IL-BIKJA TAT-TARBIJA TA’ BETLEM
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech

IL-BIKJA TAT-TARBIJA TA’ BETLEM

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Pontifikal ta’ nhar il-Milied 2010
Knisja Katidrali – Is-Sibt, 25 ta’ Diċembru

F’Betlem Alla tkellem!

L-ikbar gwaj tagħna l-bnedmin mhux il-ġlied, il-mard, u l-faqar, imma meta Alla jibqa’ sieket jew jiġi msikket. Is-silenzju ta’ Alla għandu jwaħħaxna għaliex jekk aħna ma nisimgħux lil Alla jkellimna, nitħawdu aħna u nħawdu madwarna. Din mhix fantasija: inħarsu ftit madwarna u naraw kif kull ma jmur id-diżordni qiegħed jikber u jolqot lil dak u lill-ieħor, lill-familji, lill-gruppi, lis-soċjetà u forsi wkoll lill-Knisja. Mhux għaliex Alla ma jinterresahx il-bniedem jew għaliex Alla waqa’ fil-muta, imma għaliex propju aħna ttarraxna: qegħdin nagħlqu widnejna u qegħdin noħolqu l-istorbju biex ninnewtralizzaw il-vuċi t’Alla.

Imma fil-lejl tal-Milied dwiet il-bikja tat-tarbija ta’ Betlem. F’dan il-lejl mat-twelid tat-tarbija ta’ Betlem instemgħet twerżieqa ġdida. Hija l-bikja ta’ Alla. It-twerżieqa ta’ Alla. Għaliex din it-tarbija mhix tarbija komuni, imma dan huwa l-Iben t’Alla li sar bniedem. It-tarbija li llum qegħdin inqimu hija propju l-Kelma ta’ Alla, Ġesù Kristu, kif qrajna fil-prologu tal-Vanġelu ta’ San Ġwann: ‘Fil-bidu kienet il-Kelma, u l-Kelma kienet għand Alla u l-Kelma kienet Alla”. Il-Kelma mlissna sa mill-eternità minn Alla l-Missier, fil-milja taż-żmien saret laħam, saret bniedem: Il-Kelma saret ġisem u għammret fostna u rajna sebħha, sebħ bħalma għandu l-Iben il-Waħdieni minn għand Missieru, mimli grazzja u verità” (Ġw 1,14). Altru li Alla mhux sieket u li Alla mhux fil-muta!

Għalhekk nifirħu fil-ġuranta tal-lum għaliex bil-bikja tagħha din it-tarbija kisret is-silenzju u reġgħet instemgħet mill-ġdid dik il-kelma fil-bidu tal-ħolqien – hija dik il-kelma li fil-bidu tat l-eżistenza lill-univers; issa b’din il-Kelma li saret laħam, Alla jrid joħloqna mill-ġdid. Permezz ta’ Ġesù Kristu s-Salvatur tagħna, Alla jrid joħloq ordni ġdid, dinja ġdida, bniedem ġdid. Però, dak illi lilna ħalaqna mingħajr ma talab il-fehma tagħna, issa biex ikun jista’ jitwettaq dan l-ordni ġdid, din il-kreazjoni ġdida, hemm bżonn ir-rieda tiegħek u tiegħi. Hemm bżonn illi lil din il-Kelma li ġiet “f’darha” – allura għalina mhix kelma barranija – aħna nilqgħuha u ma nagħżlux li nibqgħu ngħixu fis-silenzju ta’ Alla.

Ix-xandir mill-ġdid tal-Bxara t-Tajba

Nistgħu ngħidu illi propju fl-ewwel Milied, mat-twelid ta’ Ġesù Bambin, meta din il-Kelma saret laħam, beda x-xandir tal-Bxara t-Tajba. Ġesù Kristu huwa l-Bxara t-Tajba – huwa l-Evanġelju. Illum aħna qegħdin fiż-żmien ta’ ħtieġa ta’ evanġelizzazzjoni ġdida. Din l-evanġelizzazzjoni ġdida ma jeħtiġuhiex biss dawk il-bnedmin li għadhom qatt ma semgħu bi Kristu; flimkien mal-Papa Benedittu XVI nilmaħ ukoll l-urġenza li din il-Bxara t-Tajba terġa’ titwassal lil dawk il-popli li darba semgħu bi Kristu imma issa nsewh; l-evanġelizzazzjoni jeħtieġuha wkoll dawk il-popli li darba kienu Kristjani, imma issa huma ttentati li jirrinunzjaw għall-identità Kristjana tagħhom. Ma’ dawn tal-aħħar, inħoss li għandna ngħoddu lil pajjiżna.

Iċ-ċentralità tal-Kelma t’Alla

Dawn il-popli għandhom bżonn li jisimgħu mill-ġdid it-twerżieqa u l-bikja tat-tarbija ta’ Betlem. Propju fi tmiem Settembru li għadda, il-Papa tana l-Eżortazzjoni Apostolika “Verbum Domini”, frott tal-ħidma u r-riflessjoni li saret matul it-tnax-il Sinodu tal-Isqfijiet. Dan id-dokument nistgħu nqisuh bħala inizjattiva ġdida għall-poplu Kristjan biex jerġa’ jsib iċ-ċentralità tal-Kelma, biex isib il-qawwa ħalli jiġi evanġelizzat mill-ġdid. Fi kliem il-Kardinal Ravasi, president tal-Kunsill Pontifiċju għall-Kultura, din l-eżortazzjoni postsinodali qed terġa’ tipproponi l-Kelma t’Alla bħala l-kodiċi l-ġdid ħalli aħna nkunu nistgħu naqraw l-attività li għaddejja fil-Punent. Huwa wisq evidenti li l-bniedem tal-lum għandu bżonn ta’ “kodiċi” biex jorganizza sewwa kemm il-ħajja tiegħu kif ukoll dik ta’ beltu. Meta għażilna li nistgħu ngħaddu mingħajr il-kodiċi tal-Kelma t’Alla, tilfet id-direzzjoni l-persuna, il-familja u s-soċjetà. Min minna jrid jibqa’ għaddej f’direzzjoni konfuża?

Il-Punent ma jkunx jgħarrilu jekk ifittex dik il-kewkba polari biex fid-direzzjoni tagħha ikun jista’ jaqra mingħajr qerq il-letteratura, l-arti u l-ethos li jsawru l-patrimonju eżistenzjali. Biex jintlaħaq dan il-għan, f’pajjiżna, bħal fil-bqija tal-Ewropa neħtieġu moviment missjunarju ġdid li jagħmel eku tal-bikja tat-tarbija ta’ Betlem. Il-lajċi Nsara, partikularment dawk li huma dotati intellettwalment u spiritwalment, għandhom post ewlieni f’dan il-moviment.

Jekk irridu niċċelebraw il-Milied ta’ adulti, fil-maxtura tal-presepju flok ma npoġġu l-immaġni tat-tarbija tal-ġibs, tax-xemgħa jew tal-kartapesta jixraq inqegħdu l-ktieb tal-Vanġelu. Dan mhux biss ikun sinjal qawwi ta’ dik il-verità li għadna kif smajna fil-Evanġelju – “il-Kelma saret bniedem u għammret fostna” –, imma jkun impenn sabiex bħala Knisja nikbru ftit, ma nibqux nagħmlu teatrini liturġiċi, imma nieħdu l-Kelma t’Alla bis-serjetà. Min ma jafx l-Iskrittura ma jafx lil Kristu. Ma nistgħaġibx li l-għarfien tagħna ta’ Kristu huwa dgħajjef jew nieqes, għaliex ħafna minna huma sajmin mill-Kelma t’Alla.

Imbagħad l-impenn biex aħna nsiru midħla tal-Kelma, biex għalina l-Vanġelu jsir dak il-kodiċi oriġinali, l-istilla polari l-ġdida, isir ukoll impenn ħalli ngħixu l-misteru tal-Inkarnazzjoni billi nagħtu laħam lill-Kelma. Il-Kelma ta’ Alla nagħtuha sura prattika fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. U m’hemm l-ebda aspett tal-ħajja u tal-attività umana li ma tistax tiġi mdawla u msawra bil-qawwa ta’ din il-Kelma. Tidher Kelma dgħajfa, imma fl-istess ħin hija Kelma li toħloq u tqaddes.

Nifirħu, għaliex jekk is-silenzju ta’ Alla jtarrax, it-twerżieqa u l-bikja tat-tarbija ta’ Betlem ukoll għandha qawwa li tippenetra mhux biss it-tambur ta’ widnejna imma l-qlub tagħna u l-qxur tal-istess strutturi tagħna. Hekk il-Mulej Ġesù jkun ir-raġuni tal-istess eżistenza tagħna.
 

0 Responses to “IL-BIKJA TAT-TARBIJA TA’ BETLEM
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech”


  1. No Comments

Leave a Reply