Biex nirbħu l-vojt etiku

 

Il-bierah filgħaxija (il-Ħadd 4 ta’ Ottubru 2009) l-Isqof Mario Grech kien il-mistieden tal-Provinċja tal-Patrijiet Franġiskani Minuri li ċċelebrat it-800 sena minn meta San Franġisk kiseb l-approvazzjoni tar-Regola mill-Papa. L-Isqof Grech mexxa konċelebrazzjoni fil-Knisja tal-Patrijiet ta’ Ġieżu l-Belt u wassal dan il-messaġġ:

Il-vojt etiku li jinħass fl-Ewropa huwa wieħed mir-raġunijiet għaliex fl-Ewropa hawn sistemi inġusti u korrotti. Aktar ma l-bniedem ikun sajjem dwar kriterji etiċi u morali, aktar tkompli tikber id-distanza bejn min huwa mejjet fis-sakra u min huwa mejjet għal qatra! Għalhekk illum fl-Ewropa u fil-Knisja neħtieġu bnedmin karizmatiċi bħal San Franġisk t’Assisi li 800 sena ilu ta’ bidu għal moviment qawwi li għen lis-soċjetà ta’ żmienu tikxef il-wiċċ moħbi ta’ Alla fi Kristu biex hekk setgħet tikxef il-wiċċ uman tal-bniedem.

Kif il-moviment li inawgura San Franġisk bil-predikazzjoni tal-Evanġelju kien okkażjoni f’waqtha biex ħafna reġgħu sabu l-qafas etiku u morali li kien meħtieġ biex iċ-ċittadini jqiegħdu d-dar tagħhom f’postha, l-istess predikazzjoni tal-Bxara t-Tajba llum tista’ tgħin lil ħafna biex tiġi evitata r-rovina ta’ “darna”. Din id-“dar” għandha diversi dimensjonijiet: hija l-ħajja personali tagħna, hija l-familja, in-nazzjon u l-istess dar Ewropea!

L-istess esperjenza li inċentivat lil San Franġisk biex iqajjem din ir-rivoluzzjoni spiritwali u soċjali tista’ tkun l-esperjenza tagħna llum jekk bħal Franġisku t’Assisi aħna nagħmlu mill-Evanġelju l-ktieb tal-ħajja; però jrid ikun l-Evanġelju sħiħ mingħajr tidwir jew tnaqqis. Billi min ma jafx l-Iskrittura ma jafx lil Kristu, mhux għaġeb li fil-Knisja għandna min għadu ma ltaqax ma’ Kristu! Sfortunatament fil-Knisja wkoll dawk li għandhom il-ministeru tal-Kelma xi drabi jibqgħu lura milli jitkellmu dwar Kristu jew li jipprietkaw l-Evanġelju sħiħ.

Biex il-qawwa tal-Evanġelju titwemmen, bħal ma għamel Franġisku, il-komunità ekkleżjali trid tħaddan u tbus lil-lebbrużi ta’ żmienijietna. Huma diversi dawk li llum qed jiġu esklużi mill-“pjazza” jew minn fuq iz-“zuntier”. Per eżempju, hemm dawk li ma humiex fi żwieġ regulari u l-emigranti irregulari. Huwa urġenti li l-komunità Nisranija tiżen x’atteġġjament qed tieħu quddiem dawn il-kategoriji. In-nies tal-Knisja, speċjalment is-saċerdoti u r-reliġjużi, ma jistgħu qatt jirrinunzjaw għall-“pastorali tat-triq” li twassalhom biex ikunu qrib il-poplu.

San Franġisk irrifjuta li jkun konformista mad-drawwiet u r-regoli stabbiliti mis-soċjetà u l-Knisja ta’ żmienu; flok ma rrepeta skemi mfassla minn ta’ qablu, għażel li jagħti tweġiba ġdida u friska għall-ħtiġijiet ta’ żmienu. Fl-istess ħin huwa dejjem fittex il-konferma ta’ min kien imexxi l-komunità ekkleżjali. Kien għalhekk li fl-1209 talab lil Papa Innoċenz III japprovalu l-ewwel regola tal-moviment Franġiskan! Ikun gwaj serju ħafna jekk xi ħadd jidhirlu li fil-Knisja nistgħu nissagrifikaw il-komunjoni ġerarkika!

It-test sħiħ tal-omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech jidher aktar ’il quddiem.