IL-MEJDA EWKARISTIKA HI LAQGĦA TA’ MĦABBA INTIMA MA’ KRISTU
Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Ordinazzjoni Presbiterali ta’ Dun Noel Debono u Dun Maximillian Grech
Knisja Katidrali – Il-Ħadd 13 ta’ Ġunju 2010

Kulħadd hu mistieden madwar il-mejda tal-Mulej

Jingħad illi biex tidħol f’intimità ma’ persuna oħra, mur sibha madwar mejda. Il-Mulej Ġesù, illi ried jidħol f’intimità magħna, għażel ukoll illi jlaqqagħna madwar il-medja, kif smajna fil-Vanġelu li għadu kif tħabbrilna (Lq 7,36-50). Ġesù jintasab mal-mejda tal-Fariżew. Għal Ġesù din il-mejda hija miftuħa għal kulħadd. Ħadd m’hu eskluż. M’hemm l-ebda kategorija tal-bnedmin illi għandha tħossha mhix milqugħha jew mhix aċċetatta mal-mejda tal-Mulej, kemm dawk li jieħdu sehem sħiħ mill-mejda kif ukoll dawk li, għal xi raġuni jew oħra, ma jieħdux sehem sħiħ. Imma forsi hemm dawk li jidħlu fid-dar bħal ma daħlet il-mara midinba fid-dar tal-Fariżew: għall-kurzità. Iva, il-bieb huwa miftuħ anke għal dawn biex huma wkoll jinġabru madwar il-mejda tal-Mulej.

L-Ewkaristija hi skola ta’ empatija

Nifirħu llum għaliex il-Mulej qed jipprovdi lill-Knisja tiegħu żewġt’irġiel illi huma msejħin biex joqogħdu propju mal-mejda. Hawn il-presbiteri ġodda huma mqabbda mill-Imgħallem biex il-mejda ma tibqax vojta, imma jipprovdulna dak il-ħobż li niżel mis-sema. Għeżież ordinandi, bħal Ġesù jeħtieġ ikollhom din l-apertura għal kulħadd mingħajr ma teskludu lil ħadd. Għaliex l-Ewkaristija hija skola ta’ empatija. Skola fejn il-bniedem iħossu mifhum u aċċettat. Forsi wieħed ma jkunx mifhum minn ħutu l-bnedmin; imma almenu jaf li huwa mifhum minn Alla. Li nifhmu lil ħaddieħor ma jfissirx li nkunu parteċipi f’għemilu jew li nkunu nikkonfermaw l-għażliet u l-imġieba tiegħu; imma almenu huwa jaf illi hawn xi ħadd iħobbu, u minkejja li hu kif inhu, huwa milqugħ.

Hekk l-Ewkaristija tagħna hija l-qalba tas-sagramentalità. Minnha jieħdu tifsira u sens is-sagramenti kollha tal-ħajja Nisranija. Is-sagramenti huma mezzi ordinarji li permezz tagħhom Alla jdewwaq lill-bniedem it-tjubija tiegħu, iserrħu mit-tagħbija, imantnih, iqawwih u jilliberah.

X’inhuma dawk l-atteġġjamenti li għandu jkollu l-presbiteru madwar din il-mejda? Jew x’inhuma dawk l-atteġġjamenti li m’għandux ikollu l-presbiteru meta jkun madwar il-mejda? Huwa f’postu ħafna l-Evanġelju tal-liturġija tal-lum għaliex ikellimna dwar tliet lingwaġġi simboliċi. Ikellimna dwar tliet modalità kif nistgħu nidħlu fil-preżenza t’Alla. Il-presbiteru li jippresiedi l-ikla ewkaristika huwa l-bniedem tas-simbolu. Il-bniedem tas-simbolu mhux dak li jivvinta jew jimprovviża; imma din trid tkun esperjenza ħierġa mill-kontemplazzjoni tal-misteru biex is-simbolu mbagħad jiġi miftiehem u jikkomunika l-verità.

Il-lingwaġġ ta’ Xmun il-Fariżew: ma jinżilx fil-fond

X’inhuma dawn it-tliet lingwaġġi jew it-tliet modalità li nara fir-rakkont tal-Evanġelju li jirrakkonta l-waqfa ta’ Ġesù għand Xmun il-Fariżew? Ħafna drabi aħna ftit kattivi ma’ Xmun il-Fariżew għaliex fih naraw biss dak illi rrifjuta lill-mara midinba fid-dar tiegħu. Però l-fatt illi Xmun jistieden lil Ġesù għall-ikel fih tifsira enormi. Fil-mentalità Ebrajka, wara l-att matrimonjali, li huwa l-espressjoni tal-aqwa intimità, jiġi li wieħed jistiednek li toqgħod fuq il-mejda miegħu! Daqshekk Xmun xtaq jidħol f’intimità mal-Imgħallem. Irridu nirrikonoxxu li kien ġest awtentiku. Imma kien ġest dgħajjef, fraġli, għaliex ma kienx radikat f’konoxxenza profonda ta’ min hu Ġesù Kristu. Ma kienx miftuħ biex madwar il-mejda jilqa’ lil kulħadd; anzi, hekk kif daħal xi ħadd distint mill-bqija tal-mistednin – kif daħlet dik il-mara midinba –, Xmun infixel, bdew deħlin f’qalbu u f’moħħu ħafna dubji anke dwar l-Imgħallem. Skandalizza ruħu; mhux biss, imma sar ġustizzier għaliex ikkundanna lil din il-persuna.

Issa fil-mentalità Lhudija huwa faċli li waqt li jkun hemm ikla il-bieb ikun miftuħ – bħalma hu miftuh il-bieb tal-knisja tagħna! – u jkun għaddej xi ħadd u jidħol. Il-Fraiżew kellu ħafna tajjeb, imma kien jonqsu kwalità importanti: illi jara x’hemm fil-profondità tal-qalb tal-bniedem. Huwa waqaf biss fl-għarfien pubbliku ta’ dik il-persuna u ma tax lok illi japprezza x’hemm fis-sinċerità tal-qalb tagħha. Il-Fariżew bagħat sinjal: għamel stedina. Imma l-għażla tiegħu ma kienitx għażla evanġelizzata; ma kienitx għażla motivata tajjeb; ma kinitix għażla mdawla!

Kemm jiġrilna hekk meta niċċelebraw l-Ewkaristija, meta niltaqgħu għall-ikla mal-Mulej! Ħafna drabi ninfixlu meta naraw fostna lil xi ħadd li f’imġiebtu jiddistingwi ruħu mill-bqija. Jista’ ikun illi l-parteċipazzjoni tagħna fl-Ewkaristija hija wkoll nieqsa mill-evanġelizzazzjoni, li l-parteċipazzjoni tagħna mhi xejn Kristjana, għax altrimenti l-atteġġjamenti tagħna jkunu differenti, bħalma kien l-atteġġjament tal-Imgħallem quddiem il-midinba!

X’kien allura l-lingwaġġ ta’ Xmun illi aħna rridu nevitaw? Illi huwa għamel ikla, imma kienet vojta mit-tifsira essenzjali tagħha. Fil-ħajja jiġrilna l-istess: għalkemm niċċelebraw l-Ewkaristija bħala ħaġa sagra, però mhux dejjem tgħinna nagħmlu esperjenza ta’ Kristu msallab, feddej tagħna! Kemm qegħdin nesperjenzaw fl-Ewkaristija l-misteru tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu? Jista’ jkun li aħna nagħmlu ħaġa sagra, imma għal ħafna l-Ewkaristija hija biss spettaklu u mhux esperjenza intima mal-Mulej u bejnietna. Altrimenti l-attitudnijiet tagħna jkunu ftit differenti minn dawk li komunement nuru. Kien jonqsu allura li l-Fariżew li jiġi evanġelizzat – bil-lingwaġġ kontemporanju llum kieku aħna ngħidu illi Xmun kien jonqsu jieħu sehem fl-ewwel parti tal-quddiesa: il-liturġija tal-kelma. Aħna l-presbiteri kemm qegħdin nagħtu importanza lill-ewwel parti tal-liturġija tal-quddiesa, il-liturġija tal-Kelma li trid tħejji l-qalb tagħna lkoll, presbiteri u lajċi, għal din l-ikla?

Il-Fariżew kien jonqsu “l-ispiritwalità tad-debitur” – l-ispiritwalità ta’ min iħoss u jemmen illi rċieva ħafna mingħajr ma jistħoqqlu, illi għandu x’jaati ħafna lill-Imgħallem tiegħu, bħal dak ir-raġel fil-parabbola li kellu jagħti ħames mitt dinar u ma kellux minn fejn iħallas dejnu (Lq 7,41). Sfortunatament fil-konfront t’Alla aħna nqisu lilna nfusna bħala kredituri – għamilna xi pjaċir lil Alla! u allura forsi naslu biex nimmanipulaw lil Alla. Imma kieku nħossuna debituri, kieku aħna nagħmlu esperjenza tal-maħfra li tkun mifruxa għal kulħadd.

Il-lingwaġġ tal-mara midinba: l-imħabba

X’inhu il-lingwaġġ jew il-modalità li tippreżentalna l-mara midinba fil-vanġelu tal-lum? Ma qaletx kelma waħda imma l-azzjoni tagħha tkellmet b’qawwa aktar minn kliemha. Għamlet azzjoni straordinarja li mhux biss tiżboq in-normalità, mhux biss toħroġ ’il barra min-normalità, imma saħansitra tikkontrasta man-normalità! Kien hemm xi ħaġa fiha illi tħeġġiġha u tqanqalha. Niftakar f’dak li jgħid l-istess evanġelista Luqa fir-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws: “Ma kienitx imkebbsa qalbna huwa u jkellimna?” Din il-mara, b’kuntrast mal-Fariżew, kellha qalb tħeġġeġ, l-imħabba tagħha saqitha minn triq b’mod inkontrollabbli biex hekk irnexxielha tidħol fejn l-Imgħallem. Ma ħaditx sehem mill-ikla – ma kellhiex il-platt tagħha, imma kienet preżenti. Min jemmen u jħobb lil Ġesù jagħmel liturġija!

Jekk l-Ewkaristija tagħna tkun biss ċelebrattiva u ma jkunx hemm dan l-animu kollu mħabba u entużjażmu għal Kristu, l-Ewkaristija tibqa’ biss ċelebrazzjoni esterna li ma ddaħħalniex fl-intimità ma’ Kristu u ma tlaqqaniex miegħu. Forsi għalhekk niċċelebraw l-Ewkaristija u ftit naraw l-effetti tagħha!

Il-lingwaġġ ta’ Ġesù: it-tama

X’kien il-lingwaġġ li bih tkellem Kristu f’din ix-xena li qegħdin nikkontemplaw? Kristu jistieden lill-Fariżew biex iħares madwaru bl-għajnejn t’Alla, li ma jitfixkilx quddiem id-dlam kkawżat mid-dnub imma josserva fid-dawl t’Alla. Bħala bniedem, il-Fariżew kien kapaċi biss jagħmel katalogu: din tajba u dik ħażina; dan jidħol u l-ieħor jibqa’ barra. Imma meta nħarsu lejn l-aħwa bl-għajnejn ta’ Alla, nintebħu li d-dinja mhix maqsuma bejn il-ġusti u l-ħżiena imma hemm diversi gradazzjonijiet ta’ dwal u dlam. Kristu lill-Fariżew jgħidlu biex iħares madwaru b’viżjoni evanġelizzata li mhix viżjoni li teqred, tikkundanna jew toqtol, imma hija viżjoni li tnissel it-tama u l-imħabba li tant għandha bżonnhom l-umanità, inklużi jien u int.

Dik hi l-azzjoni ta’ Kristu madwar il-mejda, illi meta ninġabru hawn madwarha timliena bil-kuraġġ biex min hu wieqaf jibqa’ wieqaf u min hu mwaqqgħa jsib il-qawwa biex iqum u jerġa’ jimxi. Għeżież presbiteri ġodda, dan hu l-lingwaġġ tagħna l-presbiteri.

Fir-rigward tal-mara midinba, flok ma jagħmel bħal Xmun, Kristu jinterpreta fil-pożittiv l-azzjonijiet li għamlet. M’għamlitx azzjonijiet taċ-ċajt: tibki, ixxarrablu riġlejh bi dmugħha u tixxuttahomlu b’xagħar rasha, bisitlu riġlejh u dilkithomlu biż-żejt ifuħ. Dawn kollha huma azzjonijiet marbutin mal-ħajja taż-żwieġ. Din il-mara kienet taf kif tmur mal-irġiel! Frattant, Kristu ma nfixilx, imma interpreta dawk l-azzjonijiet bħala manifestazzjoni tal-imhabba tagħha. Kieku llum f’termini teoloġiċi nistgħu ngħidu illi in voto din il-mara kienet diġà kisbet il-maħfra. Ġesù jgħidilha: “Dnubietek maħfura. Il-fidi tiegħek salvatek.”

Ministri tal-intimità m’Alla

Dik hija l-esperjenza li għandu jkollna lkoll kull darba li aħna ninġabru ma’ din il-mejda tal-Ewkaristija – sew dawk li huma qaddisin, kif wkoll dawk li huma midinbin. Dan hu l-ministeru tagħna, għeżież ħuti fis-saċerdozju. Mhuwiex ministeru ħafif. Imma bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu nkunu kapaċi nagħmlu mill-mejda ewkaristika li tagħha aħna ministri dak li San Tumas isejjaħlu sacrum convivium. Convivium fis-sens li ngħixu flimkien, basta fil-qalb tagħna hemm dik l-imħabba enormi li kellha dik il-mara midinba għal Kristu. L-importanti huwa li f’qalbna jkun hemm ix-xewqa li niltaqgħu mal-Mulej. Fil-preżenza tiegħu, aħna nirrikonoxxu l-iżbalji tagħna, nindmu minnhom u nkomplu t-triq li għandna quddiemna. Dan għandha bżonn id-dinja u s-soċjetà tagħna.

Għalhekk, ħuti djakni li sejrin issiru presbiteri, inħeġġiġkom biex minn għada tibdew tiltaqgħu mal-“mejda”. Tittraskuraw qatt la l-mejda u lanqas li min irid jinġabar madwarha. Jalla l-preżenza tagħkom bħala presbiteri ġodda tkun okkażjoni fejn aħna l-poplu t’Alla nduqu t-tjubija ta’ Alla, is-salvazzjoni tiegħu.

Minn qalbi nawguralkom li f’dan il-ministeru ma tkunux waħedkom. Kif ikompli jgħid Luqa fil-vanġelu, Kristu baqa’ jxandar il-bxara t-tajba tal-ħelsien imma miegħu kellu oħrajn. Għeżież ħuti, nappellalkom biex takkumpanjaw lis-saċerdoti tagħna u ssieħbu magħhom f’din il-missjoni li huma għandhom għall-qdusija tal-Knisja u tad-dinja. Ammen.