It-test sħiħ tal-Ittra Pastorali tista tinqara’ minn hawn
English Version of Pastoral Letter
“Alla jagħmel ġustizzja mal-magħżulin tiegħu”
Fil-Vanġelu li għadu kif ixxandrilna, Ġesù jistqarr: “Jien hu l-ħobż ħaj li niżel mis-sema”. Fil-ħajja ta’ kuljum, fuq il-mejda tal-ikel, il-ħobż ma jaqax mis-sema, imma wieħed irid jaħdem għalih! Normalment il-bniedem jaqla’ ħobżu b’għemil ġust; imma xi drabi l-ħobż jintgħaġen ukoll b’dirgħajn imċappsa b’azzjonijiet inġusti.
B’għafsa ta’ qalb ninnota li fostna hemm diversi li jokorbu għax iħossuhom vittmi ta’ xi inġustizzja.
Għemejjel ta’ inġustizzja
Il-Papa Benedittu XVI jgħid li l-ateiżmu ta’ żminijietna wassal għal għamliet akbar ta’ moħqrija u ksur tal-ġustizzja. Soċjetà konvinta li hija stess tista’ toħloq il-ġustizzja skont kif tħoss, jidhrilha u jaqblilha, għandha futur imċajpar.
Billi qed insiru torox għal Alla, il-faxxa tal-inġustizzji qed dejjem titwessa’:
• meta xi ħadd jew xi grupp jħammeġ l-isem jew il-memorja ta’ persuna billi jxerred qlajjiet bil-ħsieb li jdgħajfilha l-kredibilità jew ixekkilha fix-xogħol tagħha;
• għandna familji li m’għadhomx familja minħabba l-mod inġust kif tqassam il-ġid tal-familja; aħwa li ma jitkellmux minħabba abbużi konnessi mal-wirt;
• hemm familji li ġew misruqa minn ġid ogħla: il-fedeltà fiż-żwieġ. Din hija wkoll inġustizzja kontra l-istess istituzzjoni taż-żwieġ u l-familja.
• Fuq livell soċjali, insemmi l-kriżi finanzjarja li laqtet id-dinja.
Bir-raġun Ġesù jgħidilna biex infittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja t’Alla, u l-Missier jagħtina dak kollu li neħtieġu biex nieklu, nixorbu, nilbsu u aktar ukoll. Biex inaddaf is-soċjetà ta’ żmienu minn kull inġustizzja, Ġesù fittex dejjem li jagħmel ir-rieda ta’ Missieru. Fuq l-eżempju tiegħu, aħna nistgħu nibnu belt sabiħa fejn tassew tgħammar il-ġustizzja, jekk nagħmlu dak li jrid Alla. Kull xorta ta’ inġustizzja hija dnub.
L-imħabba u l-ġustizzja
Ġesù jgħidilna: “Jekk il-ħajja ġusta tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-saltna tas-Smewwiet”. L-imħabba hija ġustizzja aktar għolja. Għalkemm tisboq il-ġustizzja, l-imħabba fl-istess waqt tissupponi l-ġustizzja. Kif jista’ xi ħadd jagħti minn dak li huwa tiegħu lil ħaddiehor, jekk ma jkunx lest li jagħti lil ħaddiehor dak li jistħoqqlu bi dritt?!
Ġustizzja kommutattiva
Fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna nipprattikaw il-ġustizzja. Per eżempju, meta wieħed jixtri oġġett jew servizz, iħallas il-prezz tiegħu. Ftit jgħaddilna minn moħħna li bl-imġiba ġusta jew inġusta tagħna, l-indiċi tal-prezzijiet jista jogħla jew jitbaxxa. Tajjeb ghalhekk li nistaqsu: kemm huma ġusti l-prezzijiet li jintalbu, partikularment il-prezzijiet ta’ dak li huwa essenzjali għall-ħajja? Kemm huwa ġust il-ħlas li jintalab għas-servizzi li nipprovdu?
Ġustizzja distributtiva
Hija responsabilità ta’ dawk li jamministraw is-soċjetà li jaraw kif il-ġid u l-piżijiet jitqassmu fuq iċ-ċittadini proporzjonalment skont il-ħtiġijiet u l-ħiliet ta’ kull wieħed. Ma tkunx ġustizzja jekk fil-qasam tas-servizzi soċjali, l-Istat jgħin lil kulħadd xorta, bil-konsegwenza li min għandu tassew bżonn ma jkunx mgħejjun kemm jistħoqqlu!
Illum nisimghu ħafna fuq l-għajnuna finanzjarja diretta li l-Unjoni Ewropea tgħaddi lill-pajjiżi membri tagħha. Tibqa’ r-responsabilità tagħna ilkoll, Gvern u poplu, biex kulħadd jagħti sehmu ħalli l-użu li għalih jitpoġġew dawn il-fondi jkun l-aktar wieħed li jġib ’il quddiem l-interess tal-poplu tagħna.
Ġustizzja legali
Fil-qafas tal-ġustizzja legali hemm liġijiet dwar il-ġbir tat-taxxi, bħalma huma t-taxxa tad-dħul, taxxa tas-suċċessjoni, u l-VAT. Ikun jonqos kontra l-ġustizzja min jipprova jevadi dawn il-liġijiet, jew dak li jissieħeb ma’ min irid jeħles minnhom.
Jekk l-Istat għandu d-dritt u d-dmir li jiġbor il-fondi, iċ-ċittadin ukoll għandu d-dritt u d-dmir li jara kif qed jintefqu l-fondi pubbliċi, għax amministrazzjoni ħażina tista’ twassal għal piżijiet finanzjarji kbar li jkollhom jerfgħu ġenerazzjonijiet futuri.
Ġustizzja soċjali
Dawk li jaħsdu l-frott jagħmlu sew li jiftakru f’dawk li m’għandhomx biex jgħixu ħajja dinjituża. “Alla jrid li ….. dawk li għandhom xi ‘talent’ partikulari jagħtu mill-ġid tagħhom lil dawk li jeħtiġuh”. Il-fqir u ż-żgħir qatt ma huma piż għas-soċjetà, imma huma riżorza, anke mill-aspett ekonomiku. Minn naħa l-oħra, min “jidħak” bl-awtorità biex jikkwalifika għal għajnuna soċjali, jkun jagħmel inġustizzja. Każ tipiku hu meta wieħed jieħu l-kontribuzzjoni tal-qgħad meta fil-fatt ikun jaħdem bi qliegħ.
Ġustizzja retributtiva
Skont il-ligi tal-bnedmin, id-dmir li wieħed irodd jew isewwi l-ħsara li jkun għamel jista’ jiġi preskritt; imma skont il-liġi t’Alla, dan id-dnub ma jinħafirx qabel ma jrodd lura.
Strutturi soċjali inġusti
Fis-soċjetà jista’ jkun hemm strutturi li bla ebda skruplu jaħdmu b’metodi inġusti. Daqskemm iċ-ċittadin huwa fid-dmir li jkun ġust f’għemilu, daqstant ieħor għandu d-dmir li jikkontrolla dawn l-istrutturi, u jekk huma strutturi nġusti, juża l-mezzi li għandu biex jibdilhom.
Alla għad jagħmel ġustizzja
Tkun kemm tkun kbira l-inġustizzja, in-Nisrani għandu jkun konvint li Alla għad jagħmel ġustizzja mal-magħżulin tiegħu. Kif il-Missier għamel ġustizzja ma’ Ibnu li wara mewt inġusta qajmu mill-qabar, hekk jagħmel magħna. Barra minn hekk, Alla jgħin lil min jixtieq jinfatam minn atteġġjamenti nġusti. Ix-xewqa li hemm fil-bniedem biex jgħammar fil-ġustizzja hi motiv biex hu jemmen fl-eternità, fejn jgħibu l-ħwejjeġ ta’ qabel, ma jkunx hemm aktar tbatija u Alla jixxuttalna kull demgħa minn għajnejna. Dan it-twemmin huwa msaħħaħ bis-solennità li sejrin niċċelebraw tat-Tlugħ fis-Sema tal-Vergni Marija.
Bl-interċessjoni ta’ Marija, Mera tal-ġustizzja, nitlob il-barka t’Alla fuqkom.
Mogħtija mill-Kurja tal-Isqof, illum, il-Ħamis, 6 ta’ Awwissu 2009, Festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej.
+ Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex
Mons Salv Debrincat
Kanċellier