L-EVANĠELIZZAZZJONI BĦALA S-SERVIZZ TAL-KNISJA LILL-BNIEDEM
Il-bniedem tal-lum għandu ħafna mistoqsijiet
Min huwa l-bniedem? Il-kittieb Edmond Jabes jgħid li l-bniedem tal-lum jismu “domanda”, għaliex huwa kontinwament qiegħed jistaqsi u jfittex. Ħajtu hija damma ta’ mistoqsijiet, waħda wara l-oħra. Sakemm il-bniedem ma jsibx risposta u ma jiltaqax mal-verità, la ħa jsib mistrieħ u lanqas ħa jkun ħieles. Fin-nuqqas ta’ twegiba bis-sens, il-bniedem jibqa jitfixkel l-identita tiegħu.
Nitlobkom biex illejla b’kuraġġ titfgħu l-ħarsa tagħkom fuq is-soċjetà tagħna u taraw jekk din id-deskrizzjoni tapplikax għal ġensna. Forsi ma nindunawx bid-domandi li qed jagħmel il-ġar tagħna, imma żgur li nindunaw li dak ta’ ħdejna għadu ma sabx is-serħan u għadu mhux ħieles.
Il-bniedem tal-lum jismu “domanda” u qed jagħmel mistoqsijiet serji ħafna. Huwa qed jistaqsi dwaru nnifsu: Aħna min aħna? Min huwa l-bniedem? Qiegħed jistaqsi min hi l-familja u x’inhi l-familja. Qed jistaqsi dwar kif għanda tkun l-imġieba tiegħu, u allura qed jagħmel domandi dwar l-etika u l-morali. Il-bniedem qiegħed jagħmel mistoqsijiet mill-aktar profondi dwar Alla u jistaqsi dwar il-ħajja tal-Ispirtu. Għandu domandi dwar il-Knisja u n-nies tal-Knisja!
Għeżież tiegħi, din hija r-realtà atwali, mhux biss tagħna personalment imma wkoll tal-komunità tagħna u tas-soċjetà tagħna.
Quddiem din ir-realtà nħoss li kemm jien, bħala Ragħaj spiritwali, u kemm intom bħala membri fil-Knisja, għandna responsabiltà li ngħinu. Quddiem Alla u quddiem il-bnedmin, il-Knisja għandha piż fuq spallejha għaliex suppost li għandha u qed toffri risposta għal ċerti domandi.
Imma l-fatt li llum il-bniedem għadu jagħmel dawn il-mistoqsijiet, jista’ jfisser li t-tifsira u t-tweġibiet li tajna sal-lum jew għadhom ma nftehmux – għadhom ma waslux u ma messewx il-moħħ u l-qalb tal-bniedem; jew forsi tajna risposti li ma jagħmlux sens biżżejjed. Jista’ jkun ukoll li fostna hemm min ta tweġibiet qarrieqa u żbaljati! Huwa għalhekk li l-bniedem għadu ma sabx is-serħan u għadu skjav u m’għandux il-libertà.
Il-Knisja tilqa’ biex toffri l-verità rivelata
F’dan il-lejl qaddis, il-Knisja ssejjaħ lill-Ispirtu s-Santu biex, kif qal Kristu, ifakkarna f’dak kollu li għaddielna l-Mulej Ġesù. L-Ispirtu s-Santu joffrielna dan it-teżor tal-vertià mhux biex inżommuh għalina, imma biex aħna llum nagħtu dan is-servizz: li noffru lis-soċjetà tagħna u lil ħutna dawk it-tweġibiet għal dawn id-domandi eżistenzjali li qed itaqqlu l-qalb tal-bniedem. Jekk il-bniedem ma jsibx risposta għalihom (mingħand il-Knisja), ser ikompli jfittixhom bnadi oħra! Huwa fatt li hemm għalliema u għejun oħra ta’ informazzjoni li mhumiex għalliema u għejun li jwasslulu s-sewwa. Dawn mhux biss ma jagħtuhx serħan u ħelsien imma jkomplu jgħarrquh.
L-Ispirtu s-Santu lill-Knisja jagħtiha d-dawl u jgħinha ħalli tapprofondixxi iktar dak il-patrimonju evanġeliku li ħallielna Kristu. Kif Kristu bagħat l-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli, hekk ukoll illejla Ġesù qed jibagħtu fuqna u fuq il-Knisja u qed jgħidilna: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu u morru xandru l-Bxara t-Tajba”.
Evanġelizzazzjoni
L-Evanġelizzazzjoni mhijiex xi aspett jew parti mill-missjoni tal-Knisja, imma hija l-istess missjoni tagħha. Gwaj jekk il-Knisja ma tkunx Knisja li tevanġelizza. Bil-vanġelu f’idejha, il-Knisja tgħin lill-bniedem isib risposta għal dawk id-domandi li hemm fil-qalb. It-tweġibiet li għandha toffri l-Knisja jimbuttaw lill-bniedem mhux tant biex jikseb aktar għarfien, imma ħalli jiltaqa’ ma’ Kristu, u hekk isseħħ dik il-laqgħa mal-Iben ta’ Alla.
Kif jikteb il-Papa Pawlu VI fl-Evangelium Nuntiandi, min għandu f’idejh l-Evanġelju awtentiku jikseb qawwa biex jibdel il-kriterji ta’ ġudizzju, il-valuri determinanti, il-linja tal-ħsieb u l-mudelli tal-ħajja. Jekk, minkejja li nippriedkaw jew nisimgħu l-Evanġelju, ma jkunx hemm din il-bidla, allura bir-raġun wieħed għandu jissuspetta kemm huwa awtentiku l-Evanġelju li hu jħaddan!
Min jiltaqa’ ma’ Kristu għandu tweġiba ta’ x’inhu l-bniedem u ta’ x’inhi dik is-soċjetà bażika li fiha jitwieled u jikber u jsir jaf lilu nnifsu: il-familja. Meta l-bniedem jiltaqa’ ma’ Kristu jsir jaf x’inhuma dawk ir-regoli etiċi u morali li qegħdin hemm mhux għax xi ħadd imponihom fuqu, imma huma miktuba fil-qalb umana u joffru direzzjoni biex il-bniedem ikun bniedem. Min tassew jiltaqa’ ma’ Kristu ma jistax jibqa’ barra mill-Knisja vera, u jagħraf jgħix is-sejħa tiegħu fi ħdanha.
Hemm bżonn li f’din il-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni ngħinu lil ħutna jiskopru l-wiċċ veru ta’ Alla: Alla mhux xi għadu tal-bniedem imma huwa l-ħallieq; huwa kollu tjubija u jrid jakkumpanja lil kull bniedem biex iwasslu għall-għarfien sħiħ tas-sewwa u hekk jissodisfa dawk id-domandi li hemm fil-qalb tiegħu.
L-esperjenza tal-Missjoni Djoċesana
Għall-grazzja ta’ Alla matul din is-sena pastorali l-Ispirtu s-Santu ħadem fina b’mod iktar qawwi fil-Missjoni Djoċesana li llejla qegħdin nikkonkludu. Matul ix-xhur li għaddew, rajna diversi waqtiet fejn stajna nintebħu kemm din hija l-Knisja ta’ Alla fostna u li l-Ispirtu s-Santu għadu jqajjem dak il-għadam li ra Eżekjel (ara Eżek 37) u jlibbsu bil-muskolatura u bil-laħam. Rajna ħafna fostkom il-lajċi li wieġbu b’ġenerożità għas-sejħa li għamlilkom il-Mulej, saħħaħtu l-muskolatura tagħkom, ħriġtu dduru mat-toroq ta’ gżiritna u għamiltu dawk iż-żjajjar fil-familja biex għentu lil tant nies jibdew jiskopru l-fatt li fil-Knisja hemm tweġiba għal dik id-domanda li għandhom fil-fond ta’ qalbhom!
Jien nista’ ngħidilkom li minn dak li qaluli sħabi l-kappillani l-Missjoni Djoċesana ma ġietx għalxejn! Konsegwenza taż-żjajjar tagħkom il-lajċi fil-familji, il-kappillani raw li fiż-żmien tar-Randan kotru dawk li marru għall-Eżerċizzi biex jisimgħu x’inhu jgħid Alla lill-bniedem llum! Qaluli li raw differenza fil-parteċipazzjoni għall-quddies tal-Ħadd. Ma ninsewx li wieħed mill-għanijiet tal-Missjoni Djoċesana kien li niskopru u napprezzaw l-Ewkaristija tal-Ħadd. Qaluli u għadhom jgħiduli – għaliex għadhom deħlin ir-rapporti tat-tberik tal-Għid – li raw f’ħafna familji sinjali li jixhdu ħajja ta’ mħabba u entużjażmu għal Kristu.
Ta’ dan kollu jien irrid inrodd ħajr lil Alla l-Imbierek u lilkom, ħuti fis-saċerdozju, reliġjużi u lajċi. Jekk f’din il-Missjoni tqaddisna aħna, diġà għamilna xi ħaġa kbira; jekk dewwaqna ftit mill-ħlewwa u l-benna ta’ Alla biex il-bniedem jersaq għandu ħalli jiskopri r-risposta għal dawk id-domandi li hemm fil-qalb tiegħu, għamilna xogħol qaddis u Alla biss jaf x’ġid ħareġ jew jista’ joħroġ.
Mill-Missjoni Djoċesana għal missjoni kontinwa ta’ evanġelizzazzjoni
Il-ħidma tal-evanġelizzazzjoni hija wahda permanenti! Proprju fil-fażi tat-tberik tal-Għid, il-kappillani għamlu diversi proposti dwar x’forma ta’ evanġelizzazzjoni u ta’ katekeżi sejra tipproponi l-komunità parrokkjali lill-aħwa – dejjem bil-għan li ngħinu lill-bniedem isib it-tweġiba għall-mistoqsijiet fundamentali tal-ħajja. Mhux biżżejjed li l-Knisja tagħmel il-proposta, imma jeħtieġ li jkun hemm min jilqa’ din il-proposta u dan l-impenn. Għalhekk illejla nappellalkom biex twasslu dan il-messaġġ u biex tagħrfu tapprezzaw dawk il-waqtiet ta’ evangelizzazzjoni u ta’ katekeżi possibilment fuq bażi permanenti. Ħeġġu oħrajn ħalli b’dan il-mod prattiku aħna nippruvaw nagħtu dan il-qadi.
B’dan il-mod aħna jirnexxielna, b’differenza minn dawk in-nies ta’ Babel li bnew belt mingħajr Alla – bil-konsegwenzi kollha li ġġib magħha għażla bħal din, – aħna jirnexxielna nikkontribwixxu biex il-belt ta’ Alla – li diġà qegħda fostna – tidher iktar bħala dik li tħaddan fiha lil kull persuna, b’tali mod li l-ħajja tagħna lkoll tkun ta’ glorja għal Alla u ta’ qadi għal ħutna l-bnedmin.