“GĦAND MIN IMMORRU?” (Ġw. 6:68)
ITTRA PASTORALI GĦAR-RANDAN 2010

English Version

Maħbubin Uliedna,
Fost il-ħafna ħwejjeġ pożittivi li għandna f’pajjiżna ninnutaw li kiber l-għatx għat-tagħlim, u billi l-opportunitajiet tat-tagħlim kotru, it-tagħlim infirex. Fl-istess waqt, jidher li għalkemm il-bniedem illum sar jaf jaqra, donnu għandu diffikultà biex jaqra l-istorja ta’ ħajtu u tal-ġens tiegħu; għalkemm il-bniedem kapaċi jgħodd in-numri, donnu qed jinfixel x’ħin jiġi biex jagħmel is-somom tal-ħajja tiegħu. Mogħni bl-għerf tax-xjenzi u t-teknoloġija, il-bniedem wasal biex isib tarf ta’ ħafna kobob imħabbla, imma fl-istess ħin il-kobba ta’ ħajtu aktar qed iħabbilha!


In-nuqqas ta’ kuntentizza, l-inġustizzji, il-faqar, it-tilwim, iż-żwiġijiet imkissra, l-orfni ġodda, il-pornografija huma ftit mill-provi ta’ dan. Imma sinjal aqwa li jikkonferma dan kollu hija l-kultura ta’ żmienna mjassra mid-dubji, b’mod partikulari d-dubju dwar id-dinjità ta’ kull bniedem, it-tifsira tal-verità, tat-tajjeb, tal-ġmiel tal-ħajja, u dwar fejn il-bniedem ser jagħti rotta aħħarija tal-ħajja. Tant qed nitilfu l-ħila li naqraw u niżnu dak li qed iseħħ f’ħajjitna, tant il-kobba tħabblet, li hemm min qed jaqta’ qalbu li jista’ jgħaddi lis-soċjetà, partikularment liż-żgħażagħ, dak li huwa validu u ċert, kriterji ta’ mġieba u valuri bis-sens li joffru serħan il-moħħ!

Fiduċja fil-bniedem

Iżda quddiem din is-sitwazzjoni m’għandniex naqtgħu qalbna! Il-bniedem li jgħarbel lilu nnifsu kapaċi jsib iċ-ċavetta tas-soluzzjoni. Għaliex il-bniedem mhux biss kapaċi jitgħallem, imma minn qaddisu huwa miftuħ għat-tajjeb, għas-sewwa u għas-sabiħ! Sakemm ikollu edukaturi tajba u sakemm ma jagħmilx reżistenza u jibbies quddiem min jixtieq jgħinu jagħraf lilu nnifsu, il-bniedem jista’ u għandu joħroġ mid-deżert li jwaħħax tal-ħajja. Fost dawn l-edukaturi, hemm Alla.

Alla jeduka l-bniedem

Aħna nemmnu f’Alla li jeduka l-poplu tiegħu. Alla joffri li jagħmel magħna f’kull żmien l-istess kif għamel mal-Lhud meta kienu fid-deżert. Naqraw fid-Dewteronomju: “F’art imwarrba mar isibu, f’deżert ta’ għajjat waħxi. Dar miegħu u ħa ħsiebu; ħarsu bħall-mimmi ta’ għajnejh. Bħalma l-ajkla l-bejta ttajjar, u tittajjar fuq uliedha, tiftaħ ġwenħajha u ttellagħhom, u ġġorrhom fuq ġwenħajha, hekk il-Mulej mexxiehom waħdu, u ebda alla ieħor ma kien miegħu” (Dewt. 32,10-12). Ma’ din, fl-istess Ktieb tad-Dewteronomju għandna t-tixbiha sabiħa fejn id-deżert hu mqabbel ma’ post ta’ kura, ma’ sptar, fejn Alla jikkura biex ifejjaq lilna lkoll.
Dan hu Alla li r-Randan ta’ kull sena jippreżentalna: hu Alla li jimxi magħna biex jedukana u jiffurmana. Alla li jagħmel lilu nnifsu preżenti fiċ-ċirkustanzi l-iktar konkreti li ngħixu fihom, anke jekk dawn ikunu ħżiena jew ta’ tbatija. Huwa Alla li jieqaf ma’ kull persuna u jimxi magħha bil-pass tagħha hekk li gradwalment, pass wara l-ieħor, hija tkun tista’ toħroġ mid-deżert tal-ħajja: “Bħal ragħaj jirgħa l-merħla tiegħu; bi driegħu jiġma’ l-ħrief, u fi ħdanu jerfagħhom u n-nagħaġ ireddgħu jmexxihom bil-mod il-mod” (Iż. 40,11). Alla jmexxina biex insiru bnedmin sħaħ, mifruda mid-dnub u marbuta mar-rieda tiegħu. L-ewwel u qabel kollox Hu jkellem lill-qalb. Isibna proprju fejn aħna nħossu l-vojt, fejn aħna mweġġgħa, fejn aħna mifnija mid-dubji. Imissna biex ifejjaqna proprju fejn aħna konfużi, fejn aħna l-iktar dgħajfa quddiem vizzji bħad-droga, ix-xorb u l-logħob, li bil-mod il-mod ineżżgħuna minn kull dinjità.
Aħna l-isqfijiet nemmnu li hawn jinsab is-sigriet tas-sistema tas-soċjetà tagħna: li nagħrfu lil Alla bħala l-ewwel edukatur u li ma nibżgħux nidħlu f’din ir-relazzjoni edukattiva li Hu jixtieq iwaqqaf magħna, kemm bhala individwi kif ukoll bħala soċjetà!

Alla għandu fiduċja fina

Alla, li nemmnu fih aħna, jakkumpanjana anke fejn aħna naqgħu u nċedu għall-ħażen ġo fina u madwarna. Il-fatt li llum il-ħajja tagħna qed tiġi mfassla u magħġuna minn elementi li jxekklulna l-libertà, anke meta fil-fond ta’ qalbna nixtiequ nkunu onesti, qed iwassal biex jinħolqu sitwazzjonijiet ta’ deżert. Dawn huma sitwazzjonijiet fejn il-korruzzjoni faċli tegħlibna, fejn issir ħsara morali jew fiżika li diffiċli tirrepara, meta nidħlu f’relazzjonijiet irregolari u ma narawx mod kif nibdlu r-rotta. Dawn sikwit huma sitwazzjonijiet fejn aħna naqtgħu qalbna. Imma llum, aħna l-Isqfijiet nixtiequ ntennu b’qawwa kbira li anke f’dawn l-istess ċirkustanzi, Alla qatt ma jaqta’ qalbu mill-bniedem. Alla għandu fiduċja kbira fina. Ir-realtajiet koroh ta’ ħajjitna lil Alla ma jnaffruhx u ma jdejquhx. Hu jħabbat biex niftħulu ħalli jidħol, biex lil dik il-persuna u lil dik is-soċjetà jiffurmaha u jħarisha “bħall-mimmi ta’ għajnejh” .
B’ħafna paċenzja Alla jedukana biex insibu l-qawwa li tiffurmana u tirriformana umanament u spiritwalment. San Pawl jikteb: “Dehret il-grazzja t’Alla għas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha;  hi trawwimna nwarrbu l-ħażen u  l-ġibdiet  tad-dinja,  biex ngħixu bir-
rażan u l-ġustizzja u t-tjieba f’dan iż-żmien u nistennew it-tama hienja u d-dehra tas-sebħ tal-Kbir Alla u Salvatur tagħna, Ġesù Kristu” (Titu 2,11-13).

Għarfien tal-Iskrittura

Fejn insibu dan il-programm edukattiv ta’ Alla? Fl-Iskrittura! Fiha niltaqgħu mhux biss ma’ kliem imnebbaħ minn Alla, imma wkoll ġrajjiet u esperjenzi li juru kif Alla tkellem man-nies fl-istorja tan-nies. Hemmhekk hemm id-djalogu tas-salvazzjoni li seħħ fl-istorja bejn Alla u l-bniedem, li laħaq il-milja tiegħu fil-persuna u fil-ħajja ta’ Ġesù Kristu, li sar bniedem biex jifdina bil-mewt u l-qawmien tiegħu. Biex iħares lill-bniedem, Alla xtrana bi prezz għoli (1Kor 6,20). Huwa “xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir … ċekken lilu nnifsu billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil. 2,7-8). Il-Knisja hi msejħa biex tkompli dan id-djalogu fl-istorja mal-umanità, hu fejn hu l-bniedem.
L-edukazzjoni vera fil-fidi tista’ sseħħ biss f’għarfien iktar profond tal-Kelma t’Alla. Jeħtieġ nagħrfu l-ħtieġa urġenti li l-Kelma t’Alla terġa’ ssib postha fil-qalba tal-komunitajiet parrokkjali tagħna u fiċ-ċentru tal-għaqdiet u l-movimenti li janimaw il-Knisja. Inħeġġu biex il-komunitajiet parrokkjali tagħna jiffukaw iżjed u jinbnew iżjed fuq il-Kelma t’Alla. Illum irridu nagħrfu b’onestà li ħafna ħidmiet tagħna li ma jitilqux mill-Kelma t’Alla u li ma jwasslux għaliha, huma biss sforzi inutli li jtaqqlu u mhux jgħinu l-mixja edukattiva tal-poplu tagħna u l-formazzjoni Nisranija tagħna.

Knisja Omm u Għalliema

Il-Knisja hija l-komunità li rċeviet l-Evanġelju, imma li qabel tevanġelizza trid tkun hi stess evanġelizzata. Hija l-Knisja Omm u Għalliema. Mhijiex Omm biss u l-anqas Għalliema biss. Hija Omm għax trid tħobb u tagħder u tiftaħ il-bibien għal kulħadd; imma hija Għalliema għaliex bl-istess Kelma t’Alla trid “tgħallem, iċċanfar, twiddeb u trawwem fis-sewwa” (2 Tim. 3,16). Il-Knisja, waqt li tagħder u tħenn, ma tistax tonqos milli toffri u tindika t-triq tal-verità kif indikata mill-Kelma t’Alla.
L-eżerċizzi tar-Randan, il-qari tal-Kelma t’Alla proposti mil-Liturgija, l-irtiri, it-talb imsieħeb mis-sawm u l-karità, huma kollha mumenti qawwija fejn nistgħu nirċievu l-Kelma li tiffurmana biex imbagħad aħna nġeddu l-ambjenti ta’ madwarna: il-familja, il-postijiet tax-xogħol, l-istituzzjonijiet pubbliċi u l-komunitajiet ekkleżjali.
L-Aħbar it-Tajba tal-Evanġelju hija għal kulhadd: dawk li jiġu l-Knisja, dawk li kienu fil-Knisja u telqu, u dawk li qegħdin ifittxu l-verità barra mill-Knisja. Kif fit-Tempju ta’ Ġerusalemm kien hemm “il-bitħa tal-pagani” li fiha kienu jidħlu dawk li ma kinux Lhud, anke fil-Knisja tagħna jeħtieġ noħolqu spazju għal dawk li ma jemmnux jew li jħossuhom bogħod mill-Knisja. Bħal Kristu li miet għal kulħadd biex kulħadd isalva, il-Knisja, oħt u qaddejja, qatt ma tista’ tkun esklussiva.

Żjara tal-Papa

Nixtiequ li din is-sena r-Randan ikun żmien ta’ grazzja mhux biss biex nieħdu sehem fl-Għid ta’ Kristu, imma wkoll biex nitħejjew għaż-żjara f’pajjiżna tal-Q.T il-Papa Benedittu XVI. Billi l-Imgħallem tagħna Ġesù Kristu ħalla lil Pietru biex iwettaq lid-dixxipli fil-fidi, fil-Papa, Vigarju ta’ Kristu u suċċessur ta’ Pietru, naraw lil dak li jikkonfermana f’dan il-proċess edukattiv tal-fidi li għandu jwassalna biex bħal Pietru ntennu: “Mulej, għand min immorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw. 6,68).
Nagħtukom il-barka pastorali tagħna.

 PAWLU CREMONA O.P.                     MARIO GRECH
Arċisqof ta’ Malta                            Isqof ta’ Għawdex