NILQGĦU KONTRA L-KULTURA TAL-MEWT
Siltiet mill-Omelija ta’ Mons. Isqof Mario Grech
Knisja Patrijiet Franġiskani Minuri - Rabat, Malta

Meta lbieraħ (Erbgħa) filgħaxija l-Isqof Mario Grech mexxa quddiesa pontifikali fil-knisja tal-patrijiet Franġiskani Minuri fir-Rabat, Malta fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Ġużepp,  fl-omelija huwa tkellem dwar kif:
NILQGĦU KONTRA L-KULTURA TAL-MEWT
Fis-soċjetà tal-lum mhux biss il-finanzi u x-xogħol huma mhedda, imma anke l-istess ħajja umana. Fix-xefaq xi kultant jintlemaħ sħab ikrah li jista’ jikkawża dilluvju li jaf idgħajjef l-ilqugħ morali u legali li s’issa għandna a favur tal-ħajja umana.

Ħafna fostna jħaddmu “sistema utilitarista” li tapprova dak kollu li huwa meħtieġ “issa” mingħajr ma tikkunsidra jekk dak li huwa utli huwiex possibbli etikament u legalment! Mhux dak kollu li jista’ jsir fil-laboratorju huwa moralment korrett; u anqas dak kollu li tippermetti l-liġi ċivili għandu xi garanzija li huwa etikament tajjeb, minkejja li biex liġi ċivili tkun ġusta ma tistax tkun kontra l-ordni morali naturali.

Ix-xjenza tgħin lill-miżżewġin li għandhom diffikultà biex ikollhom it-tfal; imma l-istess xjenza tista’ tnissel il-ħajja umana barra miż-żwieġ li huwa l-ambitu naturali li fih suppost titwieled it-tarbija! Il-ħajja hija frott tal-imħabba bejn il-miżżewgin u għalhekk il-ħajja għandha titnissel biss f’dan il-kuntest ta’ mħabba konjugali.

Għalkemm f’pajjiżna l-abort mhux legalizzat, xorta teżisti mentalita abortista. Mhix impensabbli li min suppost qiegħed hemm biex jiddefendi l-ħajja, jipproponi li titneħħa t-tarbija mill-ġuf!  Huwa fatt li fejn hemm il-prattika tat-tnissil tal-ħajja fil-laboratorju, jeżisti riskju kbir li l-ħajja umana tinqered għax hemm prassi li jaħżnu l-ħajja fil-friża!

Il-ħajja tista’ tiġi manipulata u meqruda mhux biss waqt il-proċess tat-tnissil fil-laboratorju jew meta t-tarbija tkun fil-ġuf, imma wkoll meta persuna timrad serjament u wieħed irid jagħżel għalih jew għall-oħrajn liema mezzi huma proporzjonati jew sproporzjonati għall-kura fil-każ partikulari. Għażla żbaljata ta’ dawn il-mezzi tqiegħed f’periklu ħajja ta’ bniedem! L-ewtanasja hija qtil tal-persuna u għalhekk qatt ma hija moralment aċċettabbli.