FAMILJA, KUN DAK LI INT!
Diskors tal-Isqof Mario Grech fil-konferenza “Il-Futur tal-Familja”
Sala Robert Sammut, Floriana – 15 ta’ Mejju 2009

FAMILJA, KUN DAK LI INT!

Waħda mill-ikbar sfidi li għandha s-soċjetà tal-lum hija l-familja. Dan għaliex mill-għazliet li llum qegħdin nagħmlu dwar il-familja ser nikkontribwixxu jew fil-proċess ta’ ċivilizzazzjoni jew fil-proċess ta’ dekadenza tal-istess ċivilità. “Lo sviluppo armonioso e il progresso di un popolo dipendono in larga misura dalla capacità di investire sulla famiglia, quella vera, fondata sul matrimonio, che in nessun modo si può equiparare ad altre forme di aggregazione affettiva” (Giovanni Paolo II, 19 ottobre 2001)

Il-viżjoni ta’ familja li l-poplu tagħna hemm bżonn jiddeċidi li jħaddan, ser issawwar il-qafas għal dawk l-għażliet politiċi u inizjattivi leġiżlattivi li joffru lill-familja kontenuti preċiżi ta’ rwol soċjali, dmirijiet u valuri. Mingħajr din il-viżjoni, il-futur, mhux biss tal-familja imma wkoll tal-komunità, huwa mċajpar u dgħajjef ħafna għaliex ma jistax ikun hemm żvilupp sħiħ tal-persuna u tas-soċjetà. Fin-nuqqas ta’ definizjoni ċara ta’ x’inhi l-familja, ikun diffiċli ħafna li nġibu ’l quddiem il-kapital uman, soċjali u ċiviku tal-komunità.

Ħarsa ħafifa lejn is-sitwazzjoni soċjo-demografika tal-Ewropa turi li ż-żwiġijiet qegħdin jonqsu; żdiedu s-separazzjonijiet u d-divorzji; kotru dawk li qed jgħixu waħidhom; nibtu diversi forom ta’ konvivenza; filwaqt li l-familji qed ikunu xħaħ mal-ħajja, għola l-perċentwali ta’ dawk li jitwieldu barra miż-żwieġ. Għalkemm mhux kulħadd jaqbel li dawn il-fatti huma indikaturi li jikkonfermaw tendenza fis-soċjetà lejn il-frammentazzjoni jekk mhux ukoll “ħarba” mill-familja, ħaġa waħda hija ċerta: li qed nassistu għal ċertu tibdil tant radikali li għal-lanqas għandu jnissel fina mistoqsija dwar il-mudell ta’ ċivilità li qed jintgħaġen fl-Ewropa!

Huwa żgur li l-Ewropa – bħala istituzzjoni politika u kulturali – qed turi li qed issib diffikultà biex tibqa’ tara l-familja bħala istituzzjoni soċjali b’funzjoni preċiża għas-soċjetà! Bejn l-1989 u l-1994, l-Unjoni Ewropeja kienet turi ħafna interess fil-familja. Imma l-affarijiet inbidlu tant li l-istituzzjoni ddikjarat li a bażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà li hemm fit-trattat ta’ Maastricht (art 3.b), mhix tant interessata fil-familja bħala suġġett-oġġett ta’ interess komuni. B’danakollu xorta waħda għadhom jaslu rakkomandazzjonijiet dwar temi relatati mal-ħajja tal-familja.

F’dan kollu hemm sinjali li jindikaw li l-Ewropa, diversament minn sistemi soċjali oħra, għażlet it-triq tan-newtralità jew l-indifferenza etika, anke meta tiġi biex tittratta l-għarfien tal-forom familjari. Il-mod kif it-Trattat ta’ Lisbona jitkellem (jew ma jitkellimx) dwar iż-żwieġ u l-familja huwa indikattiv. Biex il-familja terġa’ tikseb iċ- “ċittadinanza” fl-Ewropa, fis-sens li jintraddulha dawk id-drittijiet u d-dmirijiet li jikkwalifikaw il-preżenza tagħha fin-nisġa politika tas-soċjetà, hemm bżonn li dak kollu li huwa magħruf bħala “pluraliżmu familjari” jiġi kkwalifikat etikament.

Jekk minn naħa l-waħda s-soċjetà postmoderna bl-għażliet u l-istil ta’ ħajja tagħha qed iddoqq l-agunija tal-familja, huwa minnu wkoll li din l-isfida tista’ tinbidel f’opportunità biex “illum” niftħu għajnejna u meta nqabblu l-esperjenzi varji analogi mal-ħajja tal-familja (imma familja ma humiex), mal-ħajja tal-familja, niskopru x’inhu l-“ġdid” li tista’ toffri l-familja.

Huwa fatt li minkejja dak kollu li nisimgħu kontra l-familja, id-diversi stħarriġ juri li l-familja hija valur primarju għall-Ewropej. Forsi wieħed allura jistaqsi kif jeżisti dan it-taħwid u t-tifrik kollu fil-familji! Għax għalkemm l-għożża tal-familja hija għal qalb kulħadd u ħadd ma jixtieq li jitlifha, huwa fatt li ħajja tal-familja hija avventura diffiċli biex tgħixha – mhux biss minħabba raġunijiet persunali ta’ kull membru fil-familja, imma wkoll għax il-familja hija “komunità” (koppja+ulied) fejn kull wieħed u waħda għandu bżonn l-ispazju biex jafferma l-personalità tiegħu/tagħha u għalhekk l-isfida l-kbira ta’ kull familja li l-membri jwaqqfu r-relazzjonijiet ġusti bejniethom. Wieħed waħdu ma jagħmilx familja; anqas grupp ta’ persuni li jgħixu flimkien ma huma familja. Il-familja hija dik ir-relazzjoni speċifika msawra mill-imġieba ta’ diversi persuni li huma marbuta flimkien minn dik l-istess relazzjoni.

Ninnota li fid-dibattitu li għaddej f’pajjiżna ħafna jitkellmu minn “familji” fil-plural; spiss tisma l-frażi “familji ġodda” bħallikieku “il-familja” ma teżistix aktar! U veru nkunu neqirdu l-familja meta kull xorta ta’ koabitazzjoni (household jew living together) tissejjaħ familja! Għal xi wħud, l-imħabba u l-għajnuna reċiproka huma biżżejjed biex dik ir-realtà tissejjaħ familja! Taylor jiddeskrivi dan bħala wieħed mill-“immaginari sociali moderni”. Teżisti tendenza anke fostna li nħawdu l-familja ma’ kull xorta ta’ grupp soċjali primarju fejn hemm biss “familjarità”, kemm jekk dan il-grupp huwa ta’ natura eterosesswali jew monosesswali.

Jekk hemm xi ħaġa pożittiva f’dan il-fenomenu huwa li l-fatt li l-familja kull ma jmur qed issir “ħaġa likwida” ma jfissirx li għadda ż-żmien tal-familja, imma li qed nassistu għal proċess soċjo-kulturali fejn, filwaqt li hemm tentattiv biex il-familja-istituzzjoni tiġi eliminata, qed jinħolqu forom oħra ta’ ħajja familjari.

Dan allura jfisser li s-soċjetà qed tesprimi l-bżonn li jkun hemm definizjoni ġdida ta’ x’inhi l-familja. B’daqshekk ma jfissirx li allura għandha tiġi skartata l-familja tradizzjonali; imma jista’ jkun li billi maż-żmien il-familja tellifniha dak li huwa speċifiku tagħha, hemm bżonn nerġgħu niskopruh; jista’ jkun li fiż-żmien aktar ħarisna lejn l-aspett funzjonali tal-familja, fis-sens li l-familja kienet importanti aktar għax kienet twettaq xi funzjoni soċjali milli bħala “fenomenu soċjali totali” (Marcel Mauss) fis-sens li l-familja tikkonvolġi l-membri tagħha fid-dimensjonijiet kollha tal-ħajja umana: bijoloġiċi, psikoloġiċi, ekonomiċi, soċjali, ġuridiċi u reliġjużi. Il-familja dan tagħmlu permezz tan-nisġa ta’ relazzjonijiet li jkun hemm bejn il-membri. Infatti dak li huwa speċifiku tal-familja mhix il-funzjonalità imma r-relazzjonalità.

Meta niġu biex niddefenixxu l-familja għadha valida d-definizzjoni li jagħti Levi Strauss: “dik l-għaqda li ftit jew wisq hija durevoli, approvata soċjalment, ta’ raġel wieħed, mara waħda u l-ulied, li hija fenomenu universali preżenti f’kull tip ta’ soċjetà”. Huwa r-rikonoxximent pubbliku (approvata soċjalment) tal-esistenza tar-reċiproċità fir-relazzjoni bejn is-sessi u tal-konsegwenzi tagħha fuq il-ġenerazzjonijiet li tibdel dak il-grupp minn “familja-konvivenza” f’familja-istituzzjoni soċjali.

Dan il-mudel ta’ familja huwa proponibbli mhux biss għax huwa konsolidat bl-esperjenza, imma wkoll għaliex din “il-familja” għandha valur miżjud meta mqabbla ma’ forom oħra ta’ ħajja. Dan il-valur miżjud huwa xi ħaġa unika, oriġinali u insostitwibbli li r-relazzjoni familjari toffri lil persuna fi ħdanha u lis-soċjetà.

Dan il-valur miżjud jiftiehem biss meta niżnu l-effett li taf tipproduċi l-familja bħala tali. Dan l-effett ma jiddependix minn dak li kull membru fil-familja jaf joffri lill-familja bħala individwu; lanqas ma huma ċerti prestazzjonijiet funzjonali (bħalma hija l-assistenza reċiproka) li toffri l-familja; imma jikkonsisti f’dik il-propjetà li hija proprja tal-familja: ir-relazzjoni tal-koppja u dik ta’ bejn il-ġenituri u l-ulied. Dawn iż-żewġ relazzjonijiet flimkien joħolqu relazzjoni oħra: struttura relazzjonali li tgħaqqadhom flimkien. Din hija l-familja mmarkata b’ħajja fejn il-membri jaqsmu kollox ma’ xulxin u huma preżenti għal xulxin.

Il-persuna għandha bżonnijiet naturali li jistgħu jiġu sodisfatti biss f’kuntest ta’ relazzjonijiet; fejn permezz ta’ interazzjoni mal-oħrajn (interazzjoni soċjali) il-bniedem jissoċjalizza ruħu u hekk jikber fl-identità tiegħu personali. “The first and fundamental structure of human ecology is the family, in which man receives his first formative ideas about truth and goodness, and learns what it means to love and to be loved, and thus what it actually means to be a person. Here we mean the family founded on marriage in which the mutual gift of self by the husband and wife creates an environment in which the children can be born and develop their personalities, become aware of their dignity and prepare to face their unique and individual destiny” (Centesimus annus, 39)

Ebda forma ta’ aggregazzjoni affettiva differenti mill-familja ma tista’ toffri dan il-valur miżjud. Hija proprju din id-differenza bejn il-famila u sempliċi koabitazzjoni anagrafika: il-familja biss tiġġenera dawk il-beni immaterjali (intangibles) tal-identità personali u soċjali li mingħajrha la l-individwu u lanqas is-soċjetà ma jista’ jkollhom eżistenza proprjament umana. Dawn huma l-bona relazzjonali li jirriżultaw mir-relazzjoni sponsali u ġenerattiva li huma speċifiċi taż-żwieġ.

Biex il-familja tkun tista’ toffri dan is-servizz ta’ soċjalizzazzjoni, huwa importanti li tkun familja stabbli. L-istabilità tal-familja, fis-sens li l-familja tibqa’ flimkien minkejja d-diffikultajiet li jistgħu jilqalgħu, mhix xi rabta esterna u imposta, imma hija l-istess kundizzjoni biex issehh is-soċjalizzazzjoni tal-individwu u tal-familja bħala tali. Għalhekk, li l-familja tibqa’ flimkien huwa għan li l-familja trid taħdem għalih jekk trid tirnexxi fil-missjoni tagħha. Għalhekk l-indissolubilità taż-żwieġ mhix biss propjetà taż-żwieġ li toffri “garanzija” tal-impenn li jkunu assumew il-miżżewġin; imma wieħed jista’ jħares lejha bħala kwalità li l-istess miżżewgin/familja jfitxu biex ikunu jistgħu jgħixu l-vokazzjoni tagħhom bħala familja.

Billi ż-żwieġ u l-familja huma ambjent primarju fejn il-persuna ssib lilha nnifisha u tissoċjalizza, dawn (iż-żwieġ u l-familja) ma jistgħux jitħallew jiżviluppaw skont id-diskrezzjoni tal-miżżewġin jew tal-membri fi ħdan il-familja. Fiż-żwieġ u fil–familja hemm ċerta ġuridiċità intrinsika, li min hu responsabbli (leġiżlatur) huwa fid-dmir li jartikula. Ikkunsidrat li r-realtà taż-żwieg u l-familja għandhom l-eżiġenzi propri tagħhom imnaqqxa fin-natura (fl-istruttura ontoloġika tal-persuna), ifisser li ż-żwieġ u l-familja għandhom “sfera di ordinamento autonomo nei confronti dello Stato” (A Moro). Għalhekk, meta jintervieni, il-leġiżlatur isib ruħu quddiem realtà li ma jistax jibdel. Il-liġi għandha biss tagħmel espliċitu dak li hemm miktub fin-natura taż-żwieġ u tal-familja biex fl-aħħar mill-aħħar tiġi mħarsa u mgħejuna l-persuna. Għalhekk kull ma tagħmel il-liġi huwa li tieħu nota ta’ dik ir-realtà li teżisti qabel l-Istat u permezz ta’ forma ġuridika tittraduċi struttura naturali f’relazzjoni istituzzjonali oġġettiva.

Durkheim E. kien ħabbar dik li sejħilha “is-sagralità tal-individwu” fil-leġiżlazzjonijiet moderni. Ġejna fi kliemu. Wara li d-dritt ħa aktar xeħta pożittivista u privatista, rajna li l-pożizzjoni tal-individwu ssaħħet vis-a-vis ir-rispett lejn il-kollettività li huwa jagħmel parti minnha.

Għalhekk mhux tal-għaġeb li fil-pajjiżi Ewropej il-politika u l-leġiżlazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam maż-żwieġ u l-familja, aktar jaġevolaw lill-individwu indipendentement mir-rabtiet li jkollu mal-familja! Fi qbil perfett mal-kurrent ġuspożittivista u individwalista, flok ma nikkunsidraw id-dritt naturali li jista’ joffri orjentament lill-ordni soċjali u politiku, is-sistema matrimonjali aktar qed ixxaqleb lejn is-sistema konvenzjonali, jiġifieri sistema li tiffavorixxi il-ftehim “privat”. Hekk per eżempju, fis-sistema ġuridika Ewropeja dwar id-divorzju, ir-rieda “ambulattiva” tal-partijiet ħadet sopravvent fuq ir-rieda espressa fil-kunsens taż-żwieġ li taċċetta ċerti valuri taż-żwieġ u l-hajja miżżewga. Infatti, f’ċerti pajjizi, iż-żwieġ jinħall b’deċiżjoni tal-partijiet; imbagħad wara perijodu ta’ xi snin, din id-deċiżjoni tiġi aċċetta mill-Qrati.

Meta ngħidu li r-realtà taż-żwieġ u l-familja għandhom il-fundament ontoloġiku tagħhom fil-persuna umana, qed nitkellmu mill-etika taz-żwieġ u l-familja. Għalkemm il-liġi u l-etika mhux bilfors jikkoinċidu, huwa fatt li l-liġi wkoll għandha tirrispetta l-etika.

Għax jekk l-ordni morali huwa l-ordni tal-persuna, il-liġi hija l-ordni tal-komunità u ma tistax titħawwad mal-ordni morali. Però, il-komunità, li minhabba fiha jsiru l-liġijiet, hija espressjoni ta’ dimensjoni ontoloġika tal-persuna: ir-relazzjonalità, il-ftuħ neċessarju ta’ bniedem lejn bniedem iehor. Għalhekk il-liġi wkoll għadha sserraħ fuq prinċipji morali għax il-komunità hija espressjoni (storika u kontinġenti) tal-persuna. Għalhekk il-liġijiet umani għandhom din id-dimensjoni etika peress li l-għan tas-soċjetà huwa l-ġid tal-persuna – allura ġid morali. Huwa biss jekk ikun hemm liġijiet li jirrispettaw l-ordni morali essenzjali, li dawn jistgħu jiggarantixxu l-iżvilupp ta’ soċjetà ġusta u demokratika.

Dan kollu japplika wkoll meta l-leġiżlatur jiġi biex jagħmel liġijiet li jirrigwardaw il-ħajja tal-familja! Francesco Casavola, President tal-Qorti Kostituzzjonali Taljana, jikteb li:

È doveroso riflettere sulla dislocazione di tutta la problematica della famiglia sulla linea di frontiera tra diritto ed etica.

Non si può chiedere al diritto quel che deve previamente essere prodotto da una matura ed alta coscienza etica della società.

Il diritto ha bisogno di essere fondato per non funzionare come arrendevole ratifica di tendenze congiunturali della società.

La storia sociale insegna che alla ricerca di assetti stabili, le comunità umane non si dispongono sempre su itinerari di progresso.

La desocializzazione, che sembra minare la cultura occidentale, trova causa anche nella non accettazione delle generosa ed onerosa solidarietà, richiesta dal corrispondersi, di diritti e doveri nella famiglia fondata sul matrimonio”. (2007)

It-tentattivi li saru jew jistgħu jsiru fostna biex forom ta’ konvivenza jiġu ekwiparati mal-familja mwaqqfa fuq iż-żwieġ, ċertament mhumiex sinjal ta’ progress fiċ-ċiviltà ta’ pajjiżna. Ħwejjeg bħal dawn pjuttost jistgħu jnisslu aktar konfużjoni dwar min jista’ jkun titolari ta’ ċerti drittijiet. Nikkwota x’qalet il-Qorti Kostituzzjonali Taljana f’sentenza ta’ Mejju 1998: “tra il rapporto coniugale e quello di mera convivenza, non solo non ċ’è similarità di situazioni, ma proprio questa non  voluta dalle stesse parti, che nel preferire un rapporto di fatto hanno dimostrato di non voler assumere i diritti e i doveri nascenti dal matrimonio, onde la imposizione di norme, applicate in via analogica, a coloro che non hanno voluto assumere i diritti e i doveri inerenti al rapporto coniugale si potrebbe tradurre in una inammissibile violazione della libertà di scelta tra matrimoio e forme di convivenza”.

Nifhem li tista’ tiġi esplorata kif il-liġi ssib soluzzjoni ħalli jitħarsu ċerti drittijiet individwali u ċerti obbligi indivdiwali li jistgħu jivverifikaw ruħhom f’każijiet ta’ persuni li qed jgħixu flimkien. Perà din ix-xorta ta’ miżura legali għandha ssir b’mod distint mill-qafas tal-liġijiet matrimonjali u b’mod li l-ispeċifiċità ta’ dan tal-aħħar tkun assolutament imħarsa. Għax uħud mill-inizjattivi maħsuba biex ċerti forom ta’ konvivenza jiġu ekwiparati mal-istituzzjoni taż-żwieġ, fir-realtà jistgħu jkunu mmirati biex l-istess istituzzjoni taż-żwieġ tiġi relattivizzata. U dan huwa żbaljat.

Li wieħed jidentifika diversi realtajiet profondament diversi bl-istess miżuri legali, dan ikun kontra l-ġustizzja. Ikun inġust u diskriminatorju ma’ dawk li jingħaqdu fiż-żwieġ biex jiffurmaw għaqda stabbli u prokreattiva, għaliex dan ifisser li l-liġi ma tkunx qed issostni l-istatus partikulari tagħhom u ma tkunx tieqaf magħhom b’mod speċifiku.

Jekk jingħata għarfien ġuridiku lil dawk li jikkoabitaw imma ma humiex familja, xi skop hemm li ż-żwieġ u l-familja jiġu regulati bil-liġi? Il-liġi tħares iz-żwieġ u l-familja mhux għaliex dawn joffru esperjenza ta’ mħabba – l-imħabba hija aġuridika!, – imma għaliex iż-żwieġ u l-familja għandhom funzjoni soċjali relevanti ħafna. Il-koppja li trid tiżżewweġ qed tagħżel li tittrasferixxi r-relazzjoni tagħha minn livell sentimentali għal livell soċjali; mentri dawk li jagħżlu li jikkoabitaw ma jħossux il-ħtieġa li jesprimu pubblikament r-rieda tagħhom għax iridu li r-relazzjoni tagħhom tibqa’ ħaġa privata. Din l-għażla għandha tiġi rrispettata sal-aħħar!

Il-kriżi attwali tal-familja hija dovuta għall-konfużjoni li għandna dwar x’inhi l-familja. Minħabba dan in-nuqqas ta’ kjarezza, huma dgħajfa kemm il-kontribut li tista’ tagħti l-familja lis-soċjetà, kif ukoll il-mod kif is-soċjetà qed twieġeb quddiem din l-isfida. Nemmen li huwa l-waqt li nfittxu qbil dwar x’qed nifhmu b’familja. Huwa l-waqt li l-familja tikseb “iċ-ċittadinanza” tagħha, fis-sens li tiġi rikonoxxuta bħala suġġett soċjali biċ-ċittadinanza tagħha proprja. Meta ngħidu “ċittadinanza” tal-familja nifhmu dik id-damma ta’ drittijiet u dmirijiet tal-familja bħala familja, distinti minn dawk li l-indivdwi fi ħdan il-familja jista’ jkollhom. Hekk mhux biss il-familja tassumi r-responsabiltà ta’ “suġġett soċjali” u tkun preżenti u taġixxi fid-diversi strata tas-soċjetà bħala “familja”, imma anke l-Istat u r-realtajiet ċivili l-oħra jibdew jirrelataw mal-familja bħala “unità” – il-membri fi ħdan il-familja jiġu indirizzati mhux tant bħala individwi imma bħala “unità”.

F’dawn ir-riflessjonijiet ippruvajt ma nkunx “konfessjonali”. Mhux għaliex il-Knisja ma għandhiex kontribut x’tagħti f’din id-diskussjoni; imma l-Bxara t-Tajba dwar iż-żwieġ u l-familja jikkonfermaw dak li naslu għalih bir-raġuni. Billi r-raġuni tista’ tkun imċajpra għax il-passjoni u s-sentimenti ma jħallux lill-bniedem jara b’mod oġġettiv, il-fidi Nisranija msejsa fuq il-Kelma t’Alla tgħinna nippenetraw dak l-ordni primordjali li sa mill-bidu Alla waqqaf dwar iż-żwieġ u l-familja. Iz-żwieġ u l-familja huma preeżistenti għall-Kattoliċiżmu. Bħalma għandu jagħmel l-Istat meta jittratta dawn ir-realtajiet profondament umani, anke l-Knisja, meta tesprimi l-fehma tagħha dwar iż-żwieġ u l-familja, hija tkun qed taqra dak li diġà hemm miktub fin-natura, konsolidat minn Kristu li għolla ż-żwieġ għad-dinjità ta’ sagrament.