Bżonn ta’ kontribut kulturali

Waqt pontifikal fl-Ewwel tas-Sena li sar fil-Katidral, l-Isqof t’Għawdex għamel appell għal aktar impenn fl-edukazzjoni tal-bniedem. Huwa qal:

L-għerq tal-għejja u l-qtiegħ il-qalb li għaddejja minnhom iċ-ċiviltà ta’ żminijietna huwa l-kriżi fl-edukazzjoni jew il-formazzjoni tal-persuna.

Għalkemm id-defiċit finanzarju qanqal ħafna tħassib u interventi korretorji, l-agħar defiċit li għandha s-soċjetà moderna huwa dak tal-valuri umani, partikularment l-isfiduċja fil-futur!

F’dan il-kuntest inħoss li ż-żmien ta’ llum qed jgħabbi lis-soċjetà u lill-Knisja bir-responsabiltà biex jinvestu aktar fl-edukazzjoni tal-bniedem. 

L-edukazzjoni, li huwa kunċett aktar wiesa’ minn edukazzjoni skolastika, tgħin lill-bniedem ikun aktar ħieles, aktar u aktar meta llum għandna kunċett żbaljat ta’ libertà. 

F’epoka meta l-bniedem qed jagħmel qasma bejn ir-raġuni u l-istinti emottivi, bil-konsegwenza li għandna stili ta’ ħajja affettiva ambigwi u konfużjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-esperimenti li jsiru dwar il-ħajja, hija meħtieġa azzjoni urġenti biex il-bniedem jeduka moħħu u qalbu.

Azzjoni favur edukazzjoni serja hija urġenti ħafna, speċjalment meta qed ngħixu f’epoka fejn ir-relattiviżmu qed joħloq l-inċertezza u hawn min qiegħed jagħmel manipulazzjoni tal-istorja, partikularment l-istorja tal-poplu t’Alla f’pajjiżna. L-istorja ma titħassarx, imma hemm bżonn nirrakkontawha b’mod oġġettiv.

Dan l-impenn favur il-formazzjoni tal-persuna jitlob għarfien korrett ta’ min hu l-bniedem, għax kollox jiddependi minn dan l-għarfien.  Huwa Kristu li jirrivela l-bniedem lill-bniedem.