Il-bieraħ filgħaxija, il-Ħadd 6 ta’ Ġunju, festa tal-Corpus Domini, l-Isqof t’Għawdex, Mons Mario Grech mexxa quddiesa pontifikali fil-Katidral t’Għawdex u fiha għamel din l-omelija:
“Dan l-aħħar fostna qed jixtered tagħlim li jmur kontra d-duttrina Kattolika dwar l-Ewkaristija. Qed ngħixu fi żmien fejn, għalkemm nidhru li aħna reliġjużi, qed nitilfu s-sens tas-sagru u hekk naslu wkoll biex nabbużaw mill-Ewkaristija.
Tgħodd ħafna għalina llum it-twissija li San Pawl għamel lill-Insara ta’ Korintu: “Kull min jiekol il-ħobż jew jixrob il-kalċi tal-Mulej bla ma jixraqlu, ikun ħati tal-ġisem u d-demm tal-Mulej… Min jiekol u jixrob bla ma jagħżel minn ikel ieħor il-ġisem tal-Mulej, ikun jiekol u jixrob il-kundanna tiegħu stess” (1 Korintin 11, 27-29).
Fl-Ewkaristija hemm il-preżenza reali u vera ta’ Kristu, veru Alla u veru bniedem. B’differenza minn ħafna Nsara Protestanti, aħna nemmnu li l-preżenza ta’ Ġesù fl-Ewkaristija tibqa’ anke wara li tintemm il-quddiesa, u għalhekk il-ħobż ikkonsagrat jinżamm fit-tabernaklu.
Min tassew jemmen fl-Ewkaristija jgħożż l-adorazzjoni ewkaristika. Imma illum irkupptejna bbiesu wisq biex nitgħawġu u ninżlu għarkubtejna kemm quddiem is-Sagrament espost għall-adorazzjoni kif ukoll waqt il-konsagrazzjoni fil-quddiesa.
Min jemmen fl-Ewkaristija japprezza t-tqarbin possibilment ta’ kuljum. Sa minn dejjem il-Knisja għallmet li biex nitqarbnu rridu nkunu mingħajr dnub mejjet. Fi kliem San Pawl: “Ħa jgħarbel il-bniedem lilu nnifsu, mbagħad jiekol il-ħobż u jixrob il-kalċi”. Il-bniedem jista’ jaqa` fid-dnub mejjet mhux biss f’attività sesswali barra miż-żwieġ imma wkoll f’għażliet diversi oħra li jagħmel fil-ħajja. Huwa tagħlim kostanti tal-Knisja li min ikun fid-dnub il-mejjet għandu bżonn iqerr qabel jersaq biex jirċievi l-Ewkaristija. Għaliex biex nitqarbu rridu nkunu fil-grazzja t’Alla; u d-dnub il-mejjet iċaħħad dan l-istat tal-grazzja.
Jekk wieħed ikun wettaq għemil li fih innifsu huwa diżordni morali, anke jekk din il-persuna suġġettivament ikollha raġunijiet li jiskużawha jew inaqqsulha l-ħtija, xorta ma tistax tersaq titqarben għax tkun ta’ skandlu għall-oħrajn.
Għandna bżonn nieqfu u nirriflettu biex naraw jekk it-tagħlim li nħaddnu dwar l-Ewkaristija huwiex awtentiku jew iddeġenerax maż-żmien. Nistħarrġu wkoll jekk tlifniex is-sens tad-dnub; għax jekk għalina sar jgħaddi kollox, jiftehmu ċerti abbużi fil-konfront tal-Ewkaristija.