Manwel kellu 77 sena u kien ordnat saċerdot fit-2 ta’ April 1960. Għal 35 sena wettaq ħidma pastorali fl-Awstralja.

Il-funeral ta’ Dun Manwel se jsir nhar it-Tlieta li ġejja, 22 ta’ Frar. Fit-3.15pm jitlaq il-korteo mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għal ħdejn l-iskola primarja, mnejn jiġi akkumpanjat bil-banda tar-raħal għall-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Margerita, Ta’ Sannat fejn Mons Isqof Mario Grech imexxi konċelebrazzjoni praesente cadavere fl-4.00pm.

Nitolbu lill-Missier tas-Sema jħaddnu miegħu u jimlieh bl-hena ta’ dejjem. RIP

L-Isqof Grech dwar il-Nawfraġju ta’ San Pawl

SAN PAWL U Z-ZKUK NIXFA

Fl-omelja li għamel nhar l-10 ta’ Frar fil-parroċċa tal-Munxar, fl-okkażjoni tas-solennità tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, l-Isqof Mario Grech wassal dan il-messaġġ:

Meta Pawlu qabad iz-zkuk niexfa u tefagħhom fin-nar, huwa għamel ġest profetiku li jiswa għalina għax illum ukoll hafna huma bħal dielja li fiha zkuk li ma jagħtux frott. Kulma jmur is-soċjetà tagħna qed tinxef minn ċerti valuri umani, bħalma huma r-rispett lejn il-ħajja, l-imħabba għall-familja, il-fedeltà fiż-żwieġ, is-sens ta’ ġustizzja, eċċ.

Anke l-Knisja f’pajjiżna għandha r-riskju li fi kliem il-profeta Eżekjel issir bħal “dielja niexfa” (Eżek 15). Il-komunità Nisranija taf issir “ħatab għall-ħruq” meta timla rasha bi ġmielha u tibdel lil Alla ma’ idoli oħrajn. Ħafna jiddependi mill-mudell ta’ Knisja li għandna għal qalbna: jekk hijiex Knisja mhedija fit-“tiżjin” estern u t-tradizzjonijiet jew Knisja mogħtija għall-evanġelizzazzjoni biex Kristu jerġa’ jkun iċ-ċentru tal-ħajja tal-bniedem.

F’dan il-kuntest, għalhekk, wieħed jistaqsi jekk kieku Pawlu jasal fostna llum, jerġax jaqbad “iz-zkuk niexfa” u jitfagħhom fin-nar! Dan in-nar mhux dejjem huwa qawwa qerrieda, imma huwa wkoll nar li jsaffi u jagħti l-enerġija. Fil-ħajja tal-komunità Nisranija dan in-nar pożittiv jiġi mill-Kelma li bħal “ġamra taħraq nar” tnaddaf ix-xufftejn u tgħallimna nitkellmu s-sewwa kollu, u mill-Ispirtu s-Santu li bħal nar mis-sema mhux biss iqabbad lil min hu dgħajjef imma kapaċi jagħti l-ħajja anke liz-zkuk mejta.

Meta wasal fostna, Pawlu ħallilna ħażna tajba minn dan in-nar.

Ktieb dwar l-Isqof Emeritu Nikol Cauchi

TNEDIJA TA’ KTIEB DWAR L-ISQOF EMERITU NIKOL Ġ CAUCHI

Waqt laqgħa għall-qraba tas-saċerdoti, li saret fis-Seminarju tad-Djoċesi nhar il-Ħadd 13 ta’ Frar, Mons Isqof Mario Grech ħabbar li fit-3 ta’ Marzu ser jiġi mniedi ktieb ġdid tal-Isqof Nikol Ġ Cauchi. Dan il-ktieb jinkludi artikli soċjo-reliġjużi u ritratti dwar il-ħajja tal-Isqof Cauchi. Id-Djoċesi ta’ Għawdex flimkien mal-”Fondazzjoni Isqof Nikol Cauchi” qed tieħu din l-inizjattiva għax temmen li l-kelma ta’ dan l-għalliem għadha ħajja. Din il-preżentazzjoni qed issir fl-okkażjoni ta’ jum it-twelid tal-Isqof Cauchi, li jitfakkar fit-2 ta’ Marzu. Programm dettaljat dwar it-tnedija tal-ktieb jitħabbar aktar ’il quddiem.

Ordinazzjoni episkopali tal-ET Mons Joe Bonello OFM

Nhar is-Sibt li għadda, 12 ta’ Frar 2011, Patri Joe Bonello OFM mix-Xagħra ġie ordnat isqof fil-Knisja ta’ Santa Ġeltrude f’Juticalpa, Ħonduras. Mons Bonello ġie ordnat mill-Kardinal Oscar Andres Rodriguez Maradiaga, Arċisqof ta’ Tegucigalpa u president tal-Konferenza Episkopali tal-Ħonduras. Il-Kardinal kien assistit min-Nunzju Apostoliku fil-Ħonduras, l-Arċisqof Mons Luigi Bianco u l-Isqof ta’ Juticalpa, Mons Mauro Muldoon OFM.

Ħatra ta’ Amministratur għall-knisja ta’ San Ġakbu

DIGRIET

ĦATRA TA’ AMMINISTRATUR
GĦALL-KNISJA TA’ SAN ĠAKBU FIR-RABAT

D5/2011

Billi bil-mewt ta’ Mons. Ġużeppi Curmi, li kien ukoll Rettur tal-Knisja ta’ San Ġakbu fir-Rabat, ġie vagat dan l-uffiċċju, sakemm naħtar Rettur ġdid tal-imsemmija knisja, bil-preżenti naħtar lil Mons. George Bezzina bħala amministratur tal-Knisja ta’ San Ġakbu.

Fil-ġimgħat li ġejjin u sakemm ikun hemm Rettur ġdid, nitlob lil Mons. Bezzina biex jippreżenta rapport dwar il-ħidma pastorali marbuta ma’ din il-Knisja, rapport finanzjarju (kwittanza) li jiġbor fih l-amministrazzjoni ta’ kull enti preżenti fl-istess knisja.

Nirrakkomanda illi kemm jista’ jkun malajr isir inventorju ta’ dak li hemm fil-knisja;

nirrakkomanda li fl-immedjat, Mons. Bezzina f’kollaborazzjoni mas-Segretarju Pastorali tad-Djoċesi, jara kif jista’ jkompli jimplimenta l-pjan tad-Djoċesi biex il-knisja ta’ San Ġakbu tkun santwarju tar-Rikonċiljazzjoni.

Nitlob lill-Amministratur biex ma jagħmel xejn li b’xi mod jista’ jippreġudika l-fatt li l-knisja ta’ San Ġakbu taqa’ taħt ir-responsabiltà diretta tal-Ordinarju u għalhekk ħadd ma għandu xi jedd li jindaħal fl-amministrazzjoni tal-imsemmija knisja.
   
8 ta’ Frar 2011

Mons Salv Debrincat                                                   + Mario Grech
Kanċellier                                                                          Isqof ta’ Għawdex

Link permanenti bejn Għawdex u Malta

Komunikat
tal-Kulleġġ tal-Kappillani tad-Djoċesi ta’ Għawdex
 

Il-Kappillani ta’ Għawdex f’laqgħa li saret nhar l-Erbgħa 9 ta’ Frar 2011 taħt il-presidenza tal-Isqof Mario Grech, qablu li jagħmlu dan il-komunikat:

Konxji mid-dmir tal-Knisja li tixħet id-dawl tal-Vanġelu fuq it-temi ta’ żvilupp tal-bniedem, il-Kappillani flimkien mal-Isqof Grech:

  • josservaw li l-gżira t’Għawdex, minkejja t-titjib li sar fl-aħħar snin fl-aċċessibilità tagħha, xorta waħda għadha tbati minn insularità doppja li qed twassal biex din il-gżira ma jkollhiex l-istess pass ta’ żvilupp bħall-bqija tal-pajjiż, impatt illi qed jibdel ukoll drastikament in-nisġa soċjali ta’ Għawdex;
  • jinnotaw id-diffikultajiet straordinarji li jħabbtu wiċċhom magħhom l-istudenti, il-ħaddiema, il-morda fl-isptar u l-familjari tagħhom, min jimpjega u operaturi oħra fl-oqsma tas-servizzi li jkollhom jaqsmu ripetutament bejn iż-żewġ gżejjer minħabba n-natura tal-istudju, bżonnijiet u xogħol tagħhom;
  • jemmnu illi l-ekonomija tal-gżira t’Għawdex, b’aċċessibilità aħjar, tista’ timxi b’ritmu aktar mgħaġġel hekk li tipparteċipa b’mod sħiħ fil-progress akkwistat fin-nazzjon, anzi tikkontribwixxi biex dan iseħħ;
  • għalhekk, japprezzaw id-diskussjoni pubblika li għaddejja bhalissa dwar il-possibilità li l-gżejjer ta’ Għawdex u Malta jingħaqdu b’mod permanenti u jaqblu illi għandu jsir studju komprensiv biex jittieħdu deċiżjonijiet informati dwar l-impatt li deċiżjoni ta’ din ix-xorta jista’ jkollha fuq l-ambjent, l-ekonomija u s-soċjetà Għawdxija u biex jiġu evalwati l-vantaġġi u l-iżvataġġi li din id-deċizjoni tista’ ġġib.

Illum, l-Erbgħa 9 ta’ Frar 2011.

Arċipriet Tarcisio Camilleri
Segretarju tal-Kulleġġ tal-Kappillani

Imut Dun Angelo Buttigieg

TITĦABBAR IL-MEWT TA’ DUN ANGELO BUTTIGIEG

B’niket inħabbru l-mewt ta’ Dun Angelo Buttigieg, mill-Qala. Dun Anġ miet illejla, 9 ta’ Frar 2011 fis-sala ġerjatrika tal-Isptar Ġenerali fejn kien residenti. Dun Anġ twieled fl-20 ta’ Ġunju 1929. Huwa ġie ordnat saċerdot fid-9 ta’ April 1955.
 
Il-funeral tiegħu se jsir nhar is-Sibt li ġej, 12 ta’ Frar fil-knisja parrokkjali tal-Qala. Il-korteo funebri jitlaq fit-3.15p.m. mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għal ħdejn l-iskola tal-Qala, fejn fit-3.30p.m. jiġi akkumpanjat mill-Banda tar-raħal għall-knisja parrokkjali. Mons Isqof Mario Grech imexxi l-konċelebrazzjoni praesente cadavere fl-4.00p.m.
 
Il-Mulej jilqgħu fid-Dar tiegħu tas-Sema. RIP

Imut Patri Serafin Borg, OSA

TITĦABBAR IL-MEWT TA’ PATRI SERAFIN BORG, OSA 
 

B’niket inħabbru l-mewt ta’ Patri Serafin Borg, Agostinjan mix-Xewkija, li miet ilbieraħ 8 ta’ Frar 2011 fl-għomor ta’ 78 sena.
 
Il-funeral tiegħu se jsir il-Ġimgħa 11 ta’ Frar fil-knisja tal-Patrijiet Agostinjani, fir-Rabat, Għawdex. Il-quddiesa tibda fl-4.00p.m. Fil-ħin ta’ qabel, il-fdalijiet ta’ Patri Serafin ser ikunu esposti għall-qima u t-talb pubbliku fl-Oratorju tal-Kunvent. 
 
Agħtih, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem.