BIEX JINBNEW TOROQ TA’ KOMUNIKAZZJONI

BIEX JINBNEW TOROQ TA’ KOMUNIKAZZJONI

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Għoti tal-Ministeru tal-Akkolitat
Parroċċa San Lawrenz, Għawdex – Il-Ħadd, 6 ta’ Diċembru 2009

Esperjenzi ta’ qtiegħ il-qalb

Hija l-esperjenza tal-bniedem ta’ llum li jiġri li nagħtu bidu għal xi proġett u mmiddu għonqna għal ċerta direzzjoni imma ma nwasslux, għax qisu naqtgħu jiesna li dak l-iskop li nkunu ffissajna naslu biex nilħquh.Dan narawh fil-ħajja individwali tagħna; per eżempju, l-instabilità tal-bniedem illum li ma jafx x’irid – filli miexi f’direzzjoni u filli f’oħra.Dan narawh fil-ħajja tal-familja tagħna, fejn sfortunatament għandna koppji li jibdew il-ħajja taż-żwieġ u tal-familja u ma jwasslux imma jieqfu f’nofs it-triq.Narawh ukoll xi drabi fil-ħajja tagħna s-saċerdoti.Dan narawh fil-ħajja tas-soċjetà li tagħmel ħafna proġetti imma ħafna drabi tħalli x-xogħol nofs kedda u jkollha tibdel u taghmel adattamenti għaliex jew it-triq hija twila u mħarbta jew għax insibuha magħluqa u ma nistgħux ninfdu.Il-liturġija twassal messaġġ ta’ tamaMeta llum nirrifletti dwar il-Bxara it-Tajba li tixxandrilna partikularment fil-Vanġelu (Lq 3,1-6), nilmaħ lill-Battista li Alla jagħtih missjoni ċara biex jiftaħ it-toroq, biex iwitti fejn hemm il-ħofor, biex ineħħi l-għoljiet u jiddritta t-toroq mgħawġa, biex hekk il-bniedem possibilment jaqbad triq u jasal, biex ma jaqtax qalbu u hekk ma jgħixx f’din l-instabilità u l-insodisfazzjon tiegħu.Il-Battista diġà qiegħed fid-deżert fejn it-triq m’hijiex ħafifa, imma l-Kelma ta’ Alla tasal lil bin Zakkarija u tagħtih dawn il-mandat preċiż biex ‘jiftaħ it-triq fid-deżert’ – hekk hu jiftaħ dawk it-toroq li huma wiegħra u saħansitra magħluqa biex il-bniedem, is-soċjetà u l-poplu ta’ Alla ma jaqtgħux jieshom, imma jaslu fid-destinazzjoni tagħhom u hekk ‘jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla’ li jitkellem minnha Isaija.Ilum ukoll għandna bżonn li nisimgħu, anzi għandna bżonn inħallu l-kelma ta’ Alla taslilna bħala komunità Nisranija f’din id-Djoċesi. Hi komunità li għanda l-istess mandat, jiġifieri biex bħala Knisja ngħinu lill-bniedem ta’ llum jagħmel deċiżjoni tajba u jgħixha; ngħinu lill-familja tagħna, ngħinu lis-soċjetà tagħna ħalli mhux tibda t-triq u tieqaf fin-nofs imma jkollha s-sodisfazzjon li twettaq sa l-aħħar għażla li tkun għamlet.Tfixkil biex nisimgħu u nikkomunikaw ma’ AllaX’toroq nara li hemm bżonn li jinfetħu? L-ewwel nett it-triq tagħna personali: li tħalli lil Alla jidħol f’ħajjitna. Jeħtieġ niftħu t-triq biex il-Kelma tasal għandna; altrimenti m’hux biss ma nkunux effikaci imma l-missjoni tal-Knisja – tkun xi tkun il-missjoni tagħna – jibqa’ ma jkollhiex effett u tħalli toroq oħra magħluqin u diffiċli biex il-bniedem jimxihom. Għalhekk hemm bżonn il-konverżjoni ta’ kull wieħed u waħda minna l-ewwel u qabel kollox. Hemm bżonn li niftħu dik it-triq minn kull ostaklu li jista’ jkun fiha biex il-kelma tasal għandna. Hemm bżonn innaddfu t-toroq mill-imbarazz li nġabar maż-żmien u issa qed ifixkilna milli sseħħ din il-laqgħa mal-Kelma. Niżżiħajr lil Alla li fid-djoċesi għandna diversi opportunitajiet fejn aħna mistiedna biex il-Kelma ta’ Alla taslilna;  inħeġġeġ biex aktar Insara jissieħbu f’dawn il-mixjiet ta’ fidi.Alla jgħinna nikkomunikaw ma’ xulxinJekk nidħlu f’dan il-proċess ta’ konverżjoni nkunu nistgħu niftħu ċerti toroq biex il-bnedmin jikkomunikaw mal-bnedmin. Għandna ċerti toroq-arterji li huma mblukkati u ma nistgħux niddjalogaw u nikkomunikaw flimkien. Ngħixu flimkien f’realtà li tissejjaħ komunità, imma hemm ħafna kanali relazzjonali magħluqa. F’dan il-kuntest, aħna għandna missjoni bħal Ġwannni l-Battista: li almenu ngħinu biex nirrendu aktar facli l-komunikazzjoni bejnietna – biex m’hux kulħadd jimxi għal rasu imma biex nimxu t-triq flimkien.Imbagħad hemm bżonn li niftħu t-triq biex Alla jidħol fil-ħajja pubblika għaliex sfortunatament din it-triq ewlenija hija mblukkata – hemm min qed itella’ ħajt biex Alla jibqa’ assenti fis-soċjetà. Huwa dmir tagħna l-Insara li bil-preżenza tagħna u bl-eżempju tagħna, imsaħħin b’dik il-Kelma li taslilna, ngħinu lis-soċjetà tagħna tiftaħ it-triq tagħha lejn Alla. Hemm diversi esperjenzi u fatti fl-istorja tagħna llum li jindikawlna li aħna qegħdin nagħlqu t-triq għal Alla. Żgur li huwa ġenn li wieħed jazzarda jaħseb li bla flus il-bniedem ma jiekolx u ma jkollux x’jilbes, mentri bla Alla wieħed xorta jkollu x’jiekol u x’jilbes. Mingħajr Alla, il-bniedem kapaci jasal biex jiekol lil ħutu! Jekk nagħlqu din it-triq għal Alla ser nibqgħu fl-insodisfazzjon tagħna, ser jibqa’ jkollna proġetti li m’humiex kompluti u ser nibqgħu ngħixu fl-instabilità tagħna.Il-Knisja trid tikkomunika mal-bniedem ta’ llumHemm bżonn li niftħu t-triq għall-Knisja biex il-bniedem ta’ llum ikun jaf min hi l-Knisja. Jeżistu ċerti ideat żbaljati, ċerti preġudizzji u ċerti attitudnijiet li qed jimblukkaw din it-triq b’tali mod li m’hux qed iħallu lill-Knisja tiltaqa’ mal-bniedem. Huwa aħna li rridu nsibu l-mod, il-kif u x’ħin biex dawn it-toroq jinfetħu, u hekk il-Knisja tkun tista’ tidħol fi djalogu mal-bniedem ta’ llum u tkun tista’ twassal l-Evanġelizzazzjoni tagħha.Il-Ministeru tal-Akkolitat f’qadi tal-liturġijaIllum nifirħu għaliex il-Mulej qiegħed jagħtina l-grazzja li ħames seminaristi qegħdin jippreżentaw irwieħom biex jirċievu l-ministeru tal-akkolitat – ministeru li jpoġġihom qrib il-bniedem. Ngħid qrib il-bniedem għaliex permezz tal-akkolitat, dawn is-seminaristi jwettqu ċerti ħidmiet tal-kult fil-liturġija billi jakkumpanjaw mill-qrib lill-ministri tal-artal. Iżda m’hux dan biss.L-Akkoliti jassumu l-impenn li jikkuraw lil dawk li għandhom ministeru liturġiku. Huma m’hux biss ikunu fuq l-artal, u huma stess iwettqu ministeri marbuta mal-kult, bħalma hu t-tqassim tal-Ewkaristija f’każi stroardinarji, imma, kif jgħidulna d-dokumenti tal-Knisja, huma wkoll ser ikollhom ir-responsabiltà li janimaw, jikkuraw, u jiffurmaw lil dawk li għandhom xi servizz ieħor fil-liturġija.Dan huwa mod ieħor ta’ kif intom, għeżież akkoliti, tistgħu tgħinu biex jinfetħu dawn it-toroq li qed insemmi, għaliex meta l-liturġija hija ċċelebrata kif suppost u meta l-liturgija tkun tassew ċelebrazzjoni tal-preżenza ta’ Kristu u espressjoni ta’ ħajja vera komunitarja, minnha nnifisha għandha qawwa li tneħħi dak kollu li qiegħed ifixkel it-triq biex isseħħ il-komunikazzjon tal-Kelma, il-komunikazzjoni tal-bniedem mal-bniedem, il-komunikazzjoni ta’ Alla u l-komunikazzjoni tal-Knisja. F’dan il-kamp intom għandkom x’tagħmlu fid-djoċesi għaliex fil-qasam tal-liturġija għandna diversi affarijiet x’nirranġaw biex tkun liturġija li tiffaċilita din il-komunikazzjoni.Ministeru f’qadi tal-bniedemImma mbagħad il-ministeru tal-akkolitat, kif huwa deskritt f’dokument tal-Konferenza Episkopali Taljana, jitlob ukoll li dawn is-seminaristi issa m’hux biss ikunu qrib tal-bniedem ta’ fuq l-artal, imma wkoll tal-bniedem li qiegħed fit-triq, speċjalment ta’ dawk li għandhom diversi ħtiġijiet. Ghalhekk huwa ministeru li jiddisponihom ħalli jwettqu ħidma ta’ karità u ta’ mħabba. L-imħabba hijiex proprju ċ-ċavetta biex tneħħi ħafna minn dak li qed jagħlaq it-toroq tagħna biex Alla jikkomunika magħna, biex aħna nikkomunikaw ma’ xulxin, u biex il-Knisja u d-dinja jikkomunikaw flimkien.Mixja lejn il-ministeru saċerdotaliGħeżież seminaristi, illum inġbarna madwarkom m’hux biss biex nitolbu magħkom f’dan il-mument li fih ser tirċievu din il-ħidma partikulari – ministeru li qiegħed jippreparakom ukoll ħalli ’l quddiem, jekk il-Mulej isibkom denji, tiġu afdati mill-Knisja b’ministeri oħra, li huma l-ministeri tal-ordni sagri – imma wkoll ħalli intom tkomplu tgħinuna u tkomplu din il-missjoni li tant għandha bżonnha d-dinja ta’ llum, jiġifieri dik il-missjoni li kellimtkom dwarha fil-bidu: li niftħu t-toroq biex ikun hemm iktar komunikazzjoni.Nagħlaq billi nerġa’ ntenni dak li Pawlu jgħid lill-Filippin fit-tieni qari ta’ llum – liema kliem inpoġġih fuq fommi biex intennih lilkom: “Intom dejjem fit-talb tiegħi; nitlob għalikom ferħan minħabba l-għajnuna li tagħtuni (bħala l-Isqof tagħkom) fix-xandir tal-Vanġelu. Jiena żgur minn dan, li dak li beda din l-opra tajba fikom iwassalha għat-tmiem tagħha sa ma jasal il-Jum ta’ Ġesù Kristu” (Fil. 1, 4-6). Amen.