IS-SAĊERDOT HU MSEJJAĦ BIEX JIBQA’ FIDIL SAL-MEWT GĦAS-SEJĦA TIEGĦU
Diskors ta’ Mons Isqof Mario Grech lis-Saċerdoti
Għeluq tas-Sena Saċerdotali
Parroċċa Fontana – Il-Ġimgħa 11 ta’ Ġunju 2010

Il-ħajja tas-saċerdot fiha t-tlugħ u l-inżul tagħha! L-Appostlu Ġwanni ma kienx biss dak li kellu x-xorti li jmejjel rasu fuq sider Ġesu (Ġw 13:23), imma kien ukoll dak li sab ruħu eżiljat fil-gżira ta’ Patmos! Żġur li llum is-saċerdot ta’ Kristu qed isib min jemarġinah u jipprova jwarrbu minn mas-saqajn; imma mhix daqshekk ċerta li s-saċerdoti qed ifittxu l-esperjenza kontemplattiva!

Fl-Apokalissi San Ġwann jikteb: “Jien Ġwanni, ħukom f’Ġesù Kristu u sieħeb tagħkom fit-taħbit, fis-saltna u fis-sabar” (1:9). Dawn il-kelmiet joqogħdu sewwa fuq fomm kull saċerdot ta’ żminijietna. Bħal Ġwanni, li qed jikteb lill-Knejjes ippersegwitati, aħna wkoll għandna Knisja lokali li għaddejja minn taħbit kbir. Inkunu nonqsu jekk, bħal Ġwanni, aħna ma nħossux li aħna sħab man-nies fit-“taħbit”.

Sfidi għall-ħajja tas-saċerdot

Hemm taħbit li ġej minħabba l-fedeltà tal-ħajja Kristjana. Il-ħajja tan-Nisrani (u ta’ kull saċerdot) hija triq għat-telgħa, għax kontinwament irridu ninżgħu l-bniedem il-qadim bl-għemejjel tiegħu u nilbsu l-bniedem il-ġdid. Din it-taqbida spiritwali hija iebsa anki għalina s-saċerdoti. Il-mument li fih nieqfu nitqabdu kontra l-ħażen, nibdew nitilfu.

Hemm it-taħbit li ġej mis-soċjetà ateista ta’ madwarna. Jekk id-dinja qed tiċħad lil Alla, tiċħad ukoll lill-ministri tiegħu. Għadda ż-żmien li fih is-saċerdot kien igawdi għarfien soċjali! Bħal kulmin irid ikun dixxiplu ta’ Kristu, is-saċerdot sa jsib min iħabbtu biex jibqa’ fidil għas-sejħa tiegħu.

Hemm it-taħbit ta’ min irid jgħix iċ-ċelibat. Il-ħajja ċelibi qatt ma kienet faċli, imma f’dinja edonista u sesswalment redikola l-bniedem ċelibi għas-Saltna jrid jitħabat biex iżomm wieqaf.

Fedeltà għall-Vanġelu u għall-Maġisteru tal-Knisja

Hemm it-taħbit li ġej mit-tfittix tal-verità, partikularment tal-verità evanġelika. Il-vjaġġ spiritwali huwa twil u t-triq mhix dritta, imma fiha ħafna kantunieri sakemm wieħed jasal biex jagħraf u jaċċetta l-verità. Għal min ifittex bis-serjetà dan huwa vjaġġ li jaf jifleġ lill-bniedem!

Hemm it-taħbit li ġej mill-isforz li wieħed jagħmel biex jaċċetta l-istituzzjoni tal-Knisja, peress li xi drabi f’din l-istituzzjoni aktar jidher l-aspett uman milli dak divin. L-ubbidjenza lejn il-Knisja u l-Maġisteru tagħha mhix virtù ħafifa, u wieħed irid jitħabat miegħu nnifsu biex jasal ħalli jitlef ir-rieda tiegħu u jagħmel ir-rieda tal-Knisja. Hemm prezz x’inħallsu biex inwettqu dawk ir-riformi Konċiljari li tixtieq minna din l-istituzzjoni.

Dan it-taħbit kollu San Ġwann jiġbru fl-esperjenza personali li hu għamel f’Patmos, li kienet gżira-ħabs għall-Insara fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Domizjanu: “Jien sibt ruħi fil-gżira ta’ Patmos minħabba l-Kelma ta’ Alla u x-xhieda ta’ Ġesù” (1:9). Kieku ried, San Ġwann seta’ evita li jsib ruħu mwarrab, imċaħħad minn ħafna libertajiet u iżolat: billi jittradixxi l-Kelma ta’ Alla u jagħraf ikun popolari billi jgħid dak li ħaddieħor ried jisma’! Imma l-fedeltà tiegħu kienet sħiħa. Dan għandu jagħmlilna kuraġġ lilna s-saċerdoti, li l-ħin kollu qed niġu interpellati biex nittradixxu l-Vanġelu u nagħmluh aktar jogħġob lin-nies; inkella, jekk nibqgħu leali lejn il-Bxara t-Tajba, inkunu l-kawża li għaliha jitbattlu l-knejjes! Tgħid huwa l-każ li l-knejjes tagħna, għalkemm huma mimlija, diġà huma battala?

L-esperjenza tal-Ispirtu

Imbagħad San Ġwann jgħid li huwa sieħeb magħhom “fis-Saltna”, fis-sens li flimkien mal-Knsja huwa għandu tama qawwija f’Alla, hekk li lill-Knisja ta’ Smirna jgħidilha: “Ibqa’ fidil sal-mewt u jien nagħtik il-kuruna tal-ħajja” (Apok 2:11). Din l-esperjenza San Ġwann ifissirha bi kliem ieħor: “Darba, f’Jum il-Mulej, ħassejtni merfugħ fl-Ispirtu u minn warajja smajt leħen qawwi ta’ tromba” (Apok 1:10). Huwa jidentifika dan il-leħen bħala l-leħen tal-Mulej! Hija din l-esperjenza ta’ Kristu ħaj u mlibbes bil-ġmiel li tat lil Ġwanni l-qawwa biex jegħleb it-taħbit. Ikun vojt is-saċerdot jekk ma jixxennaqx biex f’xi waqtiet ikollu din l-esperjenza qawwija tal-Ispirtu, u li jiġi merfugħ fl-Ispirtu biex jidħol fil-preżenza tal-misteru ta’ Alla u hemm jisma’ leħen il-Maħbub. Jekk nittraskuraw din id-dimensjoni spiritwali u mistika tal-vokazzjoni tagħna, l-istess ministeru tagħna jitlef l-ispeċifiċità tiegħu u minħabba d-dgħufija tagħna nibdew inċedu fit-taħbit li semmejna aktar ’il fuq.

Iċ-ċentralità ta’ Jum il-Mulej

San Ġwann jgħid li għamel din l-esperjenza f’“Jum il-Mulej”. Din hija l-ewwel darba li fil-letteratura Kristjana nsibu l-isem “dies dominicalis”. Anki dan id-dettall għandu tifsira speċjali għalina s-saċerdoti, mhux biss għax f’Jum il-Mulej aħna nippresiedu l-Ewkaristija għall-poplu ta’ Alla, bit-tama li ngħinuh jagħmel esperjenza tal-Ispirtu, imma wkoll għax lilna l-jum tal-Ħadd ilaqqagħna mal-Kelma biex nirriflettu u nitolbu fuqha ħalli naqsmuha mal-oħrajn. Din tista’ tkun opportunità pastorali biex, waqt li aħna nkissru l-Kelma, nagħmlu esperjenza tal-misteru. Huwa wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Pjan Pastorali tas-sena li ġejja li flimkien naraw x’hemm bżonn isir biex l-Ewkaristija tal-Ħadd tkun tassew ċelebrazzjoni bis-sehem mifhum u attiv ta’ dawk kollha li jieħdu sehem fiha.

Fedeltà lejn il-Rivelazzjoni biblika

Lil San Ġwann il-Mulej jgħidlu: “Kull ma tara niżżlu fil-Ktieb u ibagħtu lis-seba’ Knejjes” (1:11,19). Dan ifisser li Ġwanni kien konvint li dak li kien qed jikteb lill-Knejjes kien qed jikkomunikah għax hekk tgħid ir-Rivelazzjoni. ’Il bogħod milli jikkomunika, jippriedka jew jgħallem il-fehmiet jew konklużjonijiet tiegħu, Ġwanni kien iwassal datum oġġettiv li kien irċieva. Hija din il-fedeltà lejn l-oġġettività tal-Kelma li tgħinna biex ma naqgħux fis-suġġettiviżmu u r-relattiviżmu ta’ żminijietna.

Dwal fid-dinja tal-lum

Lejn tmiem din il-viżjoni l-Mulej isemmi lil Ġwanni s-seba’ kwiekeb li kienu s-seba’ anġli tas-seba’ Knejjes (1:20). Hawn jista’ jkun li għandna referenza għas-seba’ Spirti li Alla fdalhom il-kura ta’ kull Knisja partikulari. Imma tista’ tkun ukoll referenza għall-isqfijiet u s-saċerdoti li Alla għażel u sejjaħ għalih biex jieħdu ħsieb il-Knisja. Bħal kwiekeb dawn iridu jibqgħu jdawlu u juru t-triq anki fid-dlam; bħal kwiekeb huma għandhom ir-responsabbiltà li jindikaw id-direzzjoni. Kif jgħallem San Pawl, “ħa tkunu nies bla għajb u safja, ulied Alla bla tebgħa f’nofs il-bnedmin ta’ ħajja mgħawġa u mħassra: fosthom intom tiddu fid-dinja bħala kwiekeb u twasslulhom il-Kelma tal-ħajja” (Fil 2:15). Huwa f’dan is-sens, għalhekk, li Ġwanni jgħid li huwa sħab fis-sabar mal-bqija fil-Knisja. Hemm bżonn nitolbu lil Alla jagħtina d-don tal-perseveranza u tal-paċenzja biex ma naqtgħux qalbna fil-ministeru tagħna. Ħafna drabi jaħbat jonqosna l-kuraġġ, għax inkunu ħdimna l-lejl kollu, imma ma qbadniex ħut; inkunu għażaqna l-għalqa, imma ma ħadniex frott b’mod immedjat! Fuq kollox għandna bżonn l-għajnuna biex nibqgħu kostanti fil-ħidma saċerdotali tagħna, fiduċjużi li s-siegħa tiegħu għad tasal ukoll.

Għeżież saċerdoti, fi tmiem din is-Sena Saċerdotali, bħal Ġwanni li lill-Knejjes ippersegwitati jfakkarhom li l-presbiteri tagħhom huma l-kwiekeb li jagħtu d-dawl, hekk jien ngħid lill-komunitajiet parrokkjali tagħna: għożżu u għinu lis-saċerdoti tagħna, għax huma jiddu fostkom biex jurukom it-triq li twassal għand Kristu. Lilkom, ħuti fil-presbiterat, inħeġġiġkom biex, minkejja t-taħbit li tiltaqgħu miegħu, tkomplu tikbru fl-għaqda u fix-xebh tagħkom ma’ Kristu. Minnu, li huwa d-Dawl tad-dinja, aħna niddawlu biex nagħtu d-dawl lill-oħrajn.