ĠABRA B’RISQ IL-POPOLAZZJONI TA’ ALAGOAS, BRAŻIL
Ittra tal-E.T. Mons Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

Ċirkulari 11/2010

ĠABRA B’RISQ IL-POPOLAZZJONI TA’ ALAGOAS, BRAŻIL

Lir-Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes u Lajċi Nsara.

Fil-jiem li għaddew fl-Istat ta’Alagoas fil-Brażil kien hemm għargħar qawwi li kkawża ħsarat kbar li ħallew tifrik u qerda. Diversi persuni nstabu mejta u mijiet oħra huma mitlufin, x’aktarx mejta. Eluf kbar kellhom jitilqu mid-djar tagħhom. Saret ħerba minn ħafna djar, skejjel, knejjes u infrastruttura; xi rħula ġew meqruda kważi għal kollox.

Ċirkulari 11/2010

ĠABRA B’RISQ IL-POPOLAZZJONI TA’ ALAGOAS, BRAŻIL

Lir-Rev.di Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes u Lajċi Nsara.

Fil-jiem li għaddew fl-Istat ta’Alagoas fil-Brażil kien hemm għarar qawwi li kkawża ħsarat kbar li ħallew tifrik u qerda. Diversi persuni nstabu mejta u mijiet oħra huma mitlufin, x’aktarx mejta. Eluf kbar kellhom jitilqu mid-djar tagħhom. Saret ħerba minn ħafna djar, skejjel, knejjes u infrastruttura; xi rħula ġew meqruda kważi għal kollox.

Id-djoċesi tagħna għandna rabta partikulari ma’ Alagoas għax hemmhekk għandna żewġ missjunarji Għawdxin bħala kappillani: Dun Salv Vella mix-Xewkija u Dun Alex Cauchi mill-Għarb. Meta tkellimt magħhom nhar il-Ħamis li għadda, huma kkonfermawli t-tbatija li għaddejjin minnha dawk milquta. Il-lokalità ta’ Branquinha, li sa ftit ilu l-kappillan tagħha kien Mons Jimmy Xerri, l-arċipriet il-ġdid tan-Nadur, intlaqtet ħażin ħafna.

B’sens ta’ solidarjetà ma’ dan il-poplu u mal-missjunarji tagħna f’dan il-post, nappella biex fil-quddies kollu tas-Sibt u l-Ħadd li ġejjin, 3 u 4 ta’ Lulju, issir ġabra fil-knejjes kollha tad-djoċesi biex ngħinuhom. Nissuġġerixxi li nagħmlu “sawma ta’ solidarjetà”, u dak li s-soltu nonfqu għal ikla waħda ngħadduh lil dawn ħutna fil-Brażil. Min jixtieq, jista’ jagħmel ukoll offerti lill-arċiprieti, kappillani jew retturi ta’ knejjes.

Nirrikkmanda wkoll biex insostnu bit-talb lill-missjunarji tagħna u lil dawk milquta minn dan id-diżastru naturali.

Maħruġa mill-Kurja tal-Isqof, Rabat, Għawdex, illum is-Sibt, 26 ta’ Ġunju 2010.

+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

Mons Salv Debrincat
Kanċellier